Messaġġ tal-Papa fiċ-Ċerimonja tat-Tluq. 2001


Messaġġ tal-Papa Ġwanni Pawlu II fiċ-Ċerimonja tat-Tluq,

Ajruport ta’ Ħal-Luqa, 9 ta’ Mejju 2001.

Sur President, Sur Prim Ministru, Eċċellenzi,

Maħbub Poplu ta’ Malta

Bħala Suċċessur ta’ Pietru jeħtieġ li mmur lura Ruma, is-Sede ta’ Pietru, u lejn id-dmirijiet tiegħi bħala Ragħaj tal-Knisja Universali.

Iżda ma nistax ninsa din iż-żjara lill-Gzejjer Maltin. Fuq kollox ma nistax ninsa lill-poplu Malti. Grażżi li kellkom sehem fil-Pellegrinaġġ Ġubilari tiegħi fuq il-passi ta’ San Pawl! Fil- “ġografija tas-saslvazzjoni”!

Fl-aħħar ta’ l-ewwel żjara tiegħi, għidtilkom li meta nasal Ruma kont ser ngħid lill-Appostlu Pawlu li l-Maltin kien “poplu kattoliku tajjeb”. Issa, ser ngħid lill-Patrun tagħkom li għadkom qed tagħmlu dak li ried hu: “Tqbad it-taqbida t-tajba tal-fidi; qis li tirbah il-ħajja ta’ dejjem li għaliha kont imsejjaħ” (1 Tim 6:12), l-istess bħalma għamlu il-Beatu Dun Ġorġ, il-Beatu Nazju u l-Beata Adeodata. Inħallilkom l-eżempju tagħhom biex timxu fuqu, u nitlob l-interċessjoni tagħhom għalikom.

Grażżi, Sur President, għat-tjieba personali tiegħek matul din iż-żjara qasira tiegħi. Il-grażżi tiegħi imur ukoll lilll-Prim Ministru u lill-Gvern, lill-Forzi Armati u lill-Puliżija, u lil dawk kollha li b’mod jew ieħor għenu f’dan il-pellegrinaġġ. Jiena naf li intom għamiltu dan b’sens ta’ sagrifiċċju u mħabba. Nirringrazzjakom minn qalbi.

Iż-żjara tiegħi kienet mument ta’ komunjoni intesa ma’ l-Arċisqof Mercieca, l-Isqof Cauchi u l-Isqof Depasquale u mas-saċerdoti, reliġjużi u mal-laiċi. Lill-Knejjes ta’ Malta u Għawdex ngħidilhom dan biss: Kunu fidili lejn San Pawl, Missierkom fil-fidi f’dawn il-Gzejjer, ibqgħu f’għaqda soda ma’ Pietru u mal-Knisja Universali. B’dan il-mod intkom tibqgħu dejjem fidili lejn Kristu.

Malta qegħdha fiċ-centru tal-Mediterran. Għalhekk intkom għandkom vokazzjoni unika biex tibnu pontijiet bejn l-popli tal-Mediterran, bejn l-Africa u l-Ewropa. Il-futur tal-paċi fid-dinja jiddependi fuq it-tisħiħ tad-djalogu u fehim bejn kulturi u reliġjonijiet. Komplu fit-tradizzjoni tagħkom ta’ ospitalita’, u komplu fl-impenn tagħkom nazzjonali u internazzjonali fl-interess tal-ħelsien, ġustizzja u paċi.

Waqt li l-Pellegrinaġġ Ġubilari tiegħi riesaq lejn it-tmiem, jiena solennement afdajt fil-ħarsien mimli mħabba tal-Kbir Alla l-popli tal-pajjiżi li żort. Fil-postijiet marbuta ma’ l-Elfejn Anniversarju tat-twelid tas-Salvatur jiena ttamajt u tlabt għat-tiġdid kbir ta’ fidi fost l-insara. Jiena xtaqt li nħeġġeġ lil dawk li kollha ta’ rieda tajba biex jiddefendu l-ħajja, biex jġibu ‘l  quddiem ir-rispett lejn id-dinjita’ ta kull bniedem, biex iħarsu l-familja minn tant theddid ta’llum, biex jiftħu lejn il-foqra u l-isfruttati tad-dinja, u biex jaħdmu għall-ordni internazzjonali mibni fuq ir-rispett għall-liġi u fuq is-solidarjeta’ ma dawk inqas ixxurtjati.

Dan huwa wkoll ix-xogħol u l-idejal li inħallilkom, maħbub poplu ta’ Malta.

Fl-Atti ta’ l-Appostli, San Luqa jikteb li l-Maltin “urew ġieħ kbir [lil San Pawl u sħabu], u meta [ġew] biex jitilqu, għabbew fuq il-ġifen kull ma [kien jeħtieġu]” (Atti, 28:10). Spiritwalment jiena kelli din l-istess esperjenza u ser nitlaq infaħħar ‘l Alla f’qalbi għalikom lkoll.

Grazzi Malta, il-Bambin iberikkom ilkoll!.