Omelija fil-Parroċċa tat-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej, Ruma.

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Ruma, 3 ta’ Frar 1980

  1. Dan il-Ħadd joffrili mill-ġdid l-possibiltà li niltaqà ma’ dik il-komunità fundamentali tal-Poplu ta’ Alla hija, fil-Knisja, parroċċa. Din hija laqgħa “mal-komunità” u fl-istess ħin, laqgħa “fil-komunità”. Infatti permezz tal-vista pastorali tal-Isqof tagħkom, intom issibu likom infuskom, f’ċertu sens, f’dik il-komunità iktar kbira tal-Poplu ta’ Alla li hija l-Knisja Rumana, il-Knisja “lokali”, jiġifieri d-dijoċesi. Din hija fl-istess ħin, il-Knisja tal-Knejjes – jekk wieħed jistà jgħidha hekk – ladarba Ruma, bħala sedja ta’ San Pietru, tikkostitwixxi ċ-ċentru tal-Knejjes kollha “lokali” tad-dinja, li permezz ta’ dan iċ-ċentru jintrabtu u jingħaqdu fil-komunità universali tal-unika Knisja. Hekk, mela, il-laqgħa tagħna tallum għandha fl-istess ħin dawn it-tliet dimensjonijiret: parrokkjali, dijoċeżana u universali.

Jalla dan iservi għar-rafforziment tal-imħabba li San Pawl jistqarr u jħabbar b’mod hekk meraviljuż fil-liturġija tallum.

Fl-ispirtu ta’ din l-imħabba, li hija r-rabta tal-komunità u s-sors tal-għaqda tagħna – b’mod speċjali ma’ Alla stess fi Kristu – insellmilkom b’mod kordjali, għeżież ħuti rġiel u nisa, li ġejtu minn kull parti tal-kwartier biex tixhdu mħabbitkom u d-devozzjoni tagħkom lejn il-Papa. Insellem ukoll lil dawk li bil-qalb kienu jieħdu sehem f’din il-laqgħa, imma inżammu ġo djarhjom jew minħabba l-mard jew minn xi impenn li ma setax jiġi pospost. Nafda lilkom id-dmir li twasslulhom it-tislima u l-awgurju tiegħi.

Infakkar issa rrid b’mod partikolari lill-Isqof awżiljarju, Monsinjur Ġulju Salimei, li b’tant żelu wettaq fil-jiem li għaddew f’din il-parroċċa l-vista pastorali. Minn fuqu l-ħsieb imur b’mod spontanju fuq il-kappillan u s-sacerdoti l-oħra tal-presbiterju, li l-Konċilju ħatar bħala “koperaturi tal-Isqof” (cf. Presbyterorum Ordinis, 2. 4. 7): dawn jinsabu f’nofskom biex jibnu komunità ħajja li, waqt li jsostnu ruħhom mill-mejda tal-ħobż ewkaristiku u bil-kelma ta’ Alla, ikunu jafu jixhdu lil Kristu bl-eżempju tal-konsistenza personali u tal-imħabba diżinteressata.

Insellem imbagħad lir-reliġjużi Battistini, li għandhom f’dan il-kwartier skola fjorixxenti materna u elementari: lilhom tmur l-espressjoni tal-apprezzament tiegħi għad-dedikazzjoni ġeneruża għad-dmirijiet edukattivi u għall-kollaborazzjoni attiva fl-inizjattivi parrokkjali. It-tislima tiegħi tmur ukoll għall-esponenti tal-assoċjazzjonijiet, tal-movimenti, tal-gruppi katekateċi, li jaħdmu biex janimaw b’mod nisrani l-ambjent taż-żgħażagħ u tal-adulti, billi jiffavorixxu formazzjoni nterna dejjem iktar profonda u matura.

Kelma ta’ tislim speċjali irrid inwassalha wkoll lil dawk li jħossuhom psikoloġikament bogħod mill-komunità parrokkjali, li fil-konfront tagħha għandhom sentimenti ta’ ndifferenza jew forsi wkoll ta’ ostilità. Jalla jkunu jafu huma li hija xewqa tal-Papa, kif ukoll tas-saċerdoti tal-parroċċa u ta’ kull ministru ieħor ta’ Alla, li jiftħu magħhom djalogu li jistà jdewweb kull nuqqas ta’ ftehim u jippermetti għarfien reċiproku aħjar u diskors approfondit dwar Kristu u l-Vanġelu tiegħu.

  1. Bla dubju, il-messaġġ ta’ Ġesù huwa ddestinat biex “joħloq problema” fil-ħajja ta’ kull esseri uman. Dan ifakkruh ukoll il-qari tal-liturġija tallum, u b’mod speċjali t-test tal-Vanġelu ta’ Luqa, li għadna kemm smajna. Dan imexxina biex nerġgħu lura mill-ġdid għal darb’oħra bil-ħsieb għall-kliem li ħalliet f’moħħna s-sollennità tal-bieraħ. Fil-waqt tal-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju, li seħħet fl-erbgħin jum wara t-twelid, ix-xwejjaħ Xmun kien ippronunzja fuq it-tarbija il-kliem li ġej: “Ara dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ bosta f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh” (Lq2,34).

Illum aħna xhieda tal-kontradizzjoni li Kristu ltaqà magħha fil-bidu stess tal-missjoni tiegħu – f’Nażżaret tiegħu -, Hekk hu: meta a bażi tal-kliem tal-profeta Iżaija, moqri fis-sinagoga ta’ Nażżaret, Ġesù ta x’jifhmu lin-nies ta’ pajjiżu li t-tbassir kien jitkellem propju dwaru – jiġifieri li hu kien l-imħabbar Messija ta’ Alla (il-midluk fil-qawwa tal-Ispirtu Santu) – tqanqal l-ewwel l-istagħġib, imbagħad l-inkredulità u fl-aħħarnett is-semmiegħa “intlew  bir-rabja” (Lq 4,28), u qablu fid-deċiżjoni li jitfgħuh għal isfel minn fuq il-muntanja li fuqha kienet mibnija l-belt ta’ Nażżaret… “Imma, waqt li għadda minn nofshom, telaq minn hemm” (Lq 4,30).

U hekk hu li l-liturġija tallum – fuq l-isfond ta’ din il-ġrajja – issemmagħna fl-ewwel qari l-leħen imbiegħed tal-profeta Ġeremija: “Iqanqlulek gwerra, imma ma jirbħulekx, għaliex jiena miegħek biex insalvak” (Ġer 1,19).

  1. Ġesù huwa l-profeta tal-imħabba – ta’ dik l-imħabba li San Pawl jistqarr u jħabbar fil-kliem hekk sempliċi u fl-istess ħin hekk profond tas-silta meħudha mill-Ittra lill-Korintin. Biex nagħrfu x’inhi l-imħabba vera, liema huma l-karatteristiċi u l-kwalitajiet, hemm bżonn li nħarsu lejn Ġesù, lejn ħajtu u lejn imġiebtu. Il-kliem ma jirrendi qatt hekk tajjeb ir-realtà tal-imħabba bħal ma jirrendiha l-mudell ħaj tagħha. Saħansitra kliem, hekk perfett fis-sempliċità tiegħu bħal dak tal-ewwel ittra lill-Korintin, huwa biss ix-xbiha ta’ tali realtà: ta’ dik ir-realtà, jiġifieri, li tagħha nsibu l-mudell l-iktar komplut fil-ħajja u fl-imġieba ta’ Ġesù Kristu.

La naqsu u linqas se jonqsu, fis-sekwenza tal-ġenerazzjonijiet, irġiel u nisa li imitaw b’mod effikaċi dan il-mudell perfettismu. Ilkoll aħna msejħa biex nagħmlu l-istess. Ġesù gie speċjalment biex jgħallimna l-imħabba. Huwa jikkostitwixxi l-kontenut tal-ikbar kmandament li huwa ħallielna. Jekk se nitgħallmu nattwawh, niksbu l-iskop tagħna: il-ħajja eterna. L-imħabba, infatti, kif jgħallem l-appostlu “ma tintemm qatt” (1Kor 13,8). Waqt li kariżmi oħra u wkoll il-virtujiet essenzjali fil-ħajja tan-nisrani jintemmu flimkien mal-ħajja terrena u b’dan il-mod jgħaddu, l-imħabba ma tgħaddix, ma għandha qatt tmiem. Dan jikkostitwixxi propju s-sies essenzjali u l-kontenut tal-ħajja eterna. U għalhekk “l-ikbar hija; l-imħabba” (1Kor 13,13).

  1. Din il-verità kbira dwar l-imħabba, li permezz tagħha nġorru fina l-vera ħmira tal-ħajja eterna fl-għaqda ma’ Alla, għandha tkun minna assoċċjata profondament mat-tieni verità tal-liturġija tallum: l-imħabba takkwistaha fl-isforz spiritwali. L-imħabba tikber fina u tiżviluppa ruħha wkoll fost il-kontradizzjonijiet, fost ir-reżistenzi li jopponuha minn ġewwa ta’ kull wieħed u waħda minna, u fl-istess ħin “minn barra”, fost l-isforzi multepliċi jiġifieri li huma għaliha barranin u saħansitra ostili.

Għal dan San Pawl jikteb li “l-imħabba hija paċenzjuża”. Ma tiltaqax jewwilla fina tant spiss mar-reżistenza tan-nuqqas ta’ sabar tagħna, u saħansitra sempliċement tat-traskuraġni? Biex tħobb hemm bżonn tkun taf “tara” lill-“ieħor”, hemm bżonn tkun taf “tagħti każ” tiegħu. Hemm bżonn li kultant “tissaportih”. Jekk naraw biss lilna nfusna, u l-“ieħor” “ma jeżistix” għalina, ninsabu ‘l bogħod mil-lezzjoni tal-imħabba li Kristu tana.

“L-imħabba taf tħenn”, naqraw aħna wara: mhux biss taf “tara” lill-“ieħor” imma tinfetaħ lejh, tfittxu, u tmur tiltaqà miegħu. L-imħabba tirregala bil-kbir u propju dan li jrid jgħid: “taf tħenn” (fuq l-eżempju tal-imħabba ta’ Alla nnifsu, li tesprimi ruħha fil-grazzja)… U kemm spiss, bdanakollu, aħna ningħalqu fil-qoxra tal-“jien” tagħna, ma nafux, ma rridux, ma nfittxux li ninfetħu lejn l-“ieħor”, li nagħtuh xi ħaġa tal-“jien” propju tagħna, billi naqbżu l-limiti tal-ego-ċentriżmu tagħna  jew saħansitra tal-egoiżmu, u billi nisfurzaw li nsiru rġiel, nisa “għall-oħrajn”, fuq l-eżempju ta’ Kristu.

5.U hekk, waqt li naqraw il-lezzjoni ta’ San Pawl dwar l-imħabba, u waqt li nimmeditaw is-sinifikat ta’ kull kelma li biha l-Appostlu nqeda biex jiddeskrivi l-karatteristiċi ta’ tali mħabba, speċi ta’aħna nmissu l-punti l-iktar important ta’ ta’ ħajjitna u tal-konvivenza tagħna mal-oħrajn. Inmissu mhux biss il-problemi personali jew familjari, jiġifieri dawk li għandhom importanza fiċ-ċirku żgħir tar-rapporti interpersonali tagħna, imma nmissu wkoll il-problemi soċjali ta’ attwalità ewlenija.

Iż-żminijiet li ngħixu fihom ma jikkostitwixxux forsi diġa lezzjoni perikoluża ta’ dak li tistà ssir is-soċjetà u l-umanità, meta l-verità evanġelika dwar l-imħabba hija meqjusa bħala m’għadhiex moda? Meta din tiġi emarġinata mill-mod ta’ kif taraha d-dinja u l-ħajja, mill-ideoloġija? Meta din tiġi eskluża mill-edukazzjoni, mill-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, mill-kultura, mill-politika?

Iż-żminijiet li qegħdin ngħixu fihom, ma sarux diġa lezzjoni minaċċuża biżżejjed ta’ dak li jħejji tali programm soċjali?

U tali lezzjoni ma tistax issir ferm iktar minaċċuża mal-mogħdija taż-żmien?

F’dan ir-rigward, mhumiex diġa elokwenti biżżejjed l-atti ta’ terroriżmu li dejjem qegħdin jiġġeddu, u t-tensjoni militari krexxenti fid-dinja? Kull bniedem – ul-umanità kollha kemm hi – qiegħed jgħix “bejn” l-imħabba u l-mibegħda. Jekk dak li jkun ma jaċċettax l-imħabba, il-mibegħda faċilment ssib aċċess f’qalbu u tibda tinvadih dejjem iktar, waqt li ġgorr dejjem iktar frott velenuż

  1. Mil-lezzjoni pawlina issa mismugħa hemm bżonn li loġikament niddeduċu li l-imħabba hija esiġenti. Din tesiġi minna l-isforz, tesiġi programm ta’ xogħol fuqna nfusna – hekk bħal ma, fid-dimensjoni soċjali, tesiġi edukazzjoni adegwata, u programmi addattati għall-ħajja ċivika u nternazzjonali.

L-imħabba hija esiġenti. Hija diffiċli. Hija attraenti, bla dubju, imma hija wkoll diffiċli. U minħabba f’hekk tiltaqà ma reżistenza fil-bniedem. U din ir-reżistenza tiżdied meta minn barra jkomplu jaħdmu programmi li fihom huwa preżenti l-bidu tal-mibegħda u tal-vjolenza qerrieda. Kristu, li l-missjoni messjanika tiegħu tiltaqà sa mill-bidunett mal-kontradizzjoni tan-niesu ta’ Nażżaret, jirrikonferma l-ġenwinità tal-kliem ippronunzjat fuqu mix-xwejjaħ Xmun f’jum il-Preżentazzjoni fit-tempju: “Dan se jkun ir-rovina u l-qawmien ta’ bosta f’Iżrael, sinjal ta’kontradizzjoni” (Lc 2,34).

Dan il-kliem jimxi ma’ Kristu għal għonq it-toroq kollha tal-esperjenza tiegħu umana, sa fuq is-salib.

Din il-verità dwar Kristu hija wkoll il-verità dwar l-imħabba. Ukoll l-imħabba tiltaqà ma’ reżistenza, mal-kontradizzjoni. Fina u barra minna. Imma dan m’għandux jaqtgħalna qalbna. L-imħabba vera – bħal ma jgħallem Pawlu – “kollox tagħder” u “kollox tissaporti” (1Kor 13,7).

Għeżież ħuti, din il-laqgħa tagħna tallum isservi, għallinqas f’parti ċkejkna, għar-rebħa ta’ din l-imħabba, li lejha kontinwament timxi, fost il-provi ta’ din l-art, il-Knisja ta’ Kristu b’ħarsitha fissa lejn ix-xhieda tal-Imgħallem u Redentur tagħha.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emauel Zarb

 

 

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.