“It-talb ma jibdilx lil Alla imma lil min jitlob.” – Kierkegard

Print Friendly, PDF & Email

Il-ħsibijiet ta’ filosofu mhux ta’ min jarmihom. Biex tifhimhom wara żmien li nkitbu u fid-dawl ta’ dak li nkiteb dwarhom minn filosofi li ġew qablu u warajh trid tħabbel rasek mhux ħażin.

U jrid ikollok moħħ ta’ filosofu. Jekk nieħdu din it-tema tal-filosofu Daniż Soren Kierkegard li: “it-talb ma jibdilx lil Alla imma lil min jitlob” ma nistgħux nieqfu hemm, imma rridu naraw dan il-kunċett fid-dawl tat-twemmin tal-filosofu Kierkegard u l-mod kif kien iħares lejn ir-reliġjon. Għax il-kwestjoni kollha hi jekk wieħed jemmen jew ma jemminx f’Alla li nafu aħna. Filosofu jista’ jikkwota l-Bibbja u jislet kwotazzjonijiet li jsaħħu dan il-ħsieb.

F’naħat tal-Bibbja nsibu li Alla hu l-Mulej li ma jinbidilx (Mal 3, 6) u f’naħat oħra naqraw li l-qalb ta’ Alla qed tinbidel ġo fih, meta titqanqal il-ħniena tiegħu (Hos 11, 8). Dan m’għandux ifixkilna għax jekk nieħdu l-Bibbja b’mod ħolistiku, speċjalment l-Evanġelji, naraw li t-twemmin tagħna hu mibni fuq Alla li ta’ min jafda fih għax ma jinbidilx u fl-istess ħin Alla li jistenna li u nitolbu dak li neħtieġu.

Lil Alla t-talb ta’ tifħir u ta’ ringrazzjament ma jżidlu xejn imma juri l-imħabba ta’ min jemmen fih. Meta qed infaħħru lil Alla għall-ħolqien u nirringrazzjawh għall-providenza tiegħu qed nerfgħu ‘l fuq lilna stess bħala bnedmin maħluqin minnu. Inkunu qed napprezzaw dak li hu sabiħ fih, fid-dinja li ngħixu fiha, u fina stess. Mhux sew li xi ħadd, ukoll jekk ikun filosofu, iċaħħadna minn dan id-dritt. Għax min iżomm li t-talb lil Alla ma jwassal għal xejn ikun qed jibgħat messaġġ fin biex ukoll min jemmen f’Alla ma jitlobx. Hu bibliku u wkoll vokabularju tal-qaddisin li Alla japprezza r-rikonoxxenza. U t-talb hu mod ta’ kif il-bniedem ifaħħar u jirringrazzja lil Alla.

Filosofi bħal Aristotle, Kant u Kierkegard huma tal-fehma li billi Alla jaf minn qabel x’se jiġri, it-talb hu ħaġa vojta jekk kollox se jsir skond il-pjan ta’ Alla; hu diġa’ jaf x’se jitolbu n-nies. Imma dawn huma argumenti tal-filosofi; Alla hu ikbar minn hekk, hu misteru li ‘l quddiem ikollna x-xorti narawh aħjar. Għalissa, aħna mistiedna mill-Mulej biex “nitolbu bla ma nieqfu” (1 Tess 5, 17).

Dwar it-tieni parti tat-tema, wieħed ma jistax ma jaqbilx ma’ Kierkegard li: “it-talb jibdel lil min jitlob”. Ilkoll nistgħu nixhdu għal din il-verita’. Meta nitolbu, filwaqt li nwieġbu għall-istedina ta’ Alla biex nagħtuh ġieħ, qed nieħdu benefiċċju minn kull laqgħa li jkollna miegħu. Tkun qed isseħħ trasformazzjoni ġo fina meta qed nintelqu f’idejn Alla biex niġu ffurmati skond ix-xbieha tiegħu; biex insiru dak li hu jixtieq minna, għax minn kull wieħed minna Alla jrid jagħmel kapulavur uniku. U t-talb hu l-fora fejn dan jinħadem.

Meta nidraw nitolbu aħna ma nħossux din it-trasformazzjoni imma meta jkollna l-kuraġġ li ngħaddu l-ħin ma’ Alla nintebħu bil-bidla iktar ma jgħaddi ż-żmien. It-talb ikun qed inissel fina paċi profonda u qed ibiddel l-atteġġjament tagħna lejn l-oħrajn. Meta niftħu qalbna għal Alla, din tinfetaħ aktar għall-proxxmu. It-talb jibdilna wkoll billi nibdew nirreaġixxu aħjar għall-provi tal-ħajja.

Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading