Fit-30 ta’ Lulju l-Knisja tfakkar lil San Pietru Krisologu, Isqof u Duttur tal-Knisja li għex bejn is-snin 380 sa 450.
San Pietru twieled f’Imola, l-Italja, għall-ħabta tas-sena 380. L-Isqof ta’ Imola, Kornelju, ħa ħsieb l-edukazzjoni tiegħu u ordnah Djaknu.
Fis-sena 433, il-Papa Sistu III ħatru Arċisqof ta’ Ravenna.
Kien difensur kbir tal-fidi Kattolika, ħadem bis-sħiħ biex jeqred il-paganiżmu mid-djoċesi tiegħu, u b’kuraġġ kbir ipprojbixxa l-festi immorali li kienu jinżammu fil-bidu ta’ Jannar.
Tant kien predikatur tajjeb li qala’ l-isem ta’ Krisologu, li jfisser “Kliemu tad-Deheb.”
Il-prietki tiegħu kienu jkunu dejjem qosra. Hemm 176 prietka tiegħu, li għadhom ippreservati sal-lum. Kien iħeġġeġ ħafna lin-nies biex jitqarbnu spiss.
Huwa kien jeżorta bil-qawwa kollha lil Ewtiku, wara li dan kien ġie kkundannat fis-Sinodu ta’ Kostantinopli (448), biex jaċċetta l-misteru tal-inkarnazzjoni u joqgħod għat-tagħlim tal-Knisja.
San Pietru kien iċ-Ċelebrant li mexxa l-funeral ta’ San Ġermanu ta’ Auxerre fis-sena 448.
Miet fit-2 ta’ Diċembru tas-sena 450 f’Imola, fejn kien mar biex iqim il-martri Kassjanu, protettur tiegħu.
Il-Papa Benedittu XII ipproklamah Duttur tal-Knisja fis-sena 1729.