Lezzjoni II: San Ġwann Eudes, Saċerdot

19 ta’Awwissu. Lezzjoni II: San Ġwann Eudes, Saċerdot

TIFKIRA

Twieled fid-djoċesi ta’ Séez, Franza, fl-1601; ordna qassis, u għamel ħafna snin jippriedka fil-parroċċi. Waqqaf Kongregazzjonijiet reliġjuż għall-formazzjoni tajba tas-saċerdoti fis-seminarji, u wkoll għan-nisa li jkunu f’periklu spiritwali, biex jitwettqu fil-ħajja nisranija. Kellu devozzjoni tal-għaġeb lejn il-Qlub ta’ Ġesù u ta’ Marija. Miet fl-1680. Ġie kkanonizzat fl-1925.

Fl-Ufiċċju tal-qari

Lezzjoni II

Qari mit-Trattat ‘’Il-Qalb tal-għaġeb ta’ Ġesù’’ ta’ San Ġwann Eudes, saċerdot

(‘’De admirabili corde Jesu, 1:5)

L-għajn tas-salvazzjoni u tal-ħajja tassew

Nitolbok biex taħseb li Sidna Ġesù Kristu huwa r-ras tassew, u li int wieħed mill-membri tiegħu. Dak li r-ras hi għall-membri, hekk hu għalik; kulma hu tiegħu hu tiegħek: l-ispirtu, il-qalb, il-ġisem, ir-ruħ u s-setgħat kollha, u int għandek tiqeda bihom kollha bħallikieku kienu tiegħek, biex taqdih, tfaħħru, tħobbu u tigglorifikah. Min-naħa l-oħra, dak li hu l-membru għar-ras, hekk int għalih, u għalhekk hu jixtieq ħafna li jinqeda bis-setgħat kollha tiegħek bħallikieku kienu tiegħu, biex jaqdi u jigglorifika lil Missieru.

Hu mhux biss huwa tiegħek imma jrid ukoll ikun fik, jgħix fik u jaħkem fuqek, bħalma r-ras tgħix u issaltan fil-membri tal-ġisem tagħha. Irid li kulma hu fih jgħix fik u jaħkem fuqek: l-ispirtu tiegħu fl-ispirtu tiegħek, qalbu f’qalbek, is-setgħat kollha ta’ ruħu fis-setgħat kollha ta’ ruħek, hekk li fik iseħħ il-kliem: Agħtu glorja ‘l Alla permezz tal-ġisem tagħkom , u wkoll: Biex fikom tidher il-ħajja ta’ Ġesù. U int mhux biss inti ta’ Bin Alla imma għandek tkun fih bħall-membri fir-ras. Kulma għandek fik trid tlaqqmu fih, biex tieħu l-ħajja mingħandu u tħalli lilu jmexxik. Qatt ma ssib il-ħajja vera jekk mhux fih, għax hu waħdu l-għajn tal-ħajja tassew, barra minnu ma ssibx ħlief mewt u qerda. Minnu wahdu għandha tibda kull ċaqlieqa tieghek; kull għemil tiegħek, kull ħila ta’ ħajtek; għandek tgħix bih u għalih, biex fik iseħħ il-kliem: Ħadd minna ma jgħix għalih innifsu, u ħadd ma jmut għalih innifsu. Jekk ngħixu, ngħixu għall-Mulej; jekk immutu, immutu għall-Mulej. Mela sew jekk ngħixu, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej. Kristu għalhekk miet u rxoxta, biex ikun sid kemm tal-ħajjin u kemm tal-mejtin. Int ħaġa waħda ma’ Ġesù, kif il-membri huma ħaġa waħda mar-ras, u għalhekk għandek tkun spirtu wieħed miegħu, ruħ waħda, ħajja waħda, fehma waħda u qalb waħda miegħu. Dik ix-xirka kbira tan-nisrani ma’ Kristu hija mnissla mill-Magħmudija, tikber u tissaħħaħ bil-Konfermazzjoni u bit-taħriġ tajjeb tal-grazzji l-oħra li Alla jagħtina, u tilħaq il-quċċata tagħha bit-Tqarbin Imqaddes.

RESPONSORJU                                                                                                                     Rum 14:9. 8b. 7-8a

1. Kristu għalhekk miet u rxoxta, biex ikun sid kemm tal-ħajjin u kemm tal-mejtin. * Mela sew jekk ngħixu, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej.

2. Ħadd minna ma jgħix għalih innifsu, u ħadd ma jmut għalih innifsu. Jekk ngħixu, ngħixu għall-Mulej; jekk immutu, immutu għall-Mulej. * Mela sew jekk ngħixu, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej.

Talba

O Alla, int ħtart b’għażla tal-għaġeb lis-saċerdot tiegħek San Ġwann Eudes biex ixandar l-għana ta’ Kristu, għana li ebda moħħ ma jista’ jifhem; agħmel li, bl-eżempju u t-twissijiet tiegħu, aħna nikbru fl-għerf tiegħek u ngħixu fidili fid-dawl tal-Evanġelju. B’Ibnek.