FORMAZZJONI U INFORMAZZJONI
MILL-KUMMISSJONI TEOLOĠIKA (12)
18 ta’ Frar 2013
Fid-dawl tal-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet tal-Gżejjer tagħna għar-Randan 2013, qed nipproponu dan il-materjal li jista’ jkun ta’ għajnuna għall-Omeliji u l-Eżerċizzi tar-Randan, kif ukoll għar-riflessjoni personali u fi gruppi. Minħabba li qegħdin biss ftit jiem minn tmiem il-Pontifikat straordinarju tal-Papa Benedittu XVI, huwa xieraq ħafna li dawn l-għajnuniet jittieħdu mill-Maġisteru tiegħu.
L-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet, kif stajna nisimgħu, naqraw u napprezzaw, tikkonsisti:
(a) f’introduzzjoni li tfakkar il-Poplu t’Alla f’dawn il-Gżejjer dwar is-sejħa tagħna matul ir-Randan;
(b) f’sezzjoni dwar it-Talb, u
(c) f’sezzjoni dwar kif l-imħabba tagħna ssir karita’.
Is-sejħa tagħna l-Insara għar-Randan Imqaddes
Iċ-ċentralita’ tal-Misteru tal-Għid tal-Mulej fil-ħajja personali tagħna u bħala membri tal-komunita’ Nisranija.
… Nagħmlu penitenza sinċiera waqt li nimxu fit-Triq tal-Mulej… (Ittra Pastorali)
- “Matul din is-Sena (tal-Fidi) huwa importanti ħafna li nerġgħu ngħaddu mit-triq tal-fidi tagħna, li fiha nsibu l-misteru kbir tan-nisġa bejn il-qdusija u d-dnub” (Ittra Appostolika Porta Fidei, 13).
- Il-Papa Benedittu XVI jirreferi għall-istqarrija tas-“sbuħija tal-mixja wara l-Mulej Ġesu’” meta niġu msejħa biex nagħtu xhieda tat-twemmin Nisrani (ara Porta Fidei, 13).
It-Talb
L-Isqfijiet isejħulna biex “inħallu spazju fil-ħajja tagħna biex jidħol il-Mulej” (Ittra Pastorali).
- Biex nagħmlu dan l-ispazju matul dan ir-Randan, il-Papa Benedittu XVI, fl-enċiklika tiegħu dwar it-tama, jgħallimna, waqt li jislet silta sabiħa mill-kitbiet ta’ Santu Wistin: “Stħajjel li Alla jrid jimliek bl-għasel (simbolu tal-ħlewwa ta’ Alla u tat-tjieba tiegħu). Jekk int, iżda, tinsab mimli bil-ħall, fejn se tqiegħdu l-għasel? Il-qolla, jiġifieri l-qalb, l-ewwel trid titwessa’ u mbagħad titnaddaf: teħles mill-ħall u mit-togħma tiegħu” (Spe Salvi, 33).
- Fl-istess enċiklika, il-Papa Benedittu XVI jgħidilna: “Jekk ħadd ma għadu jismagħni, Alla jibqa’ jismagħni. Jekk ma nista’ nitkellem ma’ ħadd, ma nista’ nsejjaħ lil ħadd, lil Alla nista’ nkellmu dejjem” (Spe Salvi, 32).
L-Isqfijiet tagħna jfakkruna li “huwa ta’ ġid għalina meta nitolbu bil-Kelma ta’ Alla, biex tgħinna niftħu qalbna għall-verita’ li jrid jgħallimna Alla l-Imbierek”.
- Benedittu XVI, fl-Eżortazzjoni Appostolika dwar il-Kelma t’Alla, jikteb: “Permezz tal-Kelma t’Alla, in-Nisrani jirċievi dawl biex jagħraf dnubietu, u huwa msejjaħ għall-konverżjoni u għall-fiduċja fil-ħniena t’Alla. Biex jagħmel esperjenza aktar profonda tal-qawwa rikonċiljattiva tal-Kelma t’Alla, il-penitent għandu jkun inkuraġġit li jħejji ruħu għall-qrar billi jimmedita silta mill-Iskrittura li tkun tgħodd għalih” (Verbum Domini, 61).
Il-Kelma t’Alla u kategoriji differenti ta’ Nsara:
- Is-saċerdoti: li jikbru “permezz ta’ familjarita’ kbira u personali mal-Kelma t’Alla… Jersqu lejha b’qalb doċli u li titlob… Ikunu mgħaddsin fil-Kelma” (Verbum Domini, 80).
- Persuni konsagrati: “Il-ħajja konsagrata titwieled mis-smigħ tal-Kelma t’Alla u mit-tħaddin tal-Evanġelju… Ħajjithom issir eżeġeżi ħajja tal-Kelma t’Alla” (Verbum Domini, 83).
- Il-lajċi: “…Jitħarrġu biex jiddixxernu r-rieda t’Alla permezz ta’ familjarita’ mal-Kelma, moqrija u studjata fil-Knisja taħt il-gwida tar-Rgħajja” (Verbum Domini, 84).
- Il-miżżewġin: “Il-Kelma t’Alla qegħda fl-oriġni taż-żwieġ… Il-Kelma t’Alla hija għajnuna prezzjuża meta jqumu diffikultajiet fiż-żwieġ u fil-ħajja tal-familja” (Verbum Domini, 85).
Il-post speċjali tal-Quddiesa jissemma bi prominenza fl-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet.
- Il-Papa, fl-Eżortazzjoni Appostolika dwar l-Ewkaristija, jgħid: “Il-bidla fis-sustanza tal-ħobż u tal-inbid fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu… iġġib bidla li tittrasforma r-realta’, proċess li fl-aħħar mill-aħħar iwassal għat-trasfigurazzjoni tad-dinja kollha…” (Sacramentum Caritatis, 11).
- Huwa jistqarr ukoll li ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija f’Jum il-Mulej hija “għajn ta’ ħelsien awtentiku li jwassalna biex ngħixu kull ġurnata fi qbil ma’ dak li nkunu ċċelebrajna fil-jum tal-Ħadd. Il-ħajja tal-fidi hija pperikolata meta nitilfu x-xewqa li nissieħbu fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija” (Sacramentum Caritatis, 73).
Biex l-imħabba tagħna ssir karita’
Fl-Ittra Pastorali tagħhom għar-Randan li għadna kemm bdejna, l-Isqfijiet tagħna qalulna hekk: “L-imħabba tan-Nisrani ma tibdiex minn emozzjoni biss ta’ mħabba, iżda tibda minn att ta’ fidi li jagħmel in-Nisrani, biex tkun verament imħabba ġejja minn Alla: karita’ mhux filantropija biss… Trid toħroġ minn Alla l-Imbierek”.
- Fil-ftuħ tal-Enċiklika Caritas in Veritate, il-Papa Benedittu XVI jgħallimna: “L-imħabba – caritas – hija qawwa straordinarja, li timbotta l-persuni lejn l-impenn b’kuraġġ u ġenerożita’ fil-qasam tal-ġustizzja u l-paċi. Hija qawwa li tibda minn Alla…” (n.1).
- “Alla huwa mħabba: mill-imħabba t’Alla joħroġ kollox, biha kollox jieħu s-sura tiegħu, lejha kollox jinsab miexi. L-imħabba hija l-akbar rigal li Alla ta lill-bnedmin, hija l-wegħda tiegħu u t-tama tagħna” (n.2).
- Fil-Messaġġ għar-Randan 2013, il-Papa Beneditt XVI jgħidilna: “Il-ħajja Nisranija kollha hija tweġiba għall-imħabba t’Alla. L-ewwel tweġiba hija preċiżament il-fidi bħala aċċettazzjoni, mimlija stagħġib u gratitudni, għall-inizjattiva divina, li qatt ma stennejna, u li tantiċipana u ssejħilna. U l-iva tal-fidi timmarka l-bidu ta’ storja mdawla ta’ ħbiberija mal-Mulej li jimla u jagħti tifsira sħiħa lil ħajjitna. Meta nagħtu wisa’ għall-imħabba t’Alla, imbagħad insiru bħalu billi nissieħbu fil-karita’ tiegħu” (n.2).
- Dwar l-imħabba tal-aħwa u l-maħfra reċiproka li għalihom iħeġġuna l-Isqfijiet tagħna, il-Papa Benedittu, fl-ewwel enċiklika tiegħu, jistqarr hekk: “Ir-rabta li ma tistax tinħall bejn l-imħabba t’Alla u l-imħabba tal-proxxmu tingħata aktar saħħa. Waħda hi hekk marbuta fil-qrib mal-oħra li ssir gidba li wieħed jgħid li jħobb lil Alla, jekk jagħlaq qalbu għall-proxxmu jew ukoll jobogħdu” (Deus Caritas Est, 16).
Lejn il-konklużjoni tal-Ittra Pastorali, l-Isqfijiet jistqarru: “Il-post fejn titkattar l-imħabba biex tkun karita’ hija l-familja li tgħix il-Barka tas-Sagrament taż-Żwieġ imsejsa fuq l-imħabba tagħhom li ssir karita’”.
- Il-Papa Benedittu XVI, fl-enċiklika soċjali tiegħu, jisħaq li “il-ktieb tan-natura hu wieħed u indiviżibbli: iħaddan fih mhux biss l-ambjent, iżda wkoll il-ħajja, is-sesswalita’, iż-żwieġ, il-familja, ir-relazzjonijiet soċjali: f’kelma waħda, l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem” (Caritas in Veritate, 51).
Dun Hector Scerri
President Kumm.Teol.