Omelija tal-Papa Benedittu XVI f’għeluq is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar l-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida għat-tixrid tal-Fidi Nisranija

Print Friendly, PDF & Email

FORMAZZJONI U INFORMAZZJONI

MILL-KUMMISSJONI TEOLOĠIKA (11)

9 ta’ Novembru 2012

L-Omelija tal-Papa Benedittu XVI

fil-quddiesa ta’ għeluq is-Sinodu Ordinarju tal-Isqfijiet

dwar l-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida għat-tixrid tal-Fidi Nisranija

Jagħmel ħafna sens li l-Papa sejjes l-omelija tiegħu fl-okkażjoni ta’ għeluq is-Sinodu Ordinarju tal-Isqfijiet dwar l-evanġelizzazzjoni fuq l-Evanġelju tal-Liturġija tat-Tletin Ħadd Matul is-Sena (28 t’Ottubru 2012). Għax il-Liturġija hija wieħed mill-modi l-iktar fundametali li bihom issir l-evanġelizzazzjoni l-ġdida. Fil-Propositio (il-konklużjonijiet tal-isqfijiet miġbura fis-Sinodu biex minnhom il-Papa jkun jista’ jikteb l-Eżortazzjoni Post-Sinodali) numru 35, l-isqfijiet jagħmluha ċara li “ċ-ċelebrazzjoni denja tal-Liturġija Mqaddsa, l-iktar don prezzjuż ta’ Alla lilna, hija l-għajn tal-ogħla espressjoni tal-ħajja tagħna fi Kristu (ara l-Kostituzzjoni tal-Konċilju Vatikan II Sacrosanctum Concilium dwar il-Liturġija, 10). Għalhekk il-Liturġija hija l-espressjoni ewlenija u l-iktar qawwija tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida.

Ir-rakkont tal-fejqan ta’ Bartimew mill-għama huwa mqiegħed bi ħsieb preċiż fl-istruttura tal-Evanġelju ta’ Mark, li jippreżenta l-mixja tad-dixxipulat bħala l-vjaġġ tad-dixxiplu wara l-Imgħallem Ġesù lejn Ġerusalemm. Li l-fejqan mill-għama jitqiegħed bħala l-aħħar miraklu qabel il-passjoni jfisser li Mark iqis il-kisba tad-dawl tal-fidi f’Ġesù bħala l-għan ta’ dan il-vjaġg ta’ dixxipulat. L-agħma Bartimew jingħata d-dawl mill-ġdid, dak fiżiku bħala sinjal ta’ dak spiritwali tal-fidi, biex ikun jista’ jkompli jimxi wara Ġesù fit-triq tal-ħajja.

Il-Papa jieħu l-figura ta’ Bartimew, agħma, fiż-żewġ tifsiriet ta’ din id-diżabiltà: l-għama fiżiku, in-nuqqas ta’ dawl tal-għajnejn, u l-għama tan-nuqqas tad-dawl tal-fidi. Fl-omelija l-Papa jgħid li Bartimew “reġa’ ħa d-dawl”. Dan għaliex il-verb Grieg anablépein, li juża Mark fir-rakkont meta Bartimew jgħid lil Ġesù: “Li nerġa’ nara, Mgħallem”, jista’ jfisser kemm “nerġa’ nara” u kemm “inħares ’il fuq”. Li “jerġa’ jara” jirreferi għad-dawl fiżiku ta’ għajnejh; li “jħares ’il fuq [lejn Alla]” jirreferi għad-dawl tal-fidi.

F’dan il-vjaġġ lejn Ġerusalemm Ġesù huwa mxierek mill-folla tad-dixxipli li kienet se tagħrfu bħala l-Messija, il-midluk minn Alla bħala s-salvatur mibgħut minnu.

Bartimew kien tilef id-dawl imma mhux it-tama u r-rieda samma li jiltaqa’ ma’ Ġesù biex jerġa’ jikseb id-dawl: deċiż filli jgħajjat lil Ġesù għall-fejqan, anke ripetutament; deċiż f’dak li jrid jitlob lil Ġesù. Huwa l-bniedem konxju tal-uġiegħ tiegħu, imma wkoll kunfidenti fil-qawwa li tfejjaq ta’ Ġesù. B’dik id-determinazzjoni Bartimew jerġa’ jikseb id-dawl tal-fidi u d-dinjità biex jerġa’ jibqa’ miexi wara l-gwida u t-triq li huwa Ġesù. Dan hu d-dixxipulat: timxi wara Ġesù fit-triq fid-dawl tal-fidi.

Il-Papa jirreferi għall-interpretazzjoni ta’ dan ir-rakkont skont Santu Wistin. Fuq l-agħma nafu mhux biss ismu (Bartimew) imma wkoll isem missieru (Timew, għax l-isem “Bartimew” bl-Aramajk ifisser “bin Timew”). Il-qaddis ta’ Ippona jsemmi li l-agħma Bartimew waqa’ minn xi forma ta’ ġieħ u rriduċa ruħu għal sitwazzjoni ta’ miżerja għax kellu jgħaddi l-bqija ta’ ħajtu jittallab fil-ġenb tat-triq (ara De consensu Evangelistarum, 2, 65, 125: PL 34, 1138). Santu Wistin jibni din l-interpretazzjoni fuq it-tifsira tal-isem Bartimew. Dan huwa isem bl-Aramajk (Bar-) li jgħaqqad miegħu isem Grieg (Timaíos). Il-nom Grieg timḗ jfisser unur, ġieħ. Dak li ismu huwa “Bin il-ġieħ”, spiċċa issa jittallab l-għixien, l-imħabba u l-ħniena fil-ġenb tat-triq.

Din hi kundizzjoni li ġġgħelna naħsbu, jgħid il-Papa. Ħajjitna hi mogħnija b’tant u tant “għana” (mhux biss materjali), imma għana li nistgħu nitilfuh. Fid-dawl tas-suġgett li s-Sinodu xtarr għal tliet ġimgħat sħaħ, il-Papa jgħid li jista’ jkun li aħna nagħmlu parti minn popli li ġew evanġelizzati żmien ilu, fejn id-dawl tal-fidi tefa, u aħna tbegħdna minn Alla, u issa lil Alla nqisuh bħala irrelevanti għal ħajjitna. Inkunu nżilna mid-dinjità żgura u soda, u sirna, anke jekk bla ma nafu, tallaba għat-tifsira tal-eżistenza tagħna. Popli bħalna huma l-ħafna li għandhom bżonn ta’ evanġelizzazzjoni ġdida, jiġifieri ta’ laqgħa mill-ġdid ma’ Ġesù, il-Messija, l-Iben ta’ Alla (ara Mk 1,1), li jista’ jiftħilhom għajnejhom mill-ġdid u jgħallimhom it-triq tal-verità.

Papa Benedittu jqabbel it-tferkix ta’ Bartimew biex jasal għand Ġesù mat-tiftix tagħna biex inxandru ’l Kristu mill-ġdid, hemm fejn id-dawl tal-fidi ddgħajjef, fejn in-nar ta’ Alla sar aktarx ġamar idaħħan, jgħajjat biex jitferkex ħalli jerġa’ jaqbad fi fjamma ħajja li tagħti dawl u sħana lid-dar kollha.

Il-Papa jqis li l-evanġelizzazzjoni tmiss tliet oqsma tal-ħidma u tal-ħajja kollha tal-Knisja. Ewlieni fosthom il-Pastorali, li trid tkun mogħtija r-ruħ mill-Ispirtu s-Santu, biex tħeġġeġ qlub dawk kollha li jemmnu u li jieħdu sehem fil-qima tal-ġemgħa u li jinġabru f’Jum il-Mulej biex jitmantnew mill-Kelma tiegħu u mill-Ħobż tal-Ħajja ta’ dejjem. Is-Sinodu qajjem tliet aspetti f’dan il-qasam:

1) is-Sagramenti tal-Bidu ta’ Ħajja Nisranija. L-isqfijiet iħossu l-ħtieġa urġenti ta’ katekeżi sħiħa fit-tħejjija għas-sagramenti tal-Magħmudija, tal-Konfermazzjoni, u tal-Ewkaristija, flimkien ma’ dak tar-Rikonċiljazzjoni;

2) l-evanġelizzazzjoni l-ġdida tmiss qatigħ il-Missjoni Ad Gentes. Il-missjoni fil-Knisja hija dik li tevanġelizza, li tħabbar messaġġ ta’ salvazzjoni lil dawk li għadhom ma sarux jafu lil Kristu Ġesù. Is-Sinodu ħass il-ħtieġa li jenfasizza li għad hawn ħafna reġjuni fl-Afrika, fl-Asja u fl-Oċeanja, fejn l-abitanti għadhom jixxennqu, aktarx mingħajr ma jafu, l-ewwel tħabbira tal-Evanġelju. It-talba tal-Knisja kollha hija lill-Ispirtu s-Santu biex iqajjem dinamiżmu missjunarju ġdid u ħaj fost l-operaturi pastorali u l-lajċi. Il-popli kollha għandhom id-dritt li jkunu jafu lil Kristu Ġesù u l-Evanġelju tiegħu; u l-Kristjani, il-Kristjani kollha – saċerdoti, reliġjużi u lajċi – għandhom dmir korrispondenti li jħabbru l-Aħbar it-Tajba;

3) it-tielet aspett jolqot lill-imgħammdin li l-ħajja tagħhom ma tirriflettix l-isfidi tal-magħmudija. Dawn l-insara ssibhom fil-kontinenti kollha, l-aktar fil-pajjiżi sekularizzati. Il-Knisja tixxennaq li dawn l-insara jiltaqgħu mill-ġdid ma’ Kristu Ġesù, biex jerġgħu jiskopru l-ferħ tal-fidi u jerġgħu lura għall-prattika reliġjuża fi ħdan il-Komunità li temmen.

Għal dan il-għan urġenti, il-Papa jgħid li “Il-Knisja tfittex li tadotta metodi pastorali validi ġodda, l-aktar billi tiżviluppa lingwaġġ ġdid li jkun intunat mal-kulturi differenti tad-dinja, biex tipproponi l-verità ta’ Kristu f’attitudni ta’ djalogu u ħbiberija, b’għeruqhom f’Alla li hu mħabba.”

L-evanġelizzaturi l-ġodda huma dawk li għaddew minn esperjenza ta’ fejqan minn Alla, permezz ta’ Ġesù, bħal Bartimew u oħrajn fil-folla sejra ma’ Ġesù lejn Ġerusalemm. B’din l-esperjenza f’qalbhom tfawwar bil-ferħ, huma jxandru mas-Salmista: “Kbir f’għemilu l-Mulej magħna! U aħna bil-ferħ imtlejna” (Salm 126,3).

Dun Pawl Sciberras

f’isem il-Kummissjoni Teoloġika Interdjoċesana

%d bloggers like this: