Omelija fil-Preżentazzjoni tal-Mulej

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

2 ta’ Frar 1980

  1. “Tollite portas…”. “Għollu, il-bibien, il-faċċati tagħkom, / infetħu, bibien qodma, / u jidħol is-sultan tal-glorja” (Sal23 [24],7).

Ma jonqsux fil-liturġija xi waqtiet. Li fihom isemmà leħnu l-kliem tas-salmista. Illum dan donnu qiegħed jitkellem f’sens letterali dwar il-bibien tat-tempju ta’ Ġerusalem, dwar il-bibien tiegħu. Għaliex hemm bżonn li dak is-sultan tal-glorja, li s-salm isejjaħ,  jidħol minn dawn il-bibien, u l-profeta Malakija “l-anġlu tal-patt” (Ml 3,1). U allura dan hu waqt mhux tas-soltu. It-tempju Ġerosolmitan jeżisti mill-bidu propju għaliex jistà jwettaq dan il-waqt.

Allura is-salmista jistaqsi: “Min hu dan is-sultan tal-glorja?”. Il-Mulej qawwi u potenti. Il-Mulej potenti fil-battalja… Il-Mulej tal-eżerċti” (Sal 23 [24] 8.10).

Tali hija t-tweġiba tas-salmista, li jitkellem bil-lingwaġġ tax-xbihat. Għall-kuntrarju t-tweġiba tal-ġrajjiet qisha ftit li xejn għandha x’taqsam bil-lingwaġġ tas-salmista. Hawn hi, fil-Vanġelu ta’ San Luqa infatti naqraw dan li ġej: “Meta wasal iż-żmien tal-purifikazzjoni tagħhom skont il-liġi ta’ Mosè,, ħadu lit-tfajjel Ġerusalem biex joffruh lill-Mulej…”(Lq 2,22). Ħaduh bħal tant bnedmin oħra ubbidjenti għal-liġi ta’ Iżrael… Ħaduh biex jippreżentawh lill-Mulej. U ħadd minn dawk preżenti ma setà allura jimmaġina li f’dak il-waqt kien qiegħed jitwettaq il-kliem tal-profeta Malakija. It-tfajjel ta’ erbgħin jum f’dirgħajn Ommu ma kellu xejn minn dak is-“Sultan tal glorja”. Ma daħalx fit-tempju ta’ Ġerusalem bħala “Mulej potenti fil-battalja”, bħala” Mulej qawwi”.

  1. U madankollu Ġesù diġa f’dak il-jum, daħal fit-tempju ta’ Iżrael biex iħabbar bil-quddiem “battalja” partikolari; konflitt li kellu jkun il-missjoni ta’ ħajtu. Il-konflitt li kellu jintemm bi trijonf mhux tas-soltu. Dan kellu jkun it-trijonf tas-salib, li għaj għajnejn kulħadd ifisser mhux it-trijonf, imma l-mistħija; mhux ir-rebħa imma t-telfa; u bdankollu kienet rebħa.

Propju dak, li jitwettaq fit-tempju Ġerosolmitan, iħabbar bil-quddiem dik ir-rebħa permezz tas-salib. Hekk hu li jitwettaq infatti r-rit tal-konsagrazzjoni lill-Mulej ta’ Iżrael, ta’ dak l-Iben ġdid ta’ Iżrael konformi ma’ dak li kien inkiteb fil-liġi tal-Mulej: “Kull primuġenitu tifel ikun sagru lill-Mulej” (Lq 2,23; cf.  13,2.11).

Is-simbolu ta’ din il-konsagrazzjoni hija l-offertà li, fl-okkażjoni ta’ din l-ewwel żjara lit-tempju, jagħmlu l-ġenituri: “koppja gamiem jew ta’ ħamiem żgħażagħ” (Lq 2,24; cf. Lv 12,8).

Dan ukoll huwa nkluż fin-borma tal-liġi.

B’tali mod il-poplu tal-patt il-qadim jixtieq juri, fl-ewwel ulied tiegħu li dan huwa kollu kemm hu kkonsagrat lil Alla (Alla tiegħu: li hu l-Poplu tiegħu.

F’dan il-każ iżda qiegħda titwettaq xi ħaġa iktar mill-osservanza tan-norma tal-liġi. Jekk kulħadd fost dawk preżenti fit-tempju mhumiex konxji ta’ dan, hemm iżda bniedem li għandu għarfien sħiħ tal-misteru. Dan ir-raġel “imqanqal… mill-Ispirtu, mar fit-tempju” (Lq 2,27). Huwa kien “raġel ġust li jibżà minn Alla… u l-Ispirtu Santu kien fuqu” (Lq 2,25-26). Hekk jikteb dwaru l-evanġelista. Jekk mela dan ir-raġel, jismu Xmun, iddeċifra għal kollox is-sinifikat tal-ġrajja, li kienet seħħet f’dak il-waqt fit-tempju Ġerosolmitan, dan għamlu għaliex “l-Ispirtu Santu.. kien ħabbarlu bil-quddiem li hu ma kellux jara l-mewt mingħajr qabel ma jkun ra l-messija tal-Mulej” (Lq 2,26).

Xmun mela jara u jħabbar li dak it-Tfajjel primoġenitu li Marija u Ġużeppi kienu qegħdin joffru f’dak il-waqt lil Alla. Kien portatur ta’ dawl kbir, li Iżrael u l-umanità kollha kienu qegħdin jistennew: “Dawl biex idawwal il-ġnis u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael” (Lq 2,32).

Xmun ippronunzja dan il-kliem f’estasi profonda. Dan huwa l-jum il-kbir ta’ ħajtu; wara li għexha, issa setà b’mod trankwill iħalli din id-dinja. Anzi jitolbu lil Alla, waqt li jżomm bejn dirgħajh lit-Tfajjel, li ħa mingħand Marija u Ġużeppi: “Issa ħalli, o Mulej, li l-qaddej tiegħek imur fis-sliem… / għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek / imħejjija minnek quddiem il-popli kollha” (Lq, 2,29-31).

Hekk filwaqt tal-konsagrazzjoni ritwali tal-ewwel wild tidħol l-aħbar il-kbira tad-dawl u tal-glorja, li se jespandu bil-qawwa tas-sagrifiċċju. Infatti dak li, f’dan il-waqt, iħaddnu d-dirgħajn tax-xwejjaħ Xmun, huwa ddestinat biex ikun “sinjal ta’ kontradizzjoni” (Lq 2,34). U din il-kontradizzjoni se tkun mimlija tbatijiet li ma jaħfruha linqas lill-qalb ta’ Ommu: “U wkoll lilek sejf jinfidlek ruħek” (Lq 2,35).

Meta fit-tempju ta’ Ġerusalem jiżvolġi r-rit tal-konsagrazzjoni tal-ewwel wild, il-ħajja ta’ Ġesù tgħodd biss erbgħin jum. Kliem Xmun jirrivela l-kontenut ta’ din il-ħajja sat-tmiem u jġib fih l-aħbar tas-salib. Din l-aħbar tappartieni lill-milja tal-misteru tal-konsagrazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju.

  1. Inġbartu, biex tieħdu sehen fil-liturġija tallum, intom, għeżież ħuti rġiel u nisa, li, permezz tal-professjoni reliġjuża, ikkonsagrajtu ħajjitkom kollha lil Alla.

Din il-konsagrazzjoni tagħkom lil Alla, totali, definittiva u esklussiva, hija bħal tkabbir kontinwu u fjoritura splendida ta’ dik il-konsagrazzjoni inizjali, li kienet seħħet fis-sagrament tal-Magħmudija; fiha għandha l-għeruq profondi tagħha u hija l-espressjoni l-iktar perfetta (cf. Perfectae Caritatis, 5).

Permezz tal-professjoni reliġjuża il-fidil – bħal ma ssostni l-kostituzzjoni dommatika “Lumen Gentium” – “jingħata kompletament lil Alla maħbub immensament, hekk li jkun b’titlu ġdid u speċjali ddestinat għas-servizz u għall-unur ta’ Alla. Diġa bil-Magħmudija jkun miet għad-dnub u kkonsagrat lil Alla; imma biex jiġbor il-frott iktar abbundanti tal-grazzja tal-Magħmudija. Bil-professjoni tal-pariri evanġeliċi fil-Knisja irid jeħles lilu nnifsu mill-impedimenti li jistgħu jaljenawh miż-żelu tbal-karità u tal-perfezzjoni tal-kult divin, u jikkonsagra ruħu b’mod iktar intimu għas-servizz ta’ Alla” (Lumen Gentium, 44).

Minħabba dan il-festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej hija festa speċjali għalikom, erwieħ ikkonsagrati, minħabba li tieħdu sehem b’miżura eċċezzjonali fid-donazzjoni ta’ Kristu lill-Missier, li kellha l-aħbar tagħha fil-Preżentazzjoni fit-tempju. L-offertà ta’ ħajjitkom, li intom għamiltu b’mod ferrieħ permezz tat-tliet voti, issib il-mudell tagħha kostanti, il-premju tagħha, l-inkoraġġiment tagħha, fl-offertà li l-Verb ta’ Alla jagħmel tiegħu nnifsu lill-Missier, fuq dirgħajn l-Omm.

  1. Xmun jippronunzja quddiem Ġesù, fil-waqt tal-Preżentrazzjoni, il-kliem dwar id-dawl.

Ħajjitkom ukoll, għeżież ħuti rġiel u nisa, għandha tkun “dawl”, tali li jdawwal id-dinja u r-realtà temporali. F’nofs dan kollu li jgħaddi, jgħib u ma jibqax jidher, intom, erwieħ ikkonsagrati, awtentiċi wlied id-dawl (cf. Ef 5,8; 1Ts 5,5), għandkom tagħtu xhieda ġenwina lid-dawl futur, lill-ħajja eterna, fid-dawl li qatt ma jgħib. Huwa dak li b’forza kbira fakkarkom il-Konċilju Vatikan II: “Il-professjoni tal-pariri evanġeliċi tidher bħala sinjal, li jistà u għandu jattira b’mod effikaċi l-membri kollha tal-Knisja biex iwettqu b’entużjażmu d-dmirijiet tal-vokazzjoni nisranija. Infatti ladarba l-Poplu ta’ Alla m’għandux hawn l-Belt permanenti, imma qiegħed ifittex dik futura, l-istat reliġjuż, li jirrendi iktar liberi, is-segwaċi tiegħu tal-ħsibijiet terreni, jixhdu aħjar il-ħajja ġdida u eterna, akkwistata mir-redenzjoni ta’ Kristu, iħabbru bil-quddiem aħjar il-qawmien mill-imwiet futur u l-glorja tas-saltna ċelesti  (Lumen Gentium, 44).

Għalikom jgħodd b’mod għal kollox speċjali l-kliem ta’ Ġesù: “Hekk jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, għaliex jaraw l-opri tajbin tagħkom u jirrendu glorja lil Missierkom li jinsab fis-smewwiet” (Mt 5,14-16; cf.1Pt 2,12). Iva, ħuti rġiel u nisa! Jiddi d-dawl tal-fidi qawwija tagħkom, id-dawl tal-karità  attiva tagħkom, id-dawl tal-kastità ferrieħa tagħkom: id-dawl tal-faqar ġeneruż tagħkom!

  1. Kemm għandhom bżonn dan id-dawl, din ix-xhieda l-Knisja u d-dinja!

Kemm imissna nimpenjaw ruħna, sabiex titwettaq il-glorja sħiħa tiegħu u l-elokwenza mhix mimsusa tiegħu  !

Kemm hu meħtieġ li nirriproduċu fina, esseri mortali, il-misteru tad-dedikazzjoni ta’ Kristu lill-Missier għas-salvazzjoni tad-dinja; tad-dedikazzjoni mibdija b’mod meraviljuż b’din il-Preżentazzjoni fit-tempju, li t-tifkira tagħha tiċċelebraha llum il-Knisja.

Kemm huwa meħtieġ li aħna wkoll niffissaw ħarsitna tar-ruħ ta’ Marija, f’din ir-ruħ li, skont kliem Xmun, kienet minfuda mix-xabla sabiex ikunu żvelati l-ħsibijiet ta’ bosta qlub (cf. Lq 2,35).

Illum, għeżież ħuti, bħala sinjal ta’ dak il-misteru kbir tal-liturġija, u fl-istess ħin tal-misteru ta’ qlubkom, agħtu, f’idejja, x-xemgħat mixgħula. Il-konsagrazzjoni tat-tempju tiġi, b’xi mod. Immultiplikata permezz tad-dedikazzjoni ta’ tant qlub ikkonsagrati fid-dinja…

Jalla jkunu żvelati l-ħsibijiet ta’ dawn il-qlub kollha quddiem il-preżenza tal-Omm, li tagħraf il-konsagrazzjoni tagħkom u ddawwarha b’imħabba speċjali.

Din l-Omm hija Marija.

Din l-Omm hija wkoll il-Knisja.

Amen.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emauel Zarb

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.