Quddiesa u Rużarju mill-Kurja tal-Arċisqof – 14 ta’ Lulju


It-Tlieta, 14 ta’ Lulju 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kurja tal-Arċisqof. Quddiesa offruta għan-nurses u l-kappillani tal-isptarijiet.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Imdorrijin nitkellmu dwar Ġesù “ta’ qalb ħelwa u umli” imma Ġesù jitkellem ukoll dwar il-ġudizzju. Il-ġudizzju mhuwiex xi ħaġa negattiva imma hu effett tal-libertà li biha l-Mulej żejjinna. Frott il-libertà hija wkoll ir-responsabbiltà. Jekk għandi għażla, nista’ nagħżel tajjeb jew ħażin u rrid ukoll naċċetta l-konsegwenzi tal-għażliet tiegħi.

Il-Mulej iwissi lil min kien xhud tal-mirakli u l-qawwa tiegħu li tfejjaq, li rċieva ħafna imma għax irċieva ħafna, għandu wkoll ħafna responsabbilta (ara Mt 11:21). Meta jitkellem dwar il-bliet ta’ Tir u Sidon ta’ Sodoma jitkellem dwar ambjenti pagani li ma kellhomx l-għarfien tal-liġi jew l-esperjenza tal-qawwa ta’ Alla li kellu l-poplu Lhudi. Kellhom responsabbiltà. Ġesù jitkellem ukoll dwar il-ġudizzju ta’ dawn il-komunitijiet u l-ibliet imma jitkellem ukoll dwar ġudizzju eħfef għax ir-responsabbiltà tagħhom hija proporzjonata għall-grazzji li qalgħu.

Ta’ min nagħmlu eżami tal-kuxjenza fuq x’qegħdin nagħmlu bil-fidi tagħna, fejn qiegħda twassalna. Jista’ jkun li aħna nsibu faraġ fir-ritwal, bħal pereżempju fil-festi tagħna. Il-Mulej jitkellem dwar responsabbiltà ikbar: li naraw lilu f’ħutna.

Hawnhekk nixtieq nislet tagħlima sabiħa mill-ħajja ta’ San Kamillu de Lellis li qegħdin infakkru llum. Wieħed minn sħabu li xehed fil-kawża għall-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzoni ta’ Kamillu, jgħid hekk: Kienet tant ħajja ix-xbieha ta’ Kristu li fil-morda, li bosta u bosta drabi hu u jqassmilhom l-ikel, kien jara fihom il-kristijiet tiegħu. Sa kien jasal biex jitlobhom bil-ħerqa li jħennu għalih u jaħfrulu dnubietu. Kien joqgħod quddiemhom b’qima kbira bħallikieku kien tassew quddiem Sidu. Fuq xejn ma kien jitkellem daqshekk sikwit u bil-ħeġġa daqskemm fuq l-imħabba qaddisa u kien jixtieq isawwabha fi qlub il-bnemdin kollha.

San Kamillu de Lellis ħa bis-serjetà l-Kelma ta’ Ġesù: “Kont marid u ġejtu iżżuruni” (Mt 25:36). Mhux il-morda ħbieb tiegħi, jien kont marid. “Kulma għamiltu lil dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Tant kien jara l-persuna ta’ Ġesù fil-morda li San Kamillu kien qisu qed jitkellem ma’ Ġesù u jitlobhom jaħfrulu dnubietu.

Il-qaddisin kellhom sens kbir tad-dgħufija u tad-difetti tagħhom, mhux biex jaqtgħu qalbhom imma kienu jiggranfaw ma’ Ġesù jitolbuh maħfra. Aħna hekk għandna nagħmlu, ma naqtgħux qalbna għaliex it-talba li l-iżjed tfarraġna kien iħobb jirrepetieha Dun Ġorġ Preca: ‘Sinjur Alla, aħfirli qabel tiġġudikani’. Jekk il-Mulej jagħmel hekk, aħna salvi.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 7, 1-9
Salm: 47 (48), 2-3a.3b-4.5-6.7-8
Evanġelju: Mt 11, 20-24