Ġwanni Pawlu II lill-lajċi fil-Katidral ta’ Lisbona


IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II FIL-PORTUGAL

Il-laqgħa mal-lajċi fil-Katidral ta’ Lisbona.  12 ta’ Mejju 1982

PERMEZZ TAGĦKOM IL-KNISJA TRID TKUN FL-OQSMA KOLLHA TAL-ĦIDMA TAL-BNIEDEM

 

Wara li fakkar fil-ħidma li saret tul mijiet ta’ snin mill-Portugal għax-xandir tal-Evanġelju fid-dinja, il-Papa qal:

Jiena żgur li intom tafu sew dan l-imgħoddi tagħkom u, fid-dawl tiegħu, tħossu li hu ġieħ tagħkom li qegħdin tgħixu llum, kollkom ħerqana biex tibnu l-ġejjieni dejjem aktar skond il-pjan ta’ Alla li ħalaqna u fdiena u li hu s-Sid ta’ l-istorja. “Għaliex jiena żgur minn dan, u żgur ukoll mis-setgħa ta’ Kristu, l-Imgħallem u s-Sid tal-Knisja, li hu dejjem il-bidu żgur u l-milja tal-missjoni li Alla jafda lil kull bniedem” (ara Redemptor hominis 11), jiena nħares b’tama kbira lejn il-lajċi kattoliċi ta’ pajjiżkom. Il-Knisja ta’ Alla, kollha kemm hi, u l-Knisja li qiegħda tgħix, titlob, titħabat u tittama, f’din “l-art imbierka ta’ Santa Marija”, tittama fikom, tittama li intom lesti biex taħdmu ma’ Kristu li ma ġiex sabiex ikun moqdi imma biex jaqdi (ara Mt 20, 28) ħa jagħmel ir-rieda tal-Missier u jgħin lill-bniedem.

Għażiltu ‘l Kristu li xtrakom

Intom, għamiltu għażla: għażiltu ‘l Kristu, fil-Knisja; għażla li għamiltu darba għal dejjem meta ħadtu d-don kbir tal-Magħmudija, don li għaraftuh dak in-nhar li għamiltu l-ewwel tqarbina, u wettaqtuh meta ħadtu l-Ġriżma, u qegħdin tgħixuh tul ħajitkom kollha bit-tisħib fis-sagramenti u l-aktar fl-Ewkaristija , iċ-ċentru u l-qofol tas-sagramenti kollha (ara Lumen gentium 11). X’inhi għalhekk is-sejħa, ir-responsabbilta’, il-missjoni tagħkom bħala lajċi? Tafuh sewwa: il-lajċi huma parti mill-Poplu ta’ Alla, miexi f’din id-dinja lejn is-sema pajjiżna. Ġejtu mirbuħa u mqaddsa minn Kristu, li xtrakom bi prezz għoli: mhux bid-deheb jew il-fidda, imma bid-demm għażiż tiegħu (ara I Piet 1, 18). U intom imsejħin għall-qdusija, u bħala eżempju għandkom lil Kristu stess, fl-għoti sħiħ tiegħu lil Missier għal ħutu: “bħalma qaddis hu dak li sejħilkom, kunu intom ukoll qaddisin fl-imġieba kollha tagħkom” (I Piet 1, 18). Imma kunu afu li l-qdusija, aktar milli rebħa hi don mogħti lilkom: hi l-imħabba ta’ Alla li ssawbet fi qlubkom permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilkom (ara Rum 5,5).

Maħbubin minn Alla

Sa mill-bidu, l-insara kienu jagħarfu lilhom infushom bħala l-maħbubin tal-Mulej. Kienu jiltaqgħu flimkien ħa jroddu ħajr huma u jiċċelebraw fil-ġemgħa kollha l-aqwa don tagħhom – l-Ewkaristija. Din il-laqgħa kienet tant importanti li biż-żmien l-istess insara bdew jissejħu bħalma kienet tissejjaħ il-laqgħa (ekklesia): l-insara stess bdew jissejħu ekklesia (knisja). U bħala simbolu l-insara bdew isejħu l-post fejn jiltaqgħu knisja wkoll. Intom ilkoll imsejħin minn Alla biex tgħixu ħajja f’komunita’, fil-knisja. U dan hu wkoll grazzja: kien il-Mulej li ġabarkom fil-knisja, li għamilkom knisja, ħaġa waħda mal-Ġisem kollu tal-Knisja li jinsab imxerred mad-dinja kollha.

Id-don li Alla takom, hu sinjal li Alla jħobbkom. Tkun nisrani għalhekk ma jfissirx  l-ewwel nett li tgħabbejtu b’għadd ta’ impenji u obbligi, imma jfisser li tħallu ‘l Alla jħobbkom, kif Kristu hu maħbub u jħoss li hu maħbub mal-Missier; Hu stess ta xhieda ta’ dan  b’ħajtu kollha u Hu stess qal : “il-Missier iħobbni” (Ġw 10, 17).

L-istqarrija tal-fidi tagħna tibda b’dan il-kliem: “Jiena nemmen f’Alla l-Missier”. F’dawn l-erba’ kelmiet hu miġbur it-tagħlim nisrani kollu: tħalli ‘l Alla jħobbok bħala Missier. Kull wieħed minna hu maħbub minn Alla u hu magħruf b’ismu bħala iben. Għalhekk nistgħu dejjem b’fiduċja sħiħa nirrikorru għand Alla. Kien Kristu li, bħala “huna l-kbir”, għallimna dan.

Il-missjoni tal-lajċi

Issa li tafu li intom maħbubin minn Alla, żgur tistaqsu: “X’għandna nagħmlu bħala lajċi?” In-nisrani ma għandu qatt jibqa passiv, jirċievi biss. Bit-tiswib tal-Ispirtu s-Santu, lil kull wieħed ġie mogħti “don”, mhux bħal ta’ ħadd ieħor, għall-ġid ta’ kulħadd. Minn dan, għax mgħammdin tiġi l-ħtieġa tal-appostolat fil-Knisja, li hi sagrament imwaqqaf minn Kristu li jrid jasal għand il-bnedmin kollha; hu għalhekk li l-Ispirtu s-Santu bla heda jagħti ħajja ‘l-Knisja.

Il-missjoni tagħkom bħala lajċi hi, fil-qofol tagħha, il-qdusija tad-dinja, permezz tal-qdusija personali tagħhom, għat-tiġdid tad-dinja. Il-Konċilju Vatikan II li tant tkellem fuq il-lajċi, u fuq l-post tagħhom fil-Knisja, wera sewwa x’inhi l-ħajja tal-lajċi fid-dinja. In-nisrani li jgħix fid-dinja hu responsabbli għall-bini nisrani tal-ordni ta’ din id-dinja, fl-oqsma kollha tiegħu; il-politika, il-kultura, l-arti, l-industrija, il-kummerċ, il-biedja…

Il-Knisja trid tkun fl-oqsma kollha tal-ħidma tal-bniedem, u ebda ħaġa li hi tal-bniedem ma hi barranija għaliha. U intom il-lajċi li l-aktar għandkom tagħmlu dan. Meta jixlu l-Knisja li hi ma tinsabx f’xi qasam tad-dinja u li ma tagħtix każ ta’ xi problema tal-bniedem, dan ifisser li għandu jisgħob bina li neqsin minn lajċi għorrief u li l-insara huma neqsin f’dan il-qasam partikulari tal-ħajja tal-bniedem. U għalhekk nagħmlilkom sejħa ħerqana: tħallu qatt il-Knisja ‘l bogħod minn ebda qasam tal-ħajja ta’ pajjiżkom. Kollox għandu jkollu fih il-ħmira tal-Evanġelju, u jkun imdawwal mid-dawl tiegħu. U dan huwa dmir tagħkom il-lajċi.

Appostolat individwali u appostolat fl-għaqdiet

Ma’l-appostolat individwali tal-lajċi, permezz ta’ ħidma individwali u aktar permezz ta’xhieda nisranija, għandu jkun imsieħeb l-appostolat tal-għaqdiet li fihom jissieħbu l-lajċi għal xi għan jew ieħor. Dawn iż-żewġ suriet ta’ appostolat ma jmorrux kontra xulxin imma għandhom igħinu ‘l xulxin. Ebda ħidma tal-appostolat tal-għaqdiet ma tkun tiswa, jekk tkun nieqsa x-xhieda nisranija ta’ kull wieħed mill-membri tal-għaqda. Min-naħa l-oħra, minħabba l-ħtiġijiet kbar tal-lum, hu meħtieġ l-isforz ta’ ħafna flimkien biex il-bxara t-tajba tal-Evanġelju tasal fil-qalb tal-ħajja ċivili, għaliex l-individwi, bil-ħila tagħhom biss, illum ma jaslu mkien.

Hemm ħafna suriet ta’movimenti u ta’ għaqdiet ta’ appostolat tal-lajċi: kollha huma importanti u kollha huma mimlijin bi spirtu nisrani, bi spirtu ta’ qadi għall-Knisja. Kull wieħed għandu l-għan tiegħu fil-qasam u l-ambjent  tiegħu: imma jeħtieġ li wieħed jagħraf li għandhom ikunu ta’ għajnuna għal xulxin, u għalhekk għandu jkun hemm rispett għal xulxin b’mod li jgħaqdu flimkien l-isforzi tagħhom u jaħdmu wkoll flimkien. Għaliex aħna lkoll membri ta’ Knisja waħda. Għadna nħeġġu ‘l xulxin għat-tajjeb. Għandna naħdmu flimkien għall-istess għan. Kristu hu wieħed. U jekk ħafna huma l-ministeri u l-ħidmiet, kollha għandhom l-istess għan: li jitħabbar Kristu, li l-bnedmin jiksbu s-salvazzjoni, li jintlaħaq il-ġid ta’ kulħadd, u li, fl-aħħarnett, Alla jkun imsebbaħ f’kollox.

 Kif iseħħ l-appostolat

Il-ġenerożita tagħkom , ix-xhieda li tagħtu (nafu tajjeb) huma aqwa mill-qagħda soċjali tagħkom; l-identita  tagħkom ta’ nsara titlob minnkom li tkunu tagħmlu sehem personalment mix-xirka tad-dixxipli tal-Mulej, u tgħixu dik “il-ħajja” li hi l-istess Kristu, biex tkunu ħaġa waħda miegħu u mal-aħwa, u hekk jingħaqdu flimkien il-forzi u l-fehmiet ta’ kulħadd. B’dan il-mod il-ħajja ta’ bnedmin li jgħixu magħqudin ma’ Alla tagħti l-frott tagħha li jinqasam bejn kulħadd, u hekk il-ħidma tikber dejjem aktar.

Dan jurina x’neħtieġu verament: inqawwu l-fidi u l-ħajja ta’ Alla fina, nersqu spiss għas-sagramenti, nitolbu dejjem, inkunu fidili lejn il-katedra ta’ San Pietru, mhux għax jaqbel imma għax hekk hu meħtieġ, inżommu għaqda sħiħa mal-ġerarkija nagħarfu sewwa xi trid il-knisja tal-post biex nagħtu sehemna ħa jinkiseb; magħqudin mal-isqfijiet infittxu li kull ma nagħmlu nagħmluh skont id-direttivi tal-kummissjonijiet episkopali nazzjonali, f’għaqda mal-kleru u mar-reliġjużi infittxu li jkollna għaqdiet organizzati tajjeb u mibnijin fuq l-imħabba: “Min dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Gw 13, 34).

Id-djalogu mad-dinja, il-ħajja tagħkom fid-dinja, il-ħidma tagħkom fid-dinja, li fuqhom tant tkellem il-Konċilju, jistgħu jbeżżgħukom, u jistgħu jqarrqu bikom. Imma ftakru li l-Mulej ħaseb ukoll fiż-żmien li fih qegħdin ngħixu llum, meta qal: “Tħallux qalbkom titħawwad” (Ġw 14,27), u talab lill-Missier għal kull wieħed minna b’dan il-kliem: “Ikkonsagrahom permezz tal-verita’; il-kelma tiegħek hi l-verita” (Ġw 17, 17).

Marbutin mal-verita’ nissieħbu ma’ Kristu Sultan, aħna u naqdu bħalma għallimna u għamel hu, l-Imgħallem u s-Sid. Din hija t-triq: insara fil-ħajja personali tagħna: insara fid-dar; insara bħala ġenituri u wlied fil-“knisja ż-żgħira” tad-dar; insara fit-triq; insara fil-ħajja tal-komunita’, fuq ix-xogħol, fil-professjoni ma’ sħabna, fil-‘union’, fid-divertiment, fil-mistrieħ; insara fis-soċjeta kemm jekk għandna xi post għoli ħafna u kemm jekk għandna post mill-aktar umli; insara aħna u naqsmu x-xorti ma’ min hu inqas ixxurtjat; insara fis-sehem li nieħdu fis-soċjeta u fil-politika u fl-aħħarnett insara dejjem quddiem Alla għall-glorja ta’ Alla, is-Sid tal-ħajja u tal-istorja.

U hekk b’qalb mimlija tama u mħabba, nixtiqilkom li “taħsbu f’kull ma hu veru, f’kull ma hu xieraq, f’kull ma hu ġust, f’kull ma hu safi… u Alla tas-sliem ikun magħkom(Fil. 4,8 ss).

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.