Qari tal-Quddies tas-Sibt wara l-Erbgħa tal-Irmied


Stampa t-test tal-qari …

Is-Sibt wara l-Erbgħa tal-Irmied

QARI I
Jekk int qalbek toħroġ għall-imġewwaħ, imbagħad id-dawl tiegħek ifiġġ fid-dlam.
Iż 58, 9b-14

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Dan jgħid il-Mulej:
“Jekk tneħħi minn nofsok il-moħqrija,
ma tmiddx subgħek u ma tagħmilx deni b’ilsienek,
jekk int qalbek toħroġ għall-imġewwaħ,
u xxabba’ qalb l-imnikket,
imbagħad id-dawl tiegħek ifiġġ fid-dlam,
u s-swied tiegħek ikun bħan-nofsinhar.
U l-Mulej jibqa’ jmexxik għal dejjem,
u jxebbagħlek qalbek fl-imkejjen niexfa,
u jsaħħaħlek għadmek.
Int tkun bħal ġnien bis-saqwi,
bħal għajn ta’ ilma ma jonqos qatt.
U jerġgħu jibnuk mill-ħerbiet tal-qedem,
mill-ġdid int tibni s-sisien ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ.
U jsejħulek: Bennej tas-swar imġarrfa,
li jġedded it-toroq fejn wieħed joqgħod.
Jekk int ma tixħetx is-Sibt taħt riġlejk,
billi tagħmel li jogħġbok fil-jum imqaddes tiegħi;
jekk issejjaħ is-Sibt l-għaxqa tiegħek,
u l-jum qaddis u mweġġaħ mill-Mulej;
jekk tagħtih ġieħ billi fih ma tagħmilx ix-xogħol ta’ kuljum,
u ma tfittixx in-negozju u t-tlablib fieragħ,
imbagħad issib l-għaxqa tiegħek fil-Mulej,
u jiena ntellgħek fuq għoljiet l-art.
U nxebbgħek b’wirt Ġakobb, missierek.
Għax fomm il-Mulej tkellem”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 85 (86), 1-2.3-4.5-6

R/. (11a): Urini, Mulej, triqatek

Agħtini widen, Mulej, u weġibni,
għaliex jiena msejken u fqajjar.
Ħarisli ħajti, għax jiena twajjeb,
salva l-qaddej tiegħek, għax fik jittama. R/.

Int Alla tiegħi, ħenn għalija, Sidi,
għax lilek ngħajjat il-ħin kollu.
Ferraħ ruħ il-qaddej tiegħek,
għax lejk, Sidi, jien nerfa’ ruħi. R/.

Għax int, Sidi, twajjeb u taħfer,
kollok tieba għal kull min isejjaħlek.
Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi,
isma’ l-leħen tal-ilfiq tiegħi. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Eżek 33, 11

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Jien ma nitgħaxxaqx b’mewt il-midneb, jgħid il-Mulej,
imma bir-reġgħa lura tiegħu minn triqtu biex jgħix.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
Jien mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema.
Lq 5, 27-32

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù lemaħ wieħed pubblikan, jismu Levi, bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi, u qallu: “Ejja warajja!”. Dak telaq kollox, qam u mar warajh. Imbagħad Levi għamillu laqgħa kbira f’daru stess, u kien hemm magħhom fuq il-mejda kotra kbira ta’ pubblikani u nies oħra. Il-Fariżej u l-kittieba sħabhom bdew igemgmu mad-dixxipli tiegħu, u qalulhom: “Dan l-għala tieklu u tixorbu mal-pubblikani u l-midinbin?”. U Ġesù weġibhom: “Mhux dawk li huma f’saħħithom għandhom bżonn it-tabib, iżda l-morda. Jien mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu