Il-Maternità ta’ Omm Alla


ĠWANNI PAWLU II. UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 10 ta’ Jannar 1979

  1. Wasal fi tmiemu ż-żmien tal-Milied. Għaddiet ukoll il-festa tal-Epifanija. Imma l-meditazzjonijiet tal-laqgħat tagħna ta’ nhar t’Erbgħa jirreferuna mill-ġdid għall-kontenut fundamentali tal-veritajiet, li ta’ kull sena l-perijodu natalizju jpoġġilna quddiem għajnejna. Dawn jidhrulna f’densità partikolari. Wieħed irid iż-żmien biex iħares lejhom bl-għajnejn miftuħa tal-ispirtu, li għandu d-dritt u l-bżonn li jimmedita l-verità, li jikkuntempla s-sempliċità u l-profondita kollha tagħha.

Matul l-ottava tal-Milied, il-Knisja tagħmel li ndawru l-ħarsa tal-ispirtu tagħna lejn il-misteru tal-Maternità. L-aħħar jum tal-ottava li huwa wkoll l-ewwel jum tas-sena l-ġdida, taħbat il-festa tal-Maternità ta’ Omm Alla. B’dan il-mod jiġi enfasizzat “il-post” tal-Omm, id-“dimensjoni” materna f’dan il-misteru kollu tat-twelid ta’ Alla.

  1. Din l-Omm iġġib l-isem ta’ Marija. Il-Knisja tqimha b’mod partikolari. Il-kult li jirrendiha, jissupera l-kult tal-qaddisin kollha l-oħra (“cultus iperduliae”). Eqimha propju hekk għaliex kienet l-Omm; għaliex ġiet magħżula biex tkum l-Omm ta’ Bin Alla; għaliex lil dak l-Iben, li huwa l-Verb Etern, tatu fiż-żmien “il-ġisem”, tat f’mument storiku “l-Umanità”. Il-Knisja ddaħħal din il-qima partikolari tal-Omm ta’ Alla fiċ-ċiklu kolli tas-sena liturġika, li matulha b’mod diskret imma wkoll sollenni ħafna jiġi aċċentwat, permezz tal-festa tal-Annunzjazzjoni ċcelebrata disà xhur qabel il-Milied, fil-25 ta’ Marzu, il-waqt tal-konċepiment uman ta’ Bin Alla. Nistgħu ngħidu li matul il-perijodu kollu, mill-25 ta’ Marzu sal-25 ta’ Diċembru, il-Knisja timxi ma’ Marija li, bħal kull omm, tistenna l-waqt tat-twelid: il-jum tal-Milied. U fl-istess ħin matul dan iż-żmien Marija “timxi” mal-Knisja.

L-istennija materna tagħha hija miktuba b’mod diskret fil-ħajja tal-Knisja ta’ kull sena. Dak kollu li seħħ bejn Nażżaret, Ain-Karin u Betlem, huwa t-tema tal-liturġija tal-ħajja tal-Knisja, tat-talb – speċjalment tat-talba tar-rużarju – u tal-kontemplazzjoni. Illum iżda għabet mis-sena liturġika festa partikolari ddedikata lill-“Verġni eqila”, il-festa tal-“istennija materna tal-Verġni”, dari ċċelebra fit-18 ta’ Diċembru.

  1. Waqt li tinserixxi b’dan il-mod fir-ritmu tal-liturġija tagħha il-Misteru “tal-istennija Materna tal-Verġni”, il-Knisja timmedita, fuq l-isfond tal-Misteru ta’ dawk ix-xhur li jgħaqqdu l-waqt tat-twelid mal-waqt tal-konċepiment, id-dimensjoni kollha spiritwali tal-maternità ta’ Omm Alla.

Din il-maternità “spirituali” (“quoad spiritum”) bdiet flimkien mal-maternità fiżika (“quoad corpus”). Fil-waqt tal-Annunnzjazzjoni Marija kellha dan id-djalogu mal-Ħabbari: “Kif inhu possibbli? Ma nafx raġel” (Lq 1,34); tweġiba: “L-Ispirtu Santu jinżel fuqek, fuqek jifrex id-dell tal-qawwa tal-Iktar Għoli. Dak li jitwieled minnek ikun mela qaddis u jissejjaħ Bin Alla” (Lq 1,35). Fl-istess ħin mal maternità fiżika (“quoad corpus”) bdiet il-maternità spiritwali tagħha (“quoad spiritum”). Din il-maternità b’dan il-mod imliet id-disà xhur ta’ stennija tal-waqt tat-twelid, bħat-tletin sena mgħoddija bejn Betlem, l-Eġittu u Nażżaret, bħal ma wkoll is-snin l-oħra li matulhom Ġesù, wara li kien ħalla d-dar ta’ Nażżaret, għallem il-Vanġelu tas-Saltna, is-snin li ntemmu bil-ġrajjiet tal-Kalvarju u bis-Salib. Hemm il-maternità “spiritwali” waslet f’ċertu sens għall-mument l-iktar importanti tagħha. “Ġesù hekk kif ra lil Ommu u hemm maġembha id-dixxiplu maħbub, qal lil omm: “Hemm hu ibnek”” (Ġw 19,26).

Hekk, b’mod ġdid, rabat lilha, il-propja Ommu, mal-bniedem. Rabatha mal-Knisja fil-jum tat-twelid storiku tagħha, il-jum tal-Pentekoste. Min dakinhae il-Knisja kollha għandha lilha bħala Omm. U l-bnedmin kollha għandhom lilha bħala Omm. Huma jifhmu l-kliem ippronunzjat minn l-għoli tas-salib bħala ndirizzat lil kull wieħed u waħda minnhom. Omm il-bnedmin kollha. Il- maternità spiritwali m’għandhiex limiti. Tinfirex fiż-żmien u fl-ispazju. Tilħaq tant qlub umani. Tilħaq in-nażżjonijiet sħaħ. Il-maternità tikkostitwixxi argument għażiż u forsi l-iktar frekwenti tal-krejattività tal-ispirtu uman. Hija element kostituttiv tal-ħajja nterna ta’ tant bnedmin. Hija l-prinċipju ċentrali tal-kultura umana. Maternità: kbira, splendida, realtà fundamentali umana, mill-bidu msejħa b’isimha propju mill-Ħallieq. Mil-gdida riaċċettata fil-Misteru tat-twelid ta’ Alla fiż-żmien. Fih, f’dan il-Misteru, mdaħħla. Miegħu magħquda b’mod inseparabbli.

  1. Fl-ewwel jiem tal-ministeru tiegħi fis-sedja rumana ta’ San Piewtru kelli l-pjacir li niltaqà ma’ Bniedem, li minn dik l-ewwel laqgħa sar b’mod partikolari qrib tiegħi. Ippermettuli li ma nsemmix hawn isem din il-Persuna li l-awtorità tagħha fil-ħajja tan-nazzjon Taljan hija tant kbira, u li l-kliem tiegħu jien ukoll smajtu fl-aħħar jum tas-sena b’attenzjoni magħquda ma’ gratitudni. Dan kien sempliċi, profond u mimli tħassib għall-ġid tal-bniedem, tal-Patrija u tal-umanità kollha kemm hi, ippermettuli li b’xi mod nirreferi għal kliemu, li matul dik l-ewwel laqgħa smajt mingħandu. Dan il-kliem kien jirrigwarda l-omm: lil ommu. Wara tant snin ta’ ħajja, ta’ esperjenza, ta’ taqtigħat politiċi u soċjali, huwa jiftakar lil ommu bħala dik li lilha flimkien mal-ħajja jaf ukoll dak kollu li jikkostitwixxi l-elastiċità tal-istorja tal-ispirtu tiegħu. Smajt dan il-kliem b’kommozzjoni sinċiera. Żammejtu f’moħħi u ma ninsieh qatt. Kien għalija bħala taħbira u fl-istess ħin bħala appell. Hawn miniex se nitkellem dwar ommi, għaliex tliftha kmieni wisq; però li lilha naf l-istess ħwejjeġ li l-Interlokutur Distint tiegħi esprima b’mod hekk sempliċi. Minħabba f’hekk nippermetti lili nnifsi li nirreferi għal dak li smajt mingħandu.
  2. U illum, qed nitkellem dwar dan biex inwettaq dak li ħabbart ġimgħa ilu. Dakinhar għedt li jmissna nkunu qrib ta’ kull omm li qed tistenna; li għandna ndawru  b’assistenza partikolari l-maternità u l-ġrajja kbira marbuta magħha, il-konċepiment u t-twelid tal-bniedem, li dejjem iqiegħed ruħu fis-sies tal-edukazzjoni umana. L-edukazzjoni tistrieħ fuq il-fiduċja f’dik li tat il-ħajja. Din il-fiduċja ma tistà qatt tkun esposta għall-periklu. Fiż-żmien tal-Milied il-Knisja tpoġġi quddiem l-għajnejn ta’ ruħna l-maternità ta’ Marija  u dan tagħmlu l-ewwel; jum tas-sena l-ġdida. Tagħmlu wkoll biex tenfasizza d-dinjità ta’ kull omm, biex tiddefinixxi u tfakkar is-sinifikat tal-maternità, mhux biss fil-ħajja ta’ kull bniedem imma wkoll fil-kultura kollha umana.  Il-maternità hija l-vokazzjoni tal-mara. Hija vokazzjoni eterna, u hija wkoll vokazzjoni kontemporanja. “L-Omm li tifhem kollox u bil-qalb tħaddan lil kull wieħed u waħda minna”: dan huwa kliem ta’ innu, kantat miż-żgħażagħ fil-Polonja, li jiġi f’moħħi f’dan il-waqt; l-innu jkompli jħabbar li llum id-dinja b’mod partikolari “għandha “ġuħ u għatx” ta’ dik il-maternità, li “fiżikament” u “spiritwalment” hija l-vokazzjoni tal-mara, hekk bħal ma hi ta’ Marija.

Hemm bżonn nagħmlu kollox, sabiex id-dinjità ta’ din il-vokazzjoni splendida ma titfarrakx fil-ħajja interna tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda; sabiex ma tiġix imċekkna l-awtorità tal-mara-omm fil-ħajja familjari, soċjali u pubblika, u fiċ-ċiviltà kollha tagħna: f’kull leġislazzjoni kontemporanja tagħna, fl-organizzazzjoni tax-xogħol, fil-pubblikazzjonijiet, fil-kultura tal-ħajja ta’ kuljum, fl-edukazzjoni u fl-istudju. F’kull qasam tal-ħajja.

Dan huwa kriterju fundamentali.

Jinħtieġ li nagħmlu minn kollox, sabiex il-mara timmerita l-imħabba u l-qima. Jinħtieġ nagħmlu minn kollox, sabiex l-ulied, il-familja, is-soċjetà jaraw fiha dik id-dinjità li fiha ra Kristu.

“Mater genetrix, spes nostra”!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.