X’tagħlimt mill-esperjenza tal-Corona Virus?

Print Friendly, PDF & Email

Matul dawn l-aħħar xhur, mhux biss bħala Maltin u Għawdxin, imma bħala umanità globali, għamilna esperjenza unika f’ħajjitna. Qed nirreferi għall-esperjenza tal-pandemija tal-corona virus jew kif ġieli nsejħulha COVID-19.

Għamilna esperjenzi ta’ epidemiji kemm fuq livell ta’ Ewropa u anke f’pajjiżna. Biżżejjed insemmgħu l-influwenza li taħkimna kull xitwa. Fil-linwgwaġġ tagħna minflok ‘epidemija’ insejjħulha ‘imxxija’ … l-imxxija tal-influwenza. Imma pandemija mifruxa mad-dinja kollha qatt m’għamilna esperjenza tagħha. Ġieli qrajna fl-istorja dwar pandemiji li anke laqtgħu pajjiżna. Imma dawn smajna biss dwarhom u qrajna fuqhom imma m’għamilnhiex esperjenzi tagħhom. Nistgħu ngħidu li minn kważi mitt sena ‘l hawn din kienet l-pandemija li messna ngħixu fl-istorja ta’ ħajjitna.

IS-SABIĦ U L-IKRAH

Importanti li meta fil-ħajja tagħna ngħaddu minn xi esperjenza, tkun xi tkun, nippruvaw nieħdu t-tajjeb tagħha kemm mis-sabiħ li toffri kif ukoll mill-ikrah li jista’ jkun hemm imgeżwer magħha. B’dan il-mod tkun esperjenza li tħalli l-frott fina. Dan hu t-tifsir ta’ ESPERJENZA b’differenza minn IMPRESSJONI. Jiena u int nistgħu ngħaddu minn ġrajja f’ħajjitna li tħallina b’idejna vojta. Nistgħu ngħidu li kienet tajba ħafna u anke sabiħa jew li kienet iebsa u kerha però tgħaddi u tħallina vojta. Din insejjħulha IMPRESSJONI. Impressjoni ta’ xi avveniment li ma jkun ħalla l-ebda effett, l-ebda marka, l-ebda bidla fil-ħajja tiegħek. Ħasra! Tkun ġrajja moħlija. Żmien mitluf!

Imma minbarra dik li nsejħulha ‘impressjoni’ hemm l-ESPERJENZA. Din hija ferm aqwa u aħjar. L-ESPERJENZA li bħal ġrajja tiġi fuqek, tgħaddi minnha bid-differenza li wara li tgħaddi tħallik ferm aħjar. Timmaturak! Tkabbrek! Tikkonvertik. Tittrasfurmak! Għalhekk insejjħulha ‘esperjenza’.

U proprju hawnhekk nagħmel mistoqsija meħtieġa u kruċjali: il-ġrajja li għaddejna u għadna għeddejjin minnha tal-corona virus hija, għalija u għalik, ħija u oħti,  impressjoni jew esperjenza? Ser tkun biss ġrajja ta’ livell ta’ impressjoni li nkunu għaddejna minnha u ħallietna kif sabitna, jew agħar milli sabitna. Ser tkun ġrajja li ma nitgħallmu xejn minnha? Meta tgħaddi għal kollox sejrin nirritornaw għall-ħajja ta’ qabel, qisu ma’ ġara xejn? Jew din il-ġrajja tal-pandemija tal-corona virus ser tkun għalija u għalik mument għani ta’ esperjenza għax sejrin noħorġu minnha aħjar mill-konna qabel? Ser inħalluha timmatrurana u tkabbarna? Sejrin nitgħallmu mill-iżbalji li konna qed nagħmlu qabel ħalli nikkonvertu, ninbidlu u għalhekk ma nkomplux nirrepetuhom?

X’TAGĦLIMT? X’GĦANDNA NITGĦALLMU?

Bil-għan li din il-ġrajja tal-corona virus, bl-ikrah u s-sabiħ kollu tagħha, ma tkunx biss sempliċiment ‘impressjoni’ imma wisq aktar ‘esperjenza’ ser naqsam magħkom ftit ħsibijiet, 16 b’kollox,  dwar dak li  jiena personalment tagħlimt minnha. U la darba tgħallimt, għalija mhix ser tkun ġrajja li tgħaddi u tħallini b’idi vojta imma ser tgħaddi u nħalliha tkabbarni.

  1. Hemm min xebbaħ din il-pandemija bħala it-Tielet Gwerra Dinjija. Din l-pandemija, jew aħjar it-3 Gwerra Dinjija, bdiet miċ-Cina u nistgħu ngħidu li diġà ħarġet minnha. Għalhekk nirrifletti u ngħid: Iċ-Ċina rebħet din it-tielet gwerra dinjija mingħajr bombi jew missili. Il-pajjiżi l-kbar u żviluppati huma ppreparati sa snienhom għal kull possibiltà ta’ gwerra imma ħadd minnhom ma kien ippreparat għal din l-pandemija, li ma tintrebaħx bil-bombi nukleari. Tgħid ser ikun żball li ser nitgħallmu minnu?
  1. Din il-ġrajja tal-pandemija tal-corona virus li ħakmet b’qilla kbira l-pajjiżi tal-Ewropa kixfet kemm aħna l-Ewropej m’aħniex daqstant poplu dixxiplinat daqskemm konna naħsbu. Waħda mill-kawżi għaliex din il-pandemija xterrdet b’ħeffa kbira u għamlet eluf ta’ vittmi fil-pajjiżi tal-Ewropa kienet in-nuqqas ta’ dixxiplina. Dan ma nistgħux ngħidu li kien jgħodd għal Malta li tajna xhieda ta’ dixxiplina billi obdejna dak li qalulna l-awtoritajiet tas-saħħa. Imma issa wara din l-esperjenza sejrin nitgħallmu nkunu aktar dixxiplinati billi nieħdu ħsieb aktar saħħitna u s-saħħa tal-oħrajn?
  1. Tgħallimt ukoll li quddiem il-mard m’hemmx uċuh. M’hemmx sinjuri u fqar, pożizzjoni ta’ klassi għolja jew baxxa. Kulħadd l-istess. Kellna saħansitra membri tal-familja rjali, presidenti u prim ministri li nħakmu minn dan il-virus! Bil-flus tista’ tixtri l-mediċina u tidħol fl-aqwa sptarijiet imma b’daqshekk m’intix ser tixtri s-saħħa u l-ħajja!
  2. Għadna footballers ta’ livell internazzjonali li huma mħallsa bil-miljuni fix-xahar. Biżżejjed naħsbu f’Lionell Messi (2.58 miljun fix-xahar) u Cristiano Ronaldo (2.65 miljun fix-xahar). Imma quddiem din l-pandemija dawn kollha għosfru u għebu. Il-grounds tal-football huma magħluqin. It-tobba tagħna li huma mħallsa b’madwar €3,000 fix-xahar u n-nurses tagħna huma mħallsa bi ftit aktar minn €1,500 fix-xahar baqgħu hemm magħna u għalina! Kienu huma li b’sogru għal ħajjithom baqgħu hemm magħna fl-isptarijiet biex isalvaw il-ħajjiet ta’ tant morda bil-covid-19! Ejjew nidħlu aktar f‘sensina u nistaqsu lilna nfusna: min tassew jiswa’ l-aktar? Tabib fi sptar jiġġieled biex isalva l-ħajja jew footballer jiġri wara biċċa ġilda fil-ground? Kif qlibna l-valuri kollha hux!
  3. Mall-footballers nixtieq nikteb ukoll dwar in-nies tal-ispettaklu. Dawn ukoll jitħallsu tajjeb. Għalkemm f’Malta ma tantx huma mħallsin. Dawn qegħdin hemm bil-għan li jferrħuna speċjalment fis-swali tat-teatri tagħna. Dawn issa mhumiex hemm. Ħafna drabi anke lil dawn għamilnihom eroj. Imm qed nindunaw li mhumiex l-eroj li ħafna drabi għamilnihom. L-eroj huwa t-tobba, in-nurses, il-pulizija, is-saċerdoti-kappillani fl-isptarijiet u oħrajn li qegħdin hemm biex jipproteġu saħħitna u jieħdi ħsieb ħajjitna.
  4. Issa li għamilna u b’ċerti limiti għandna qed nagħmlu l-esperjenza tal-’lock down’, msakkrin fi djarna, nistgħu nifhmu aktar it-tbatija u s-sagrifiċċji li jagħmlu dawk li jew b’mod voluntarju (is-sorijiet tal-klawsura) jew għax bilfors (il-ħabsin) ikollhom jibqgħu magħluqin qalb erba’ ħitan. U x’ ngħidu għall-annimali li għall-gosti tagħna u għall-qliegħ tal-flus insakkruhom fil-gaġġeġ ġo xi zoo?
  5. Minn din l-esperjenza jiena qed nitgħallem ukoll li d-dinja mingħajr l-indħil tagħna tkun aktar nadifa.
  6. Ħafna mill-ħaddiema tagħna jistgħu faċilment jaħdmu mid-dar. Tgħid ta’ min jaġseb fuqha din! Li kieku nkomplu hekk insolvu parti kbira mill-problema tat-traffiku mit-toroq tagħna.
  7. Kulħadd jista’ jkompli jgħix mingħajr ma noqgħodu mmorru nieklu barra, ħafna drabi ‘junk food’.
  8. Li nfittxu li ngħixu ħajja aktar iġjenika billi naħslu idejna ta’ spiss u nibżgħu għas-saħħa ta’ xulxin xejn mhu diffiċli. Irnexxielna nagħmlu. Lesti li nkompluh!
  9. Minn din l-esperjenza tal-corona virus tgħallimt ukoll li l-irġiel huma kapaċi joqgħodu aktar ħin id-dar mall-familja. Hawn min ta’ prova li kapaċi jsajjar ukoll.
  10. Xiħaġa oħra ferm pożittiva li tgħallimt minn din l-esperjenza tal-corona virus huwa kemm aħna kapaċi nużaw il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali bis-sens u biex inkunu ta’ għajnuna għal xulxin.
  11. Qed inkompli nitgħallem iżjed kemm il-ħajja tagħna hija tassew fraġli. Virus li bl-għajnejnnma tarahx, ikun madwarek, qrib tiegħek u saħansitra fuqek u ma tindunax faċilmenmt imarrdek u jitfgħek f’qabar.
  12. Nemmen li lkoll kemm aħna, bil-għan li din il-ġrajja tkun tassew esperjenza li tħalli fina ħafna ġid, tajjeb li nsiru konvinti aktar minn qatt qabel kemm lil Alla qatt m’għandna nwarrbuh. Neħduh bis-serjetà qabel ma jkun tard wisq.
  13. Għaddejna minn żmien fejn it-tempji tal-knejjes tagħna ngħalqu. Pero tajjeb li nżommu f’moħħna li jingħalqu biss il-bibien tat-tempji tal-ġebel fejn is-soltu niltaqgħu imma mhux il-bibien tal-Knisja. Il-bieb tal-Knisja ma jista’ jingħalaq qatt. Il-Knisja qatt ma tagħlaq il-bibien tal-ħniena tagħha. Importanti li nersaq u nidħol mill-bibien tal-Knisja u nħalliha tkun għalija sagrament ta’ salvazzjoni billi tgħini niskopr aktar minn hu Ġesù għalija.
  14. Hekk kif nemmen li intkom bħala missirijiet, ommijiet u anke wlied issa qed tiskopru aktar l-valur tal-familja miġbura flimkien anke jiena dan seħħ fija bħala reliġjuż-saċerdot. Xogħol pastorali barra l-kunvent ġie kkanċellat kollu. Ħruġ xejn. Għalhekk anke jiena skoprejt aktar kemm hija sabiħa l-ħajja tagħna l-patrijiet miġbura għal ħafna ħinijiet flimkien bħala fraternità. Mumenti li żgur ser nibqa’ ngħożż u nkompli ninvesti aktar ħin għalihom anke wara li tgħaddi din il-pandemija.

Nittama li dawn ir-riflessjonijiet li qsamt magħkom isiru tagħhkom ilkoll bil-għan li din il-ġrajja tal-pandemija tal-corona  virus tkun tassew ESPERJENZA li tkabbarna, timmaturana billi ma nib       għux li konna. Il-pandemija tgħaddi u titlaq. Iġri titlaq darba għal dejjem illum qabel għada. Però nittama li qatt ma nitilfu l-ħafna tajjeb li tkun ħalliet warajha!

Minn Fr. Philip Cutajar OFMCap

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading