Jekk ma rridx li nkun demel ejja nieqaf inwaddab il-ġebel!


Tahieli meta kont quddiemU. Nitlob. Fil-Kappella li tant tiġbrok taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Fejn issa jridni nissokta nagħtiH ħajti. Kif għandi nagħtihielu. Ta’ Patri Kapuċċin. Li, l-Qalb Imqaddsa tiegħU trid lili u lil ħuti Kapuċċini li jqattgħu ħajjithom mal-morda. Fl-isptarijiet.

Tahieli l-kelma. U, x’ħin ġiet f’qalbi, ħasditni. Kif! Patri se jgħid din it-taqbila? U se jaqsamha mal-poplu kollu? Mela dan lingwaġġ ta’ Patri jew? Min jisimgħek? Veru! Sewwa qed tgħid! Dan m’huwiex il-lingwaġġ ta’ Patri. Imma dan hu l-lingwaġġ tal-Mulej! Ta’ Missieri u Missierek! Li aqta’ kemm għandu qalbu maqsuma għall-mod ta’ kif aħna qed nittrattaw lil xulxin! Dan hu l-lingwaġġ ta’ Dak li lilna għamilna sbieħ, bħalu. Nisġilna libsa l-ġmiel tagħha. Libsa tfuħ bil-qdusija tiegħU. U, biex din il-libsa, li aħna ħammiġna, tibqa’ tleqq fuqna, bajjadha fid-Demm ta’ Ibnu u Ħuna Ġesù Kristu!

Dan il-Missier mhux x’tagħna sieħbi! Imma x’ma tagħnix! Anki l-qagħda ġeografika ta’ pajjiża hi mill-isbaħ! Miljuni ta’ nies joħolmu li jgħixu f’dan il-pajjiż tal-għaġeb! Li, is-sbuħija tiegħu, hi magħrufa ma’ kullimikien. Ħafna aktar milli naħsbu aħna jew l-interessi egoistiċi tagħna li jġagħluna naħsbu kif naħsbu. Imma, u minkejja dan kollu, aħna lilU ma napprezzawhx. Nistmawh fejn m’għandniex nistmawh. Hu! Li tana kollox! Hu, li aħna, il-mimmi t’għajnejh!

Hi ċara li hu mxebba’ minn din l-attitudni li qed iddemmilna l-ħin kollu. Din li nsiru trakkijiet lesti biex inħottu l-borġijiet tal-ġebel fuq xulxin! Issa qed jimrad jarana naħslu jdejna minn xulxin. Bħal donnu li ħadd m’hu responsabbli għal ħadd. U qed jimrad jarana niġru wara l-flus. Qisu dawn biss saru l-kollox f’ħajjitna! U mbagħad, biex aktar ngħaxquhielu, jarana li issa lanqas qed nemmnu li wara din il-ħajja hemm ħajja oħra! Mela allura veru li issa wasalna fil-qiegħ! Għax jekk ma nemminx li hemm ħajja oħra x’qiegħed nagħmel f’din id-dinja? Għalfejn nipprova nkun persuna onesta? U, kemm jista’ ikun, inkun responsabbli ta’ għemili u ta’ dawl biex ħaddieħor jaġixxi bħali?

Kemm-il darba ħbieb insaqsieha fuq li nsaqsieha din il-mistoqsija meta nkun qed interraq fil-kurituri tal-isptar: l-għaliex il-bniedem jiħdar? L-għaliex moħħu x’qed jagħmel ħaddieħor u qatt ma jieħu responsabbiltà għal dak li jagħmel hu? U, fuq kollox, attitudni bħal din fejn se twassalu? Kemm se jdum jitbiegħed mir-responsabiltajiet tiegħu?

Faċli ħafna li quddiem dawn il-mistoqsijiet wieħed jaqa’ fin-nassa tax-xitan li jipponta subgħajh lejn xi ħadd. U, bil-bluha kollha, jasal jgħid: Kemm joqgħod dan id-diskors għal dak! U għal dik! U għal dawk! Tassew bluha min jasal li jirraġunha hekk. L-għaliex ikun nesa’ id-demel stess li jkollu jdur ġewwa fih. Imbilli ta’ madwari, għal xi raġuni jew oħra, ma jgħidulix bl-intiena, mhux xorta li din se tispara f’wiċċi u tħammarli wiċċi quddiem kulħadd? U, din il-battikata kollha, l-għaliex m’għandhiex il-gazz li nammettieha. U nara kif ħa nagħmel biex neħles minnha.

Imma din, terġa’ u tgħid, hi parti mill-problema. Teżiżti problema oħra: l-għaliex jien, li ninten, irrid nara x’nagħmel u nnitten lil ħaddieħor? X’hemm ġo fija li qed iġagħlni naġixxi b’dan il-mod? Kif wasalt għal din il-marmalja kollha? Staqsi minn hawn u staqsi minn hemm, it-tweġiba tahieli Hu. Kristu nnifsu! Meta ikkonsultajt ruħi miegħu. Meta t-talb jonqos, meta ma nfittxux lil Ġesù fit-talb, noħolqu f’ruħna spazju li jimtela b’qawwa oħra. Il-qawwa ta’ dlamijiet. Il-qawwa li, ir-riklami tagħha, huma l-gideb u l-kalunji. Għax b’dawn taf tiddelitta.

Issa, din il-qawwa, bl-aġent tagħha x-xitan, tara kif tagħmel biex iddemmel lil moħħok u lil moħħi billi xxewwixna l-ewwel kontra l-Mulej. U tbellagħhielna li telaqna. Dak il-Mulej li issa ittarrax għal talbietna. U mbagħad, meta trid u kif trid, tibda’ titfagħlna l-velenu għal xulxin. L-għaliex tibda’ iġġagħlna nemmnu l-gidba faħxija li ħaddieħor hu nfern. Hopeless case! Iva! Li ħaddieħor demel! U, la ħaddieħor demel, allura ittrattah ta’ demel.

Sintendi, attitudni nfernali ta’ din il-kwalità tibda’ tagħtina l-permess u tħeġġiġna biex nqasqsu, niġġudikaw, noskuraw, nivvintaw, ngħawġu, u innaqsu u nżidu fejn jaqblilna. Basta nkunu on top! U nispiċċaw l-imħallfin tal-oħrajn! U, ngħid jien, min hu fuq min? Mhux ilkoll għandna qalb? Mhux ilkoll saħħitna filli tajba u filli le? Mhux ilkoll, min jammetti u min le, jiemna fuq l-art huma magħduda?

Meta nibdew nagħtu aktar ħin lill-Mulej fit-talb anqas għandna ċans li nkunu moħħna f’xulxin. Imma meta ma nitolbux qed niftħu l-bieb biex nibdew inkissru lil xulxin b’kull mod. Inkluż il-fama ta’ xulxin. Mela, jekk ma rridx li nkun demel ejja nieqaf inwaddab il-ġebel! Għax, jien min jien, quddiem il-Mulej, nammettieha jew ma nammettihiex, anki jien ninten seba’ pesti!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.