Il-lejl tal-wegħda li twettqet


ĠWANNI PAWLU II. UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 3 ta’ Jannar 1979

  1. L-aħħar lejl ta’ stennija tal-umanità, li hija mfakkra lilna kull sena mil-liturġija tal-Knisja bil-vġili u l-festa tat-Twelid tal-Mulej, huwa fl-istess ħin il-lejl li fih il-wegħda twettqet. Twieled Dak li kien mistenni, li kien it-tmiem tal-avvent u qatt ma jieqaf milli jkun. Twieled il-Kristu. Dan seħħ darba fil-lejl ta’ Betlem, imma fil-liturġija jtenni ruħu kull sena, sa ċertu punt “jattwa ruħu” kull sena. U wkoll kull sena huwa mogħni bl-istess sustanzi: divini u umani, li jidhru b’tant kwantità li l-bniedem mhux kapaċi li jħaddanhom kollha b’ħarsa waħdanija; u huwa diffiċli li jsib kliem biex jesprimihom kollha f’salt. Saħansitra l-perijodu liturġiku tal-Milied jidhrilna qasir wisq biex nieqfu fuq din il-ġrajja, li tippreżenta iktar il-karatteristiċi ta’ “mysterium fascinosum”, milli dawk ta’ “mysterium tremendum”. Qasir wisq, biex “ingawdu” bis-sħiħ il-miġja ta’ Kristu, it-twelid ta’ Alla fin-natura umana. Qasir wisq, biex inħollu l-ħajt waħdieni ta’ din il-ġrajja u ta’ dan il-misteru.
  2. Il-liturġija tiċċentralizza l-attenzjoni tagħna fuq waħda minn dawk il-ħajtiet u tenfasizzaha b’mod partikolari. It-twelid tat-Tarbija fil-lejl ta’ Betlem ta bidu għall-Familja. Għalhekk il-Ħadd, ta’ matul l-ottava tal-Milied, huwa l-festa tal-Familja ta’ Nażżaret. Din hija l-Familja Mqaddsa, għaliex kienet magħġuna għat-twelid ta’ Dak, li saħansitra l-“Avversarju” tiegħu kellu jkun kostrett li, jum wieħed, kellu jxandru bħala, “il-Qaddis ta’ Alla” (Mk1,24). Familja Qaddisa, għaliex il-qdusija ta’ Dak li twieled saret is-sors ta’ santifikazzjoni singolari, kemm minħabba  l-Verġni-Ommu, kif ukoll tal-Għarus tagħha, li quddiem il-bnedmin, bħala żewġha leġittimu, kien meqjus missier it-Tarbija mwielda waqt iċ-ċensiment ġo Betlem.

Din il-Familja hija fl-istess ħin Familja umana, u għalhekk il-Knisja, fil-perijodu natalizju, iddur, permezz tal-Familja Mqaddsa, lejn kull familja umana. Il-qdusija tistampa f’din il-Familja, li fiha ġie fid-dinja l-Iben ta’ Alla, karattru uniku, eċċezzjonali, irrepetibbli, soprannaturali. U fl-istess ħin dak kollu li nistgħu ngħidu dwar kull familja umana, tan-natura tagħha, tad-dmirijiet tagħha, tad-diffikultajiet tagħha, nistgħu ngħiduh ukoll dwar din is-sagra Fanilja. Difatti, din il-Familja Mqaddsa hija tassew fqira: filwaqt tat-twelid ta’ Ġesù hija mingħajr saqaf, imbagħad ikollha ġġarrab l-eżilju, u meta l-perikolu jkun għadda, tibqà familja li tgħix b’mod modest, fil-faqar, bix-xogħol tal-propja jdejha.

Il-kondizzjoni tagħha tixbaħ lil dik ta’ tant familji umani oħra. Hija l-post tal-laqgħa tas-solidarjetà tagħna, ma’ kull familja, ma’ kull komunità ta’ raġel u mara, li fiha jitwieled esseri uman ġdid. Din hija Familja li ma tibqax biss fuq l-altari, bħala oġġett ta’ tifħir u ta’ qima, imma permezz ta’ tant episodji mgħarrfa lilna mill-Vanġelu ta’ San Luqa u ta’ San Mattew, toqrob, b’xi mod, lejn kull familja umana. Titgħabba b’dawk il-problemi profondi, sbieħ imma fl-istess ħin diffiċli, li l-ħajja miżżewġa u familjari ġgib magħha. Meta naqraw b’attenzjoni dak li l-Evanġelisti (speċjalment Mattew) kitbu dwar il-ġrajjiet migħuxa minn Ġużeppi u minn Marija, qabel it-twelid ta’ Ġesù, dawn il-problemi, li hawn fuq aċċennajt għalihom, isiru iktar u iktar evidenti.

  1. Is-solennità tal-Milied, u, fil-kontest tagħha l-festa tal-Familja Mqaddsa, huma partikolarment viċini u għeżież, propju għaliex fihom jiltaqgħu dimensjonijiet fundamentali tal-fidi tagħna, jiġifieri il-misteru tal-Inkarnazzjoni, mad-dimensjoni xejn inqas fundamentali tal-ġrajjiet tal-bniedem. Kull wieħed għandu jagħraf li din id-dimensjoni essenzjali tal-ġrajjiet tal-bniedem hija propju l-familja.  U fil-familja l-prokrejazzjoni: bniedem ġdid jiġi kkonċeput u jitwieled, u permezz ta’ dan il-konċepiment u dan it-twelid ir-raġel u l-mara, fil-kwalita ta’ żewġ u martu, isiru missier u omm, ġenituri, waqt li jilħqu dinjità ġdida u waqt li jassumu dmirijiet ġodda. L-importanza ta’ dawn id-dmirijiet fundamentali hija kbira ħafna taħt punti di vista multepliċi. Mhux biss mill-punt di vista ta’ din il-komunità konkreta li hija l-familja tagħhom, imma wkoll mill-punt di vista ta’ kull komunità umana, ta’ kull soċjetà, Nazzjon, Stat, skola, professjoni, ambjent. Kollox jiddependi, b’mod ġenerali, minn kif il-ġenituri u l-familja jħaddmu d-doveri ewlenin u fundamentali tagħhom, mill-mod u mill-qies li bihom jħallu “jkun bniedem” li din il-krejatura, li grazzi lilhom saret esseri uman, kisbet “l-umanità”.

F’dan il-familja hija insostitwibbli. Hemm bżonn li jsir dak kollu possibbli sabiex il-familja ma tkunx sostitwita. Dan huwa mitlub mhux biss minħabba l-ġid “privat” ta’ kull persuna, imma wkoll għall-ġid komuni ta’ kull soċjetà, Nazzjon, Stat ta’ kwalunkwè kontinent. Il-familja hija mqiegħda fiċ-ċentru nnifsu tal-ġid komuni fid-dimensjonijiet differenti, appuntu għaliex fiha jiġi kkonċeput u mwieled il-bniedem. Hemm bżonn li jsir dak kollu possibbli, sabiex dan l-esseri uman sa mill-bidunett, mill-waqt tal-konċepiment tiegħu, ikun aċċettat, mistenni, migħux bħala valur partikolari, uniku u irrepetibbli. Huwa għandu jħoss li huwa mportanti, utli, għażiż u ta’ valur kbir, ukoll jekk invalidu jew handikappat; anzi minħabba dan ukoll maħbub iktar.

Hekk jgħallimna l-misteru tal-Inkarnazzjoni.  Din hija l-loġika tal-fidi tagħna. Din hija wkoll il-loġika ta’ kull umaneżmu awtentiku; infatti jien naħseb li ma jistax ikun mod ieħor. Hawn m’aħniex infittxu xi elementi ta’ kontrappożizzjoni, imma nfittxu xi punti li jlaqqgħuna, li huma konsegwenza sempliċi tal-ewwel verità dwar il-bniedem. Il-fidi ma tbigħedx lil dawk li jemmnu minn din il-verità, imma tintroduċiha propju f’qalbhom.

  1. U ħaġ’oħra. Fil-lejl tal-Milied, l-Omm li kellha twelled (“Virgo paritura”) ma sabitx saqaf għaliha. Ma sabitx il-kondizzjonijiet li fihom taġixxi b’mod normali dak il-Misteru kbir divin u fl-istess ħin uman tat twelid ta’ bniedem.

Ippermettuli ninqeda bil-loġika tal-fidi u bil-loġika ta’ umaneżmu konsegwenti. Dan il-fatt li dwaru qed nitkellem huwa għajta kbira, huwa sfida permanenti għall-individwi u għal kulħadd, b’mod partikolari forsi fl-epoka tagħna, li fiha mill-omm tqila tiġi spiss mitluba prova kbira ta’ konsistenza morali. Infatti, dak li jiġi definit b’mod ewfemistiku bħala “interruzzjoni tat-tqala” (l-abort) ma jistax ikun ivvalutat ma’ kategoriji oħra awtentikament umani, jekk ma jkunux dawk tal-liġi morali, jiġifieri tal-kuxjenza. Fir-rigward ta’ dan bosta jistà jingħad, jekk mhux il-kunfidenzi magħmula fil-kunfessjonarji, bla dubju ta’ xejn dawk fil-kunsulenzi għall-maternità responsabbli.

Għalhekk, ma nistgħux inħallu lill-omm li se twelled weħedha, inħalluha mad-dubji tagħha, mad-diffikultajiet, mat-tentazzjonijiet tagħha. Hemm bżonn li nkunu qribha, sabiex ikollha biżżejjed kuraġġ u fiduċja, sabiex ma ttaqqalx il-kuxjenza tagħha, sabiex ma tkunx meqruda l-ħolqa fundamentali ta’ rispett tal-bniedem għall-bniedem. Infatti, tali hija l-ħolqa, li jkollha bidu fil-waqt tal-konċepiment, li minħabba fiha ilkoll kemm aħna, sa ċertu punt, għandna inkunu ma’ kull omm li se twelled: u għandna noffrulha kull għajnuna possubbli.

Inħarsu lejn Marija: “Virgo paritura” (Verġni li se twelled). Inħarsu aħna, il-Knisja, aħna l-bnedmin, u nfittxu li nifhmu aħjar liema responsabbiltà jġib miegħu l-Milied tal-Mulej lejn kull bniedem li għandu jitwieled fuq l-art. Għalissa nieqfu hawn fuq dan il-punt u ninterrompu dawn il-konsiderazzjonijiet: bla ebda dubju ta’ xejn jeħtiġilna, u mhux biss darb’oħra, nerġgħu mill-ġdid inmorru lura għalihom.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.