Il-Papa f’laqgħa mal-qraba tal-Missjunarji Maltin. 1990

Print Friendly, PDF & Email

Laqgħa mal-Qraba tal-Missjunarji, fis-Santwarju tal-Madonna fil-Mellieħa, 26 ta’ Mejju 1990.

Għeżież ħuti fi Kristu,

  1. Ninsab kuntent ħafna għal din l-opportunità li niltaqa’ mal-ġenituri u qraba ta’ qassisin, reliġjużi u lajċi ta’ Malta li qegħdin jagħmlu xogħol pastorali barra. It-tweġiba dedikata ta’ tant minn ulied għas-sejħa tal-Mulej hija raġuni ta’ ferħ kbir, u tixhed il-frott spiritwali tal-fidi nisranija li l-Appostlu Pawlu ġab f’dawn il-gżejjer tant żmien ilu. F’isem il-Knisja kollha, jien niżżiħajr lil kull wieħed minnkom għal dak kollu li għamiltu permezz tat-talb tagħkomtal-inkoraġġiment tagħkom u tas-sagrifiċċju tagħkom infuskom biex tgħinu lil dawn l-irġiel u n-nisa jagħrfu u jħaddnu r-rieda t’Alla f’ħajjithom.

        Hu tassew xieraq li aħna ninġabru flimkien fit-talb fil-Mellieħa, l-eqdem Santwarju Marjan fil-gżira ta’ Malta. Fit-tħabbira, il-Verġni ta’ Nazaret laqgħet minn jeddha l-istedina ta’ Alla li ssir l-Omm ta’ Ibnu (ara Lq 1:38). wara t-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej, Marija kienet magħquda fit-talb mal-Appostli, waqt li kienu jistennew il-miġja tal-Ispirtu s-Santu li Ġesù kien wiegħed li jibgħatilhom (ara Atti 1:14). Aħna nafu li fit-twettiq misterjuż tal-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni, Omm Ġesù kellha sehem privileġġjat. Fiduċjużi fl-imħabba u l-ħarsien matern tagħha, ma neżitawx nirrikmandaw għat-talb tagħha l-intenzjonijiet ta’ dawk li mxew wara l-amar ta’ Kristu “morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-Tajba” (Mk 16:15).

  1. Għeżież ħbieb: il-laqgħa tal-lum hija okkażjoni biex niftakru b’ħajrfir-rwol tal-familja nisranija biex trawwem il-vokazzjonijiet tal-membri tagħha u tmexxi ‘l quddiem il-missjoni tal-Knisja. It-Tieni Konċilju Vatikan fakkarna li l-familja tista’ tassew tissejjaħ “Knisja Domestika” (ara Lumen Gentium, 11) għaliex tirrifletti ħafna aspetti  tal-ġisem sħiħ ta’ dawk li jemmnu. Bħala komunità ta’ fidi, tama u mħabba, il-familja għandha tkun, b’mod speċjali ħafna, “post fejn jingħadda l-Evanġelju u minn fejn l-Evanġelju jirradja (Evangelit Nuntiandi, 71).

                Tgħid jista’ jingħad li waħda mir-raġunijiet għaliex il-familji tagħkom taw tant missjunarji lill-Knisja hija li intom għandkom sens ħaj tad-dinjità u l-missjoni tagħkom bħala membri mgħammdin tal-Ġisem ta’ Kristu, mibgħutin biex twasslu l-bxara tal-Evanġelju lil dawk kollha li tiltaqgħu magħhom? Kull nisrani jista’ japplika għalih innifsu l-kliem ta’ San Pawl: “Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju!” (1 Kor 9:16). Imqar f’pajjiż bħal Malta, fejn il-fidi Kattolika ffjorixxiet għal sekli sħaħ, jinħtieġu f’kull ġenerazzjoni, rġiel u nisa, li fost iċ-ċirkustanzi ordinarji tal-ħajja ta’ kuljum, jagħtu xhieda lill-ġirien tagħhom tal-misteru tal-imħabba ta’ Alla kif rivelata minn Ġesù Kristu. J’Alla l-familji nsara jkomplu jkunu l-ħmira tal-Evanġelju lis-soċjetà Maltija kollha!

  1. L-Appostlu Pietru jħeġġiġna lkoll biex inkunu “amministraturi tajbin tal-grazzja ta’

     Alla” (ara 1 Pt 4:10) billi nużaw id-doni li ngħatajna għall-ġid ta’ xulxin. Waqt li

     nfakkru l-ġenerożità li biha ħafna missjunarji Maltin qassmu l-fidi li kienu rċevew,

     aħna nistgħu tassew niżżuħajr ‘l Alla għall-ħsad għani li hu ħasad permezz tax-

     xhieda tagħhom.

                Illum hemm ħafna mijiet ta’ qassisin, reliġjużi u lajċi Maltin li qed iġibu d-dawl ta’ Kristu fl-Awstralja, fl-Amerika ta’ Fuq u t’Isfel, fl- Afrika, fl-Indja, u f’ħafna partijiet tal-Ewropa. B’żieda ta’ dan, familji emigrati Maltin qed jagħtu vokazzjonijiet lill-pajjiżi li addottaw, waqt li djar reliġjużi barra minn Malta qed jirċievu vokazzjonijiet minn fost il-ġnus li huma marru jaqdu.

                Waqt li nifirħu fis-servizz li qed jagħtu lill-Mulej u lill-Knisja Tiegħu, ejjew ma niqfux ngħinu lil dawn il-missjunarji bis-solidarjetà tat-talb u tal-għemejjel ta’  penitenza. B’mod partikulari, ejjew nitolbu ‘l Alla li jbierek bil-mija fil-wieħed (ara Mk 10:30) lil dawk fosthom li jgħaddu minn kull xorta ta’ tbatijiet għall-Bxara t-Tajba. U f’għaqda ma’ Marija, ejjew nitolbu lill-Mulej iqajjem ħafna oħrajn biex jimxu warajhom fix-xogħol tat-tmexxija tal-ġnus kollha għall-għarfien tal-verità. (1 Tim 2:4) biex “il-glorja t’Alla li tiddi f’wiċċ Kristu tista’ titfa’ d-dawl tagħha fuq il-bnedmin bis-saħħa tal-Ispirtu s-Santu” (Ad Gentes, 42).

        Lilkom ilkoll tmur l-imħabba kbira tiegħi fil-Mulej u l-Barka Appostolika speċjali Tiegħu.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: