Ir-relazzjoni bejn il-Fidi u r-Raġuni


Stampa l-Enċiklika …

L-ENĊIKLIKA TAL-PAPA ĠWANNI PAWLU II

FIDES ET RATIO

14 ta’ Settembru 1998

Il-fidi u r-raġuni qishom iż-żewġ ġwienaħ li bihom l-ispirtu tal-bniedem jogħla biex jikkuntempla l-verità. Hu Alla nnifsu li nissel fil-qalb tal-bniedem ix-xewqa għall-għarfien tal-verità u fl-aħħar mill-aħħar għall-għarfien ta’ Alla wkoll biex huwa u jagħraf ′l Alla jħobbu u jasal ukoll għall-verità sħiħa tiegħu nnifsu.

(ara Eż 33,18; Salm 27/26, 8-9; 63/62, 2-3; Ġw 14, 8; 1 Ġw 3, 2)

Daħla

“AGĦRAF LILEK INNIFSEK”

Kemm fil-lvant u kemm fil-punent tad-dinja nistgħu nintebħu b’mixja li tul il-mijiet tas-snin wasslet lill-bniedem biex pass pass jiltaqgħa mal-verità u jagħrafha. Din il-mixja seħħet – u ma setgħax ikun mod ieħor – fi ħdan il-kuxjenza ta’ kull bniedem: aktar ma l-bniedem għaraf lid-dinja madwaru, aktar għaraf lilu nnifsu fin-natura waħda tiegħu, waqt li dejjem aktar beda jsaqsi lilu nnifsu x’inhu l-ħolqien u x’inhu fih innifsu. Dan għaliex kull ma nsiru nafu, isir parti minn ħajjitna stess. It-twissija Gnothi seauton (għaraf lilek innifsek) minquxa fuq il-blata tal-portiku tat-tempju ta’ Delfi hi xhieda tal-verità fondamentali li trid tiġi milqugħa mill-bniedem bħala l-ewwel regola, jekk irid jintgħażel mill-bqija tal-ħlejjaq bħala “bniedem”, jiġifieri bħala “dak li jagħraf lilu nnifsu”.

Ħarsa sinċiera lejn il-ġrajjiet ta’ l-imgħoddi juru b’mod l-iktar ċar li f’ħafna naħiet tad-dinja, bil-kulturi differenti tagħhom, insibu dejjem fl-istess dawk il-mistoqsijiet fondamentali dwar il-ħajja tal-bniedem; Jien min jien? Minn fejn ġej? Fejn sejjer? Għax hawn id-deni fid-dinja? X’se nsibu wara din il-ħajja? Dawn il-mistoqsijiet insibuhom fil-Kotba Mqaddsa ta’ Israel, u nsibuhom ukoll fil-kitbiet Vega u f’dawk Avesta; huma wkoll fil-kitbiet ta’ Konfuċju u ta’ Lao-Tze l-istess kif insibuhom fix-xandir ta’ Tirthankara u ta’ l-istess Budda; jidhru wkoll fil-kantiċi ta’ Omero, fit-traġedji ta’ Ewripide u ta’ Sofokle, kif ukoll fit-trattati filosofiċi ta’ Platone u ta’ Aristotele. Dawn il-mistoqsijiet kollha joħorġu minn dik il-ħerqa li dejjem kellu l-bniedem li jkun jaf x’inhu fih innifsu: mit-tweġib li jingħata lil dawk il-mistoqsijiet tiddependi x’direzzjoni tieħu l-ħajja tal-bniedem.

Il-Knisja m’hijiex barranija u lanqas ma’ tista’ tkun, għal dan l-istħarriġ. Minn meta, permezz tal-misteru ta’ l-Għid, kisbet bħala don l-ogħla verità dwar il-ħajja tal-bniedem, il-Knisja bdiet il-mixja tagħha mit-triqat kollha tad-dinja tħabbar ′l Kristu bħala “t-triq, il-verità u l-ħajja” (ara Ġw 14, 6). Fost il-qadi kollha li l-Knisja tista’ toffri lill-bnedmin, żgur tagħraf li hu dmir proprju tagħha id-djakonija tal-verità.[1] Dan id-dmir min-naħa juri li l-komunità ta’ dawk li jemmnu għandha sehem fil-ħidma tal-bnedmin kollha ħa jiksbu l-verità;[2] min-naħa l-oħra il-komunità ta’ dawk li jemmnu hi fid-dmir li tħabbar il-veritajiet ċerti li kisbet, fl-għarfien ukoll li kull verità li tinkiseb hi pass ′il quddiem lejn dik il-verità sħiħa li għad tidhrilna fl-aħħar rivelazzjoni ta’ Alla: “Bħalissa naraw bħallikieku f’mera, mċajpar; imma mbagħad naraw wiċċ imb’wiċċ. Issa nagħraf biċċa: mbagħad nagħraf kif jien magħruf issa” (1 Kor 13, 12).

Ħafna huma l-mezzi li għandu l-bniedem biex jimxi ′l quddiem fl-għarfien tal-verità u hekk itejjeb il-qagħda tiegħu bħala bniedem ħa tkun dejjem tixraqlu aktar. Fost dawn il-mezzi hemm il-filosofija li tgħin direttament kif għandha ssir il-mistoqsija dwar it-tifsir tal-ħajja u kif tfassal it-tweġiba tagħha. Għalhekk titqies bħala waħda mil-ħidmiet l-aktar nobbli tal-bniedem. Il-kelma filosofija hi kelma griega u tfisser “imħabba għall-għerf”. Il-filosofija bdiet u ġiet ′il quddiem meta l-bniedem beda jistaqsi lilu nnifsu minn fejn ġejjin il-ħlejjaq u fejn sejrin. Il-filosofija, b’ħafna suriet u b’ħafna manjeri turi li x-xewqa għall-verità hi parti mill-istess natura tal-bniedem. Hi proprietà imnissla fir-raġuni tal-bniedem għaliex kull ħaġa hi dik li hi, ukoll jekk it-tweġiba li ftit ftit tingħata skond il-ħafna kulturi tal-bniedem, dejjem turi kif dawn b’xi mod huma komplimentari għal xulxin.

Il-filosofija kellha qawwa liema bħalha fit-tfassil u l-progress tal-kultura fid-dinja tal-punent, iżda dan ma għandux inessina kemm influwenzat ukoll il-fehma dwar il-ħajja tal-bniedem li nsibu fid-dinja tal-lvant. Kull poplu għandu l-għerf oriġinali proprju tiegħu li hu veru teżor ta’ kultura, u jfittex li jfisser lilu nnifsu b’suriet li mbagħad jsiru tassew filosofiċi. Kemm hu veru dan jidher ukoll mill-fatt li s-sura fondamentali ta’ l-għerf filosofiku, ukoll fi żminijietna, nistgħu narawha f’dak li jitolbu l-liġijiet nazzjonali u internazzjonali li bihom hi regolata l-ħajja soċjali.

Hu x’inhu, irridu niftakru li f’kelma waħda jista’ jkun hemm moħbija ħafna tifsiriet. Għalhekk meħtieġa kjarifikazzjoni mill-bidu. Il-bniedem imxennaq li jkun jaf l-aħħar verità dwar il-ħajja, ifittex li jikseb dak it-tagħrif universali li jgħinu jifhem aħjar lilu nnifsu u jimxi dejjem aktar ′il quddiem fil-perfezzjoni tiegħu nnifsu. Dan it-tagħrif joħroġ minn dak l-istgħaġib li tqanqal fih il-kontemplazzjoni tal-ħolqien: il-bniedem jistgħaġeb jara lilu nnifsu mdaħħal f’nofs il-ħlejjaq kollha, flimkien ma’ bnedmin oħra bħalu, u li jaqsmu l-istess xorti miegħu. Minn hawn tibda l-mixja li twasslu biex isib dejjem aktar oqsma ġodda ta’ għerf. Jekk il-bniedem ma jistgħaġibx, jispiċċa biex jaqa’ f’sura ta’ ħajja dejjem l-istess u bil-mod il-mod jitlef il-ħila li jgħix ħajja verament personali.

Il-kapaċità li taħseb, li hi proprja ta’ l-intellett tal-bniedem, twassal, permezz tal-filosofija, biex il-bniedem ifassal għalih sura eżatta kif jaħseb, loġikament koerenti f’dak li jgħid u ordnat fi ħsibijietu, u hekk ikun sistematiku f’dak li jgħid. B’dan il-mod, fil-ħafna suriet ta’ kulturi u fi żminijiet differenti inkisbu riżultati li wasslu għal sistemi tajbin ta’ħsieb. Iżda storikament ġara li dan wassal lil xi whud biex sistema waħda ta’ filosofija iqisuha bħala l-filosofija kollha. Jidher li f’każijiet bħal dan, ikun hemm sura ta’ “suppervja filosofika” li tipprova tqis li d-dehra mperfetta li qed tara, bħallikieku għandha tifsira universali. Fil-fatt kull sistema filosofiku, waqt li għandu jkun rispettat fis-sħuħija kolha tiegħu, mingħajr ebda strumentalizzazzjoni, għandu jagħti l-ewwel post lill-ħsieb filosofiku fih innifsu għax minnu jrid jibda u lilu jrid jaqdi kif jixraq.

B’dan il-mod, għalkemm jinbidlu ż-żminijiet u jikber it-tagħrif, għandna nammettu li hemm qalba ta’ ftehim filosofiċi li għandna dejjem insibuhom fl-istorja tal-ħsieb tal-bniedem. Bħala eżempju biżżejjed naħsbu fuq il-prinċipju ta’ non-kontradizzjoni, ta’ finalità, ta’ kawżalità u wkoll il-fehma tal-persuna bħala suġġett ħieles u intelliġenti, bil-ħila li jagħraf lil Alla, il-verità u t-tjieba, u nistgħu naħsbu wkoll fuq xi normi morali fundamentali li tista’ tgħid huma aċċettati minn kulħadd. Dawn l-argumenti u oħrajn juru li, ′l hinn minn kull skola ta’ ħsieb, tinsab ġabra ta’tagħrif li fih nistgħu naraw sura ta’ patrimonju spiritwali ta’ l-umanità. Qisu li għandna quddiemna xi filosofija impliċita li l-prinċipji tagħha kull bniedem iħoss li għandu, għalkemm magħrufin biss b’mod ġeneriku u mhux bil-ħsieb. Għax dan it-tagħrif, tista’ tgħid jaċċettah kulħadd, jista’ jservi bħala l-post fejn jistgħu jiltaqgħu ma’ xulxin il-ħafna skejjel filosofiċi. Meta r-raġuni tagħraf sewwa u tfisser dawn il-prinċipji universali primarji dwar l-eżistenza tista’ toħroġ konklużjonijiet li jkunu koerenti kemm fl-ordni loġiku u kemm fl-ordni deontoloġiku u tkun tista’ għalhekk titqies bħala raġuni retta, kif kienu jsejħulha l-antiku orthos logos.

Il-Knisja min-naħa tagħha, ma tistax ma tqies is-siwi kbir ta’ l-impenn tar-raġuni biex jinkisbu dawk l-għaniet li permezz tagħhom il-ħajja tal-bniedem issa issir aktar tixraqlu. Fil-filosofija tinsab it-triq li twassal għall-għarfien tal-veritajiet ewlenin dwar l-eżistenza tal-bniedem. Fl-istess waqt il-Knisja tqies il-filosofija bħala mezz mill-aktar meħtieġ biex il-fidi tiftiehem aktar fil-fond u biex twassal il-verità ta’ l-Evanġelju lil dawk li għadhom ma jafuhiex.

Għalhekk wara inizjattivi bħal dawn li ħadu l-Papiet ta’ qabli, jien ukoll xtaqt naħseb ftit fuq din il-ħidma speċjali tar-raġuni tal-bniedem. Wassalni għal dan l-aktar il-fatt li naf sewwa li f’dawn l-aħħar żminijiet ir-riċerka għall-veritajiet l-aktar għoljin deher li ddallam xi ftit. Żgur li l-filosofija ta’ llum jistħoqqilha kull tifħir għaliex ħsibijietha huma dwar il-bniedem innifsu.

Minn dan il-bidu, ir-raġuni tal-bniedem, bil-ħafna mistoqsijiet tagħha, dejjem aktar żviluppat ix-xewqa tagħha ħa tkun taf aktar, u aktar fil-fond. Hekk inbnew sistemi aktar komplessi ta’ duttrina li taw riżultati f’kull qasam ta’ l-għerf u għenu għall-progress tal-kultura u ta’ l-istorja. L-antropoloġija, il-loġika, ix-xjenzi naturali, l-istorja, il-lingwistika; anzi, b’mod jew ieħor ġie mħaddan l-għerf kollu tal-bniedem. Iżda ir-riżultati li nkisbu ma għandhomx iwasslu biex jitqies il-fatt li r-raġuni, medhija min-naħa tagħha biss fir-riċerka dwar il-bniedem, nsiet li l-bniedem hu dejjem imsejjaħ biex ifittex il-verità li hi ħafna ′l fuq minnu. Meta jonqos l-interess f’din il-verità, kull bniedem isir vittma tal-kapriċċi tiegħu, u l-qagħda tiegħu bħala persuna tispiċċa biex titqies skond kriterji prammatiċi mibnijin biss fuq dak li tagħti l-esperjenza, skond il-fehma żbaljata li t-teknoloġija għandha taħseb fuq kollox. Jiġri mbagħad, li r-raġuni aktar milli turi l-ħerqa tagħha għall-verità, imtaqqla bil-piż ta’ tant tagħrif, tingħalaq fiha nfisha u minn jum għall-ieħor titlef il-ħila li togħla ′l fuq u tissogra biex tasal tagħraf il-verità ta’ l-eżistenza. Il-filosofija l-aktar reċenti, ma baqgħetx tistħarreġ l-eżistenza, u fittxet biss li tkun taf il-bniedem. B’hekk ftit użat il-fakoltà mogħtija lill-bniedem biex jagħraf il-verità, u ppreferit tistħarreġ il-kapaċitajiet limitati u kondizzjonati tiegħu.

Minn hawn ħarġu ħafna suriet differenti ta’ anjostiċiżmu u ta’ relattiviżmu u wasslu biex ir-riċerka filosofika tintilef u taqa’ fil-qagħda mhux soda tax-xettiċiżmu universali. Dan l-aħħar ukoll xterrdu għadd ta’ duttrini li waslu biex inaqqsu s-siwi wkoll ta’ dawk il-veritajiet li l-bniedem dejjem qies li żgur kisibhom. Il-pluraliżmu leġittimu illum ċeda quddiem pluraliżmu ieħor xejn ċert, bażat fuq prinċipju li l-opinjonitajiet kollha għandhom l-istess valur; dan juri kemm hi mxerrda l-fehma li qed tidher spiss ′l hawn u ′l hemm li wieħed ma jistax jafda fil-verità. Dan in-nuqqas ta’ fiduċja fil-verità nsibuh f’ċerti fehmiet dwar il-ħajja li ġejjin mil-lvant; dawn jiċhdu n-natura proprja tal-verità, għax jaħsbu li l-verità turi ruħha bl-istess mod f’duttrini diversi wkoll jekk kontra xulxin u jikkontradixxu ′l xulxin. F’qagħda bħal din, kollox isir opinjoni. Qed jidher qisu moviment ta’ tibdil dejjem sejjer: min-naħa r-riċerka filosofika ġa rnexxilha tidħol fit-triq li twassalna qrib il-ħajja tal-bniedem u s-suriet espressivi kollha tagħha; min-naħa l-oħra, din ir-riċerka filosofika qiegħda tippretendi li tfisser problemi eżistenzjali, ermenewtiċi u lingwistiċi li ma għandhom x’jaqsmu xejn mal-kwistjoni fondamentali dwar il-ħajja tal-bniedem u l-eżistenza tiegħu u dwar Alla. Hu għalhekk li fil-bniedem ta’ żmienna, deher, u mhux biss fost xi filosofi, nuqqas ta’ fiduċja fil-kapaċità bla qjies tal-bniedem għal għerf. B’mistħija mhux f’lokha, illum wieħed jikkuntenta li jkun jaf parti mill-verità u għal xi żmien, u ma jħabrikx aktar jistaqsi fuqhiex mibnija, x’inhu t-tifsir finali tal-ħajja f’kull bniedem personali u soċjali. Milli jidher ma hemmx aktar tama li l-filosofija se tagħti tweġib għal dawn il-mistoqsijiet hekk fondamentali.

Il-Knisja b’dik l-awtorità li tiġiha mill-fatt li lilha ġiet fdata r-Rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu, tixtieq tinsisti fuq il-ħtieġa tar-riflessjoni dwar il-verità. Għalhekk iddeċidejt nagħmel appell lilkom, ħuti meqjuma fl-episkopat, li magħkom għandi d-dmir li “nuri l-verità kollha” (2 Kor 4, 2), u nappella wkoll it-teologi li huma fid-dmir jistħarrġu l-aspetti diversi tal-verità, u lill-bnedmin kollha wkoll li qed ifittxu l-verità, u dan qed nagħmlu biex flinmkien naħsbu dwar it-triq li għandha twassalna għall-għerf veru, biex kull min għandu għal qalbu l-imħabba għall-verità, jaqbad it-triq it-tajba li twasslu biex jiksibha u fiha jsib il-hena spiritwali u mistrieħ għat-taħbit tiegħu.

Inħossni mbuttat biex nagħmel dan l-aktar minħabba l-kliem tal-Konċilju Vatikan II li jgħid għall-Isqfijiet li huma “xhieda tal-verità divina u kattolika”.[3] Lilna l-Isqfijiet ġie mogħti d-dmir li nagħtu xhieda għall-verità u dan id-dmir ma nistgħux inħalluh mingħajr ma nonqsu fil-ministeru li aċċettajna. Aħna u nwettqu l-verità tal-Fidi, nistgħu nagħtu lin-nies ta’ żmienna fiduċja sħiħa fil-kapaċitajiet tagħhom li jagħrfu l-verità u nisfidaw l-istess filosofija biex terġa’ tikseb u tizviluppa d-dinjità kollha tagħha.

Raġuni oħra li tqanqalni biex infisser dawn il-ħsibijiet hu dak li ktibt fl-enċiklika Veritatis splendor meta għedt li xi “ veritajiet fondamentali tad-duttrina kattolika jissugraw li jiġu mgħawwġin u miċħuda minħabba ċ-ċirkostanzi ta’ żminijietna”.[4] B’din l-enċiklika rrid inkompli nimmedita aktar fuq dan, biex nara x’inhi l-verità fiha nfisha u x’inhu l-pedament tagħha fejn tidħol il-fidi .Ma nistgħux niċħdu li dan iż-żmien tagħna hekk mgħaġġel u hekk kompless, jista’ jħalli l-aktar liż-żgħażagħ, li tagħhom hu ż-żmien li ġej u minnhom jiddependi, li jħossu ruħhom neqsin minn ċerti prinċipji fondamentli li lejhom jistgħu jirrikorru ħa jkollhom tweġiba għall-mistoqsijiet tagħhom. Il-ħtieġa ta’ xi pedament sod, li fuqu timbena l-ħajja ta’ kull bniedem u tas-soċjetà kollha qed tinħass b’qawwa dejjem akbar, l-aktar meta jkun meħtieġ jitqiesu ċerti feħmiet li jagħtu mportanza li ma għandux ikollu dak li jgħaddi u jintemm, waqt li jiċħdu li hemm xi kapaċità li jinkiseb il-veru sens tal-ħajja. Jiġri għalhekk li ħafna qed iwasslu ħajjithom f’xifer ta’ rdum mingħajr ma jafu fejn sejrin. Xi kull tant jiġri wkoll lil dawk li huma fid-dmir jfissru ħsibijiethom f’sura ta’ kultura, ma jħabirkux biex ifittxu l-verità għax iridu jirnexxu minnufih, minflok bis-sabar u t-taħbit jistħarrġu dak li jagħmel il-ħajja ta’ min jgħixha. Il-filosofija għalhekk trid terġa’ tikseb il-vokazzjoni tagħha tal-bidu li hi d-dmir għoli li għandha li ssawwar il-ħsieb tal-bniedem u l-kultura tiegħu, billi bla heda tħeġġeġ lill-bniedem biex ifittex il-verità. Minħabba f’dan mhux biss ħassejt il-ħtieġa, imma wkoll id-dmir morali li nitkellem fuq din il-materja, biex il-ġens kollu tal-bnedmin huwa u riesaq lejn l-għatba tat-tielet elf sena nisranija, jagħraf aħjar il-kapaċitajiet li għandu u b’ħeġġa ġdida jwettaq il-pjan tas-salvazzjoni li hu mdaħħal ġrajjietu.

 

L-ewwel Kap

IR-RIVELAZZJONI TA’ L-GĦERF TA’ ALLA

 

Ġesù jirrivela l-Missier

F’kull riflessjoni tal-Knisja dejjem hemm l-għarfien li lilha ġiet fdata it-tħabbira ta’ messaġġ ġej minn Alla nnifsu (ara 2 Kor 4, 1-2). Dan l-għerf hekk għoli li l-Knisja twassal lill-bniedem mhux ġej minn xi rifessjonijiet tagħha stess, imma mill-Kelma ta’ Alla li tilqa’ bil-Fidi (ara 1 Tes 2, 12). Fil-bidu tal-ħajja tagħna ta’ Fidi hemm laqgħa. Ma hemmx oħra bħalha, li turi fid-dawl kollu tagħha l-misteru li kien moħbi tul iż-żminijiet kollha (ara 1 Kor 2, 7; Rum 16, 25-26) u li issa ġie rivelat. “Alla fit-tjieba u l-għerf tiegħu, għoġbu juri lilu nnifsu u jgħarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu” ( ara Ef 1, 9) li biha l-bnedmin bi Kristu, il-Verb magħmul bniedem, fl-Ispirtu s-Santu, ikollhom dħul għand il-Missier u jkunu mseħbin fl-istess natura ta’ Alla.[5] Dan hu xejn aktar minn don li ħareġ mingħand Alla u wasal għand il-bnedmin biex ikollhom is-salvazzjoni. Alla bħala għajn ta’ mħabba jixtieq ikun magħruf, u l-għarfien li l-bniedem ikollu ta’ Alla iwassal għall-perfezzjoni kull tagħrif li l-bniedem jista’ jikseb dwar it-tifsir ta’ ħajtu.

Jekk inqisu t-tagħlim li l-Kostituzzjoni Dei Filius tal-Konċilju Vatikan I, u nqisu wkoll il-prinċipji proposti fil-Konċilju ta’ Trento, għandha insibuhom tista’ tgħid kelma b’kelma fid-digriet Dei Verbum tal-Konċilju Vatikan II, li kompla jmexxi ′l quddiem il-mixja ta’ mijiet ta’ snin fl-għarfien tal-Fidi, huwa u jirrifletti fuq ir-Rivelazzjoni fid-dawl ta’ dak li jgħidu l-Kotba Mqaddsa u dak li jgħidu l-Missirijiet kollha tal-Knisja. Fil-Konċilju Vatikan I l-Isqfijiet li ħadu sehem insistew fuq il-karattru soprannaturali tar-Rivelazzjoni ta’ Alla. Il-kritika razzjonalista, li f’dak iż-żmien kienet kontra l-Fidi minħabba fehmiet qarrieqa mxerrda ma kullimkien, kienet tiċħad kull tagħrif li ma jkunx inkiseb bil-qawwa tal-kapaċità naturali tar-raġuni. Dan wassal lill-Konċilju biex itenni bil-qawwa kollha li, barra l-għarfien kollu li jinkiseb mir-raġuni umana, li bil-kapaċità tagħha stess tista’ tasal għall-għarfien tal-Ħallieq, hemm għarfien ieħor li hu proprju tal-Fidi. Dan l-għarfien hu mibni fuq il-verità li Alla jirrivela lilu nnifsu: verità li hi żgura fuq li żgura għax Alla la jqarraq u lanqas jitqarraq.[6]

Il-Konċilju Vatikan I għallem li l-verità li tinkiseb permezz tar-riflessjoni filosofika m’hijiex l-istess ħaġa bħall-verità li tinkiseb mir-Rivelazzjoni, għalkemm dawn it-tnejn ma jeskludux lil xulxin u la waħda u lanqas l-oħra ma huma żejda. “Hemm żewġ suriet kif jinkiseb it-tagħrif li jingħażlu minn xulxin mhux biss skond il-prinċipju li fuqhom jimxu , imma wkoll għax l-oġġett tagħhom mhux l-istess, jekk niġu għall-prinċipju, f’sura waħda naslu għall-verità bil-kapaċità tar-raġuni naturali, waqt li fl-oħra nagħrfu l-verità b’Fidi divina; dwar l-oġġett imbagħad barra dak li nistgħu nifhmu bir-raġuni naturali tagħna, hemm ukoll dawk il-misteri moħbijin f’Alla li ma nistgħux inkunu nafuhom jekk Alla ma jirrivelahomx lilna.[7] Il-fidi li tinbena fuq ix-xhieda ta’ Alla u għandha l-għajnuna tal-grazzja soprannaturali hi ta’ ordni ieħor, differenti minn dak ta’ l-għarfien li tagħti l-filosofija. Dan l-għarfien filosofiku jimbena b’dak li jgħidulna s-sensi tagħna u l-esperjenza u jiġi ′l quddiem biss bid-dawl ta’ l-intellett tagħna. Il-filosofija u x-xjenzi posthom hu fl-ordni naturali tar-raġuni, waqt li l-Fidi mdawla u mmexxija mill-Ispirtu s-Santu tagħraf li fit-tħabbira tas-salvazzjoni hemm “ il-milja tal-grazzja u l-verità” (ara Ġw 1, 14), li Alla ried jirrivela fil-ġrajja tal-bniedem b’mod difinittiv permezz ta’ Ġesù Kristu Ibnu (ara 1 Ġw 5, 9; Ġw 5, 31-32).

Fil-Konċilju Vatikan II l-Isqfijiet huma u jikkontemplaw ′l Kristu bħala Rivelatur, fissru x’kienet in-natura tar-Rivelazzjoni salvifika ta’ Alla fl-istorja, u fissruha b’dan il-kliem: “F’din ir-Rivelazzjoni, Alla li ma jidhirx (ara Kol 1, 15; I Tim 1, 17), fil-kobor ta’ l-imħabba tiegħu għall-bnedmin, ikellimhom bħala ħbieb (ara Es 33, 11; Ġw 15, 14-15), u joqgħod jitħaddet magħhom (ara Bar 3, 38), biex jistedinhom jissieħbu miegħu u jilqagħhom għandu. Dan il-pjan ta’ Rivelazzjoni iseħħ permezz ta’ ġesti u ta’ kliem, marbutin ma’ xulxin intimament hekk li l-għeġubijiet li Alla għamel fil-ġrajja tas-salvazzjoni juru u jsaħħu t-tagħlim u r-realtà mfissra bil-kliem, għax il-kliem iħabbar il-fatti u jdawwal il-misteru moħbi fihom. Permezz ta’ din ir-Rivelazzjoni l-verità l-aktar għolja dwar Alla u s-salvazzjoni tal-bniedem tiddi għalina fi Kristu, li hu fl-istess waqt medjatur u l-milja tar-rivelazzjoni kollha kemm hi.[8]

Ir-Rivelazzjoni ta’ Alla daħlet fiż-żmien u fil-ġrajja tal-bniedem. Anzi l-inkarnazzjoni ta’ Ġesù Kristu seħħet “fil-milja taż-żmien” (Gal 4, 4). Elfejn sena wara li seħħet din il-ġrajja, inħoss li għandi mill-ġdid intenni bil-qawwa kollha li: “Iż-żmien tal-Fidi nisranija għandu importanza mill-aqwa”.[9] Fiż-żmien ħareġ għad-dawl il-ħolqien kollu u fiż-żmien l-opra tas-salvazzjoni, imma l-aqwa ħaġa li ħarġet fiż-żmien kien il-fatt li, bl-inkarnazzjoni ta’ l-Iben ta’ Alla, aħna qed ngħixu u minn issa stess qed ingawdu l-milja taż-żmien li għad irid jiġi (ara Lhud 1, 2).

Il-verità li Alla ried jafda lill-bniedem dwaru u dwar ħajtu daħlet fiż-żmien u fil-ġrajja tal-bniedem: tħabbret darba għal dejjem fil-misteru ta’ Ġesù ta’ Nazaret. Dan tgħidu bi kliem tassew milqut il-kostituzzjoni Dei Verbum “Wara li Alla ħafna drabi u b’ħafna manjeri tkellem permezz tal-profeti, ‘issa dan l-aħħar żmien huwa kellimna permezz ta’ Ibnu stess’(Lhud 1,1-2). Bagħat lil Ibnu, jiġifieri il-Verb etern li jdawwal ′il bnedmin kollha, biex jgħammar fost il-bnedmin u jirrivelalhom l-ħajja intima ta’ Alla ( ara Ġw 1, 1-18). Ġesù Kristu,…il-Verb magħmul bniedem, ‘bniedem mibgħut fost il-bnedmin’ jitkellem ‘il-Kelma ta’ Alla’ (Ġw 3, 34) u jtemm l-opra tas-salvazzjoni li l-Missier fdalu (Ġw 3, 36; 17, 4). Għalhekk hu, li min jara lilu jara l-Missier (ara Ġw 14, 9), itemm u jwassal għas-sħuħija kollha tagħha r-Rivelazzjoni bil-preżenza u l-manifestazzjoni tiegħu, bil-kliem u l-għemil, bis-sinjali u l-mirakli, u l-aktar bil-mewt u l-qawmien glorjuż tiegħu mill-imwiet u fl-aħħar bil-missjoni ta’ l-Ispirtu tal-Verità.”[10]

Għall-poplu ta’ Alla, l-istorja hi l-mixja li jrid jimxiha sat-tmiem tagħha biex il-verità rivelata turi milja ta’ kull ma għandha fiha bil-ħidma dejjem sejra ta’ l-Ispirtu s-Santu (ara Ġw. 16, 13). Dan tgħallmu l-kostituzzjoni Dei Verbum meta tgħid “Il-Knisja tul iż-żminijiet bla heda tersaq lejn il-milja tal-verità divina sakemm il-Kelma ta’ Alla sseħħ għal kollox fiha.”[11]

L-istorja ssir il-post fejn nistgħu naraw x’għamel Alla għall-bniedem. Alla jersaq lejna f’dawk l-affarijiet li nafuhom sewwa u nistgħu naraw malajr humiex veri jew le, għaliex huma parti mill-ħajja tagħna ta’kuljum, u mingħajrhom bilkemm inkunu nistgħu nifhmu lil xulxin.

L-inkarnazzjoni ta’ l-Iben ta’ Alla twassalna biex naraw fis-sħuħija kollha tagħha is-sintesi tal-veritajiet ta’ dejjem li moħħ il-bniedem bil-ħila tiegħu biss qatt ma jasal jaħsibhom. Dak li hu ta’ dejjem jidħol fiż-żmien. Dak li hu kollox jinħeba f’biċċa, Alla jieħu wiċċ ta’ bniedem. Il-verità mwassla bir-Rivelazzjoni ta’ Kristu, ma għadhiex aktar magħluqa f’post wieħed u f’kultura waħda, imma hi miftuħa għal kull raġel u kull mara li jrid iħaddanha bħala kliem li jagħti tifsir siwi lill-ħajja. U issa fi Kristu kulħadd għandu dħul għal għand il-Missier; bil-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet Kristu ta bħala don il-ħajja ta’ dejjem li Adam kien warrab minnu (ara Rum 5, 12-15). Permezz tar-Rivelazzjoni l-bniedem għandu l-verità sħiħa dwar ħajtu u dwar id-destin ta’ l-istorja. “Hu biss fil-misteru tal-Verb magħmul bniedem li l-misteru tal-bniedem verament jiddi” tgħidilna l-Kostituzzjoni Gaudium et Spes.[12] Il-ħajja tal-bniedem, jekk ma narawhiex f’dan id-dawl, hi enigma li ma hemmx soluzzjoni għaliha. Fejn se jsib il-bniedem tweġib għall-ħafna mistoqsijiet li tassew iħassbuh, bħalma huma l-mistoqsijiet dwar in-niket, dwar it-tbatija ta’ min hu bla ħtija, dwar il-mewt, jekk mhux fid-dawl li jiddi mill-misteru tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu?

Ir-raġuni quddiem il-misteru

 

Ma għandna qatt ninsew li r-Rivelazzjoni hi mimlija misteri. Veru li tul ħajtu kollha Ġesù wriena wiċċ il-Missier għax ġie biex jirrevelalna l-ħwejjeġ moħbija ta’ Alla,[13] iżda l-għarfien li għandna ta’ wiċċ il-Missier hu dejjem għarfien nieqes, ukoll minħabba l-limitazzjonijiet tagħna dwar dak li nistgħu nafu. Il-Fidi biss tgħinna nidħlu fil-qofol tal-misteru b’mod li nistgħu jkollna għarfien aktar koerenti tiegħu.

Il-Konċilju jgħallem li għandna nuru “l-ubbidjenza tal-Fidi” lil Alla li jirrivela lilu nnifsu lilna. [14] F’din l-affermazzjoni, ta’ ftit kliem imma b’tifsir mill-aktar għoli, hemm dikjarazzjoni tal-verità fondamentali tal-fidi nisranija. L-ewwelnett jingħad li l-Fidi hija att ta’ ubbidjenza lil Alla. Dan jitlob li Alla jingħaraf fid-divinità tiegħu, fit-traxxendenza u fil-libertà suprema tiegħu. Alla li jgħarraf lilu nnifsu bl-awtorità tax-traxxendenza sħiħa tiegħu, juri ukoll li għandu jitwemmen kull ma hu jogħġbu jirrivela. Il-bniedem bil-Fidi tiegħu jilqa’ u jaċċetta din ix-xhieda ta’ Alla. Dan ifisser li hu jagħraf b’mod għal kollox sħiħ il-verità ta’ kull ma jiġi rivelat għaliex hu Alla nnifsu li jagħti garanzija ta’ dan. Din il-verità, li tingħata lill-bniedem, għalkemm ma jistax jippretendiha, għandha postha f’kuntest ta’ relazzjonijiet interpersonali, timbotta bir-raġuni biex tinfetaħ għaliha u tilqa’ t-tifsir għoli tagħha. Minħabba f’dan, il-fatt li bih nafdaw ruħna lil Alla, il-Knisja dejjem qisitu bħala mument ta’ għażla fondamentali li timpenja l-persuna kollha kemm hi tal-bniedem. L-intellett u r-rieda juru n-natura spiritwali tagħhom kollha kemm hi biex il-bniedem ikun jista’ jaġixxi b’mod li jgħix il-libertà proprja tiegħu fil-milja kollha tagħha.[15] Fil-fidi għalhekk mhux biss hemm il-libertà imma hi meħtieġa Hi l-Fidi li tagħti lil kull bniedem il-kapaċità li jgħix il-libertà tiegħu mill-aħjar li jista’. Fi kliem ieħor, il-libertà ma sseħħx meta jsiru għażliet kontra Alla. Kif jista’ jkun hemm vera libertà jekk ma jkunx hemmx ir-rieda għall-ftuħ lejn Dak li jwassal il-bniedem biex ikun jaf sewwa lilu nnifsu? Il-bniedem, meta jemmen, ikun jagħmel att li jkun ta’ l-aqwa tifsir f’ħajtu; b’hekk il-libertà tikseb il-verità ċerta tagħha u tagħżel li tgħix fiha.

Fl-għajnuna lir-raġuni li tipprova tifhem il-misteru, hemm ukoll is-sinjali li tagħtihomlna r-Rivelazzjoni stess. Jgħinuna biex tfittex il-verità aktar fil-fond għax jgħinu l-moħħ jistħarreġ minnu nnifsu wkoll fil-qalba tal-misteru. Hu x’inhu, dawn is-sinjali jista’ min-naħa jagħtu qawwa aqwa lir-raġuni għax jgħinuha tistħarreġ fil-qalba tal-misteru bil-mezzi tagħha stess, li tagħhom hi bir-raġun kollu għajjura, u min-naħa l-oħra jimbuttawha biex qisha tmur ′l hemm min-natura tagħhom ta’ sinjali biex tagħraf it-tifsir aktar għoli li hemm fihom. Fihom tinsab moħbija verità li l-moħħ irid ifittex u minnha ma tistax titbiegħed mingħajr ma teqred l-istess sinjali mogħtijin lilha.

B’xi mod mela qed nerġgħu lura lejn in-natura sagramentali tar-Rivelazzjoni, u b’mod partikulari lejn is-sinjal ewkaristiku, li fih hemm rabta li ma tinħall qatt bejn il-verità u s-sinjal tagħha, u f’din ir-rabta nistgħu naraw kemm hu għoli dan il-misteru: fl-Ewkaristija jinsab preżenti u ħaj Ġesù Kristu nnifsu, u qiegħed jaħdem permezz ta’ l-Ispirtu tiegħu, iżda kif ifisser sewwa San Tumas: “Dak li ma tarax jew tifhem, it-twemmin isaħħu u jwettqu, fuq kull ordni tan-natura. Taħt xbihat fejn aħna nilmħu mhux il-ħajja, imma s-sinjali, jinħbew ħwejjeġ hekk għeżież.”[16] U l-filosofu Blaise Pascal jikteb: “Kif Kristu għex mhux magħruf fost il-bnedmin, hekk tibqa’ il-verità tiegħu, bla ebda għażla fost tant fehmiet komuni. Hekk tibqa’ l-Ewkaristija fost il-ħobż komuni.”[17]

Fl-aħħar mill-aħħar, dak li tgħidilna l-Fidi ma jħassarx il-misteru; jagħmlu aktar evidenti, u jurih bħala element essenzjali fil-ħajja tal-bniedem: Kristu l-Mulej “huwa u jirrivela l-misteru tal-Missier u ta’ l-imħabba tiegħu, juri lill-bniedem il-bniedem innifsu u jirrivelalu l-vokazzjoni għolja tiegħu”[18] li hi dik li jkun imsieħeb fil-ħajja ta’ Alla wieħed fi tliet Persuni.[19]

It-tagħlim taż-żewġ Konċilji Vatikani jiftaħ dehra tassew ġdida għall-filosfija. Ir-Rivealazzjoni daħħlet fil-ġrajja tal-bniedem mument li l-bniedem ma jistax jgħaddi mingħajru, jekk irid jasal biex jifhem il-misteru tal-ħajja tiegħu; min-naħa l-oħra t-tagħrif ta’ dan il-mument għandu relazzjoni dejjem sejra mal-misteru ta’ Alla, li l-moħħ tal-bniedem qatt ma jista’ jasal biex jifhmu kollu kemm hu, iżda jista’ jarah u jħaddnu bil-fidi. Fi ħdan dawn iż-żewġ mumenti, ir-raġuni tal-bniedem għandha wesgħa biżżejjed fejn tista’ timraħ u tifhem, għax ma hemm xejn li jxekkilha ħlief in-natura limitata tagħha quddiem il-misteru infinit ta’ Alla.

Ir-Rivelazzjoni ddaħħal fil-ġrajja tagħna verità universali u aħħarija, li tqanqal moħħ il-bniedem biex ma jieqaf qatt jaħseb; anzi timbuttah biex dejjem aktar ikabbar l-għerf tiegħu sakemm jifhem sa fejn jista’ jasal bil-ħila tiegħu, mingħajr ma jħalli xejn mhux magħruf. Biex jgħina f’dawn ir-riflessjonijiet tagħna fuq din il-ħaġa, għandna wieħed mill-aqwa ġenji li miegħu niltaqgħu fil-ġrajja tal-bniedem, u li lilu jsibuh kemm il-filosofija u kemm it-teoloġija, San Anselmu. Dan l-Arċisqof ta’ Canterbury fil- Proslogion hekk kiteb: “Jiena u naħseb fuq din il-problema spiss u bl-impenn kollu, xi drabi stħajilt li ġa kont ksibt dak li kont infittex, iżda xi drabi dan kien jaħrabli għal kollox minn ħsibijieti u fl-aħħar qtajt qalbi u ridt nieqaf infittex ħaġa li kienet impossibbli li nsibha. Iżda meta ridt imwarrab minni għal kollox dan il-ħsieb, biex, minħabba l-impenn tiegħi fih, nkun nista’ naħseb fuq problemi oħra li fuqhom stajt nimxi ħafna ′l quddiem, dan il-problema, irrid jew ma rridx, dejjem aktar kompla jimpenjani… Miskin jien, wieħed mill-ħafna wlied imsejknin ta’ Eva, ′il bogħod minn Alla. Xi bdejt nagħmel? Xi rnexxieli nagħmel? X’fittixt? Xi ksibt? Xi ttamajt? Xi xtaqt?… Mela., Mulej, m’intix biss dak li aqwa minnek ma jistax jaħseb, anzi int aqwa minn kull ma jista’ jinħaseb. Jekk m’intix hekk, wieħed jista’ jaħseb f’xi ħadd aqwa minnek, iżda dan ma jistax ikun.”[20]

Il-verità tar-Rivelazzjoni nisranija li niltaqgħu magħha f’Ġesù ta’ Nazaret, tħalli kull bniedem jara fiha il-“misteru” ta’ ħajtu. Bħala verità għolja, hija u tħares l-awtonomija tal-ħlejjaq u l-libertà tagħhom, timpenjahom biex ikunu miftuħin għal dak li hu traxxendenti. Din is-soluzzjoni bejn il-verità u l-libertà tidher sħiħa u tiftiehem b’mod sew ħafna fi kliem il-Mulej: tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom” (Ġw 8, 32).

Ir-Rivelazzjoni nisranija qisha kewkba li turi r-triq lil-bniedem huwa u miexi ′l quddiem, fost il-ħafna tiġrib ta’ ħsibijiet fuqu nnifsu u d-dieqa ta’ loġika teknokratika. Hi l-aħħar possibbiltà mogħtija minn Alla lill-bniedem biex jagħraf il-milja kollha tiegħu u hi prova ta’ l-imħabba, li bdiet mill-ħolqien. Il-bniedem li jrid jagħraf il-verità, jekk kapaċi jmur ′l hemm minnu nnifsu u mill-fehmiet u x-xewqat kollha tiegħu, jista’ jikseb relazzjoni vera ma’ ħajtu jekk jaqbad it-triq tal-verità. Dwar din il-qagħda jiswa ħafna kliem id-Dewtronomju: “Din il-liġi li qiegħed nagħtik llum m’hijiex tqila għalik u anqas ′l bogħod minnek. M’hijiex fis-sema biex inti tgħid: Min se jitlagħlna fis-sema jġibhielna u jsemmagħhielna u nagħmluha? Imma din il-ħaġa hi qribek sewwa u f’fommok u f’moħħok, biex tagħmilha” (Dewt 30, 11-14). Dan il-kliem hu l-eku ta’ kliem il-filosofu u t-teologu kbir u qaddis, Santu Wistin: “Toħroġx barra. Idħol fik innifsek. Il-verità tgħammar fil-bniedem ta’ ġewwa.”[21]

Minn dawn il-fehmiet niġu għall-ewwel konklużjoni; il-verità li nsiru nafu permezz tar-Rivelazzjoni m’hijiex il-frott misjur jew il-konklużjoni ta’ argument maħdum mir-raġuni tal-bniedem. Għall-kuntrarju tidher bħal don, li minnu nnifsu joħloq ħsieb u jfittex li jiġi milqugħ bħala sinjal ta’ mħabba. Din il-verità rivelata tinsab fi ġrajjietna bħala għarfien minn qabel – antiċipazzjoni – tad-dehra definittiva ta’ Alla fl-aħħar taż-żmien, dehra riservata għal dawk li jemmnu fih jew qed ifittxuh b’qalb sinċiera. Mela l-għan aħħari tal-ħajja ta’ kull bniedem hu suġġett kemm tal-filosofija u kemm tat-teoloġija. It-tnejn, għalkemm b’mezzi diversi, juru “t-triq tal-ħajja” (ara Salm 16/15, 11) li, kif tgħidilna l-fidi, twassal fl-aħħar għall-hena bla tmiem fil-kontemplazzjoni ta’ Alla wieħed fi tliet Persuni.

 

It-tieni Kap

 

EMMEN BIEX TIFHEM

 

L-Għerf jaf kollox u kollox jifhem (ara Għerf 9, 11)

L-Iskrittura permezz ta’ indikazzjonijiet tassew ċari, turi liema rabta hemm bejn l-għarfien li tagħti l-Fidi u l-għarfien li jiġi mir-raġuni. Dan l-aktar li juruh huma l-Kotba ta’ l-Għerf. Dak li jolqot l-għajnejn fil-qari ta’ dawn it-testi ta’ l-Iskrittura, meta jinqraw bla ebda preġudizzju , huwa l-fatt li f’dawn it-testi ma nsibux biss il-Fidi ta’ Iżrael, imma wkoll it-teżori ta’ kulturi u ċiviltajiet li ilhom li ntemmu. Qisu skond pjan speċjali, l-ilħna ta’ l-Egittu u tal-Mesopotamja jerġgħu jsemmu leħenhom, u ċerti proprjetajiet tal-kulturi tal-Lvant ta’ żmien il-qedem jerġgħu jieħdu l-ħajja fil-paġni ta’ dawn il-kotba ta’ l-Għerf, mimlijin b’għarfien ta’ fehmiet tassew għoljin. Mhux b’kumbinazzjoni li l-kittieb mqaddes, huwa u juri min hu bniedem għaref, jgħid li hu dak li jħobb u jfittex il-verità: “Mbierek il-bniedem li ħsiebu fl-għerf, u jitkellem bil-għaqal. B’moħħu jifli triqatu u jikkunsidra l-ħwejjeġ mistura tiegħu. Joħroġ warajh bħal kaċċatur u joqgħodlu għassa fi triqatu. Jittawwal ġewwa mit-twieqi tiegħu, u jissemmagħlu mal-bwieb tiegħu. Imur joqgħod ħdejn id-dar tiegħu, u jsammar il-kunjard mal-ħajt tiegħu. Maġenbu jtella’ t-tinda tiegħu, u jgħammar fejn isib it-tajjeb. Iqiegħed lil uliedu għall-kenn tiegħu, u jgħammar taħt il-friegħi tiegħu. Taħtu jistkenn mis-sħana, u jmur joqgħod fil-glorja tiegħu” (Sir 14, 20-27).

Għall-kittieb ispirat, kif qed naqraw, ix-xewqa għall-għerf hi karatteristika tal-bnedmin kollha. L-intelliġenza twassal lil kull bniedem, jemmen jew ma jemminx, biex “jixrob mill-bir fond” (Prov 20, 5) ta’ l-għerf. Żgur li Iżrael tal-qedem ma waslitx għall-għarfien tad-dinja u tal-fenomeni tagħha minn tħassib dwar x’inhi n-natura tal-ħlejjaq, kif għamlu l-filosofi Griegi jew l-għorrief Eġizzjani. Wisq anqas it-twajjeb Iżraelita ħaseb x’inhu l-għerf kif jaħsbu fid-dinja ta’ llum, li għandha minn fejn dejjem aktar tfittex għax hemm ħafna taqsimiet ta’ l-għerf. Iżda minkejja dan , id-dinja ta’ l-Iskrittura wkoll wasslet il-kontribut oriġinali tagħha fil-baħar tassew wiesgħa ta’ l-għerf kollu.

Dak li hu speċjali fit-testi bibliċi hi l-konvinzjoni li hemm rabta liema bħalha u dejjem sejra bejn dak li jingħaraf permezz tar-raġuni u dak li jingħaraf permezz tal-Fidi. Id-dinja u kull ma jiġri fiha, u l-istorja u l-ġrajjiet tal-popli kollha huma fatti li jridu jiġu notati, analizzati u ġudikati permezz tar-raġuni, iżda l-Fidi ma tistax tiġi mwarrba minn dan il-proċess. Il-Fidi ma tindaħalx biex iddgħajjef l-awtonomija tar-raġuni jew tnaqqas l-estensjoni tal-ħidma tagħha, imma biss biex turi lill-bniedem li fil-ġrajja kollha hemm Alla ta’ Iżrael li jidher u juri l-ħidma tiegħu. Ma jistax jiġri għalhekk li d-dinja bil-ġrajjiet kollha tagħha tiftiehem sewwa jekk jonqos it-twemmin f’Alla li qed jaħdem fid-dinja u fi ġrajjietha.

Il-Fidi tqawwi l-għajn tar-ruħ biex il-moħħ jasal biex jintebaħ bil-preżenza tal-Provvidenza ta’ Alla hija u taħdem fil-ġrajjiet tad-dinja. Ifisser ħafna dan il-kliem tal-Ktieb tal-Proverbi: “Il-bniedem jaħseb u jfassal triqtu, imma l-Mulej imexxih minnha” (Prov. 16, 9). Dan ifisser li l-bniedem, imdawwal mir-raġuni tiegħu jaf isib triqtu, iħaffef fiha u jasal sa l-aħħar tagħha bla tfixkil, jekk ifittixha bis-sinċerità kollha fid-dawl tal-Fidi. Għalhekk ir-raġuni u l-Fidi ma jistgħux jinfirdu minn xulxin biex il- bniedem ikun jista’ jifhem b’mod xieraq lilu nnifsu, id-dinja, u lil Alla.

Għalhekk m’hemmx għalfejn ikun hemm pika bejn ir-raġuni u l-Fidi: waħda tinsab fl-oħra, u kull waħda minnhom għandha l-qasam proprju tagħha biex turi dak li hi. Hawn ukoll imexxina l-Ktieb tal-Proverbi meta jħabbar: “Hu ġieħ għal Alla li l-ħaġa jaħbiha, imma ġieħ għas-slaten li jikxfuha” (Prov 25, 2). Alla u l-bniedem fid-dinja proprju tagħhom jinsabu f’relazzjoni waħda bejniethom. Il-bidu ta’ kull ħaġa hu minn Alla u fih tinsab il-milja tal-misteru: u dan hu glorja tiegħu; il-bniedem imbagħad hu fid-dmir li jfittex il-verità bir-raġuni tiegħu, u dan hu l-għemil nobbli tiegħu. Ma’ dan il-mużajk is-Salmista jżid biċċa oħra meta jitlob: “Kemm huma tqal ħsibijietek għalija, o Alla; Kemm hu bla tarf l-għadd tagħhom. Li kelli ngħoddhom huma aktar mir-ramel; x’ħin nasal fl-aħħar, nkun għadni fil-bidu miegħek” (Salm 139/138, 17-18). Ix-xewqa għall-għerf hi hekk kbira u taħdem b’qawwa hekk kbira li l-Ispirtu tal-bniedem, għalkemm jaf sewwa sa fejn jista’ jasal, għandu ħerqa kbira li jikseb dak il-għana li hu ħafna ′l fuq minnu għax jintebaħ li f’dan il-għana hemm it-tweġib li jissodisfah għal kull kwistjoni li għalissa ma hemmx soluzzjoni għaliha.

Mela nistgħu ngħidu li Iżrael bir-riflessjonijiet tiegħu, għaraf bir-raġuni kif jaqbad it-triq li twassal għall-misteru. Permezz tar-Rivelazzjoni ta’ Alla, Iżrael sata’ jersaq lejn dak il-għoli li fittex jikseb mingħajr ma rnexxilu bir-raġuni tiegħu biss. Minn din is-sura aktar perfetta ta’ għarfien il-poplu magħżul ta’ Alla fehem li r-raġuni kien jeħtiġilha tħares xi normi ewlenin li bihom turi aħjar x’inhi n-natura proprja tagħha. L-ewwel norma hi li r-raġuni trid tħaddan din il-verità li l-bniedem għandu mixja quddiemu li jrid jimxiha b’mod li qatt ma jieqaf; it-tieni norma tiġi mill-għarfien li wieħed ma jistax jaqbad din it-triq b’kburija liema bħalha, għax jaħseb li kollox hu frott tal-ħila tiegħu biss; it-tielet norma hi “il-biża’ ta’ Alla” li tiegħu r-raġuni trid tagħraf it-traxxendenza liema bħalha u fl-istess waqt tagħraf l-imħabba tiegħu provvidenzjali fit-tmexxija ta’ kollox.

Meta l-bniedem jitbiegħed minn dawn in-normi jissogra li jfalli u jispiċċa mal-“boloh”. Skond l-Iskrittura f’din il-bluha hemm theddida għall-ħajja. L-iblah jittqarraq bih innifsu jaħseb li jaf ħafna, iżda ma għandux il-ħila jikkonċentra fuq dak li hu tassew meħtieġ. Għalhekk la jista’ jaħseb sewwa (ara Prov 1, 7) u lanqas ikun f’qagħda xierqa miegħu nnifsu u mad-dinja madwaru. Meta mbagħad jasal biex jgħid “M’hemmx Alla” (ara Salm 14/13, 1) juri b’mod tassew ċar li ma jaf xejn u kemm hu ′l bogħod mill-verità sħiħa dwar il-ħlejjaq, dwar il-bidu u d-destin tagħhom.

Passi importanti ħafna li jitfgħu dawl tajjeb fuq dan l-argument nsibuhom fil-Ktieb ta’ l-Għerf. L-awtur ispirat ta’ dan il-ktieb jitkellem dwar Alla li jirrivela lilu nnifsu permezz ta’ l-istess ħolqien. Għan-nies tal-qedem l-istudju tax-xjenzi naturali fil-qofol tiegħu kien meqjus parti mill-filosofija. Wara li dan il-ktieb jgħid li l-bniedem bis-saħħa ta’ l-intellett tiegħu “jista’ jsir jaf kif inhi l-istruttura tad-dinja u l-qawwa ta’ l-elementi, id-dawriet tas-snin u l-post tal-kwiekeb, l-għamla tal-bhejjem u l-imġiba ta’ l-annimali” (Għerf 7, 17, 19-20), f’kelma waħda juri li l-ħila li jaf jitkellem bħal filosofu u jagħmel pass aktar importanti ′l quddiem. Il-kittieb jieħu ħsieb tal-filosofija griega (u, milli jidher, għaliha hawn qiegħed jagħmel riferenza) biex itenni li proprju meta qed jirraġuna dwar in-natura, jista’ jogħla lejn Alla l-Ħallieq: “għax fil-kobor u l-ġmiel tal-ħlejjaq jagħraf, bħal f’xi xbieha, Dak li għamilhom” (Għerf 13, 5). Mela l-ewwel stadju tar-Rivelazzjoni divina hu “il-ktieb tassew ta’ l-għaġeb tan-natura”, li l-bniedem meta jarah bir-raġuni tiegħu jista’ jasal biex jagħraf lil Alla bħal l-Ħallieq ta’ kollox. U jekk il-bniedem bir-raġuni tiegħu ma jasalx biex jagħraf lil Alla bħala ħallieq dan ma jfissirx li hu nieqes mill-mezzi għal dan il-għan, imma aktar għax ir-rieda ħielsa tiegħu hi mfixkla minn dnubiet.

Fid-dawl ta’ dan, nistgħu naraw x’tiswa r-raġuni, mingħajr ma nesaġeraw ħilitha. Kull ma tista’ tikseb ir-raġuni jista’ jkun veru, iżda jkun jista’ jikseb it-tifsir sħiħ tiegħu jekk jitqies f’mod aktar wiesgħa, jiġifieri fid-dawl tal-fidi. “Il-ħajja tal-bniedem imexxiha l-Mulej u kif jista’ l-bniedem jifhem triqtu?” (Prov 20, 14). Fit-Testment il-Qadim il-fidi tagħti ħelsien lir-raġuni għax tħalliha tilħaq sewwa dak li tixtieq tkun taf, u tarah fl-ordni veru tiegħu fejn kull ħaġa tikseb it-tifsir veru tagħha. Fi ftit kliem, il-bniedem jikseb il-verità bir-raġuni tiegħu għaliex imdawwal mill-Fidi jara t-tifsir l-aktar għoli ta’ kull ħaġa u fuq kollox it-tifsir ta’ l-eżistenza tiegħu stess. Sewwa mela jagħmel il-kittieb ispirat meta jqiegħed l-bidu ta’ l-għerf fil-biża’ ta’ Alla: “Il-biża’ tal-Mulej, hu l-bidu ta’ l-għerf” (Prov1, 7; ara Sir 1, 14).

Ikseb l-għerf, ikollok id-dehen (Prov 4, 5)

Għan-nies tat-Testment il-Qadim it-tagħrif ma kienx jiġi biss minn stħarriġ tal-bniedem, tad-dinja u ta’ l-istorja, imma kien hemm ukoll rabta liema bħalha mal-fidi u mar-Rivelazzjoni. Dawn kienu l-isfidi li l-poplu magħżul ta’ Alla sab quddiemu ħa jwieġeb għalihom. Il-bniedem tal-Bibbja, huwa u jqis il-qagħda tiegħu, għaraf li ma setgħax jifhem lilu nnifsu jekk mhux f’relazzjoni miegħu nnifsu, u mal-poplu, mad-dinja u ma’ Alla nnifsu. Dan il-ftuħ għall-misteru, li wasallu permezz tar-Rivelazzjoni, kien fl-aħħar mill-aħħar il-bidu ta’ dak it-tagħrif veru, li wassal lir-raġuni tiegħu timraħ f’wesgħat infiniti u hekk tkun tista’ tifhem b’mezzi li qatt ma kienet tobsorhom. Il-ħerqa għall-verità, fil-kittieb ispirat, ma kinitx nieqsa minn dak it-taħbit li jiġi mill-fatt li r-raġuni tal-bniedem hi limitata. Dan narawh, biex insemmi eżempju, fil-kliem li bih min kiteb il-Ktieb tal-Proverbi ifisser it-taħbit li jrid jgħaddi minnu min irid jagħraf il-ħsieb moħbi ta’ Alla (ara Prov 30, 1-6)). Iżda min jemmen, għalkemm jegħja, ma jċedix. Dik il-qawwa, li biha jista’ jkompli l-mixja tiegħu lejn il-verità, tiġi miċ-ċertezza li Alla ħalqu biex ifittex u jistħarreġ (ara Koh 1, 13), u li dmiru hu li ma jħalli xejn mingħajr ma jippruvah, minkejja li hu dejjem mhedded minn ħafna dubbji. Imwettaq minn Alla ikompli miexi ′l quddiem u kullimkien ifittex kull ma hu sabiħ, tajjeb u veru.

L-ewwel kap ta’ l-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani tgħinna naraw aħjar kemm hu għoli l-ħsieb tal-kotba ta’ l-Għerf. L-appostlu bi kliem popolari jiżviluppa argument filosofiku u jagħti xhieda għall-verità għolja ħafna jiġifieri li permezz tal-ħlejjaq nistgħu naslu naraw ′l Alla “bl-għajnejn tar-ruħ”. Alla permezz tal-ħlejjaq ried li r-raġuni tal-bniedem tasal biex tintebaħ bil-“qawwa” u “divinità” tagħha (ara Rum 1, 20). B’hekk lir-raġuni tal-bniedem qed tingħata setgħa li milli jidher tmur ′l hemm mil-limiti naturali tagħha. It-tagħrif m’huwiex limitat biss għat-tagħrif li jinkiseb permezz tas-sensi għax tista’ tistħarreġ b’mod kritiku dak it-tagħrif li jinkiseb bis-sensi, iżda tista’ wkoll targumenta dwar it-tagħrif li jagħtu s-sensi u tasal għal dak li minnu għandha l-bidu tagħha kull ħaġa. Nistgħu mela ngħidu, b’termini filosofiċi, li dak li jgħid San Pawl hu xhieda tal-ħila metafisika tal-bniedem.

Skond San Pawl, l-ewwel ħsieb fil-ħolqien kien li r-raġuni jkollha l-kapaċità li togħla faċilment ′il fuq mit-tagħrif biss li jiġi mis-sensi u hekk issib x’inhu l-bidu ta’ kollox: il-Ħallieq. Id-diżubbidjenza tal-bniedem, li ried juża l-libertà sħiħa u assoluta tiegħu u jeħodha kontra min ħalqu, waslet għat-tnaqqis tal-ħila tal-bniedem li jersaq u jdur lejn Alla.

B’mod tassew ħaj il-Ktieb tal-Ġenesi jiddeskrivi din il-qagħda tal-bniedem meta jgħid li Alla qiegħed il-bniedem f’nofs il-ġenna ta’ l-Għeden fejn f’nofsha kien hemm is-siġra tat-tagħrif it-tajjeb u l-ħażin (ara Ġen 2, 17). Is-simboliżmu hu ċar biżżejjed: il-bniedem ma setgħax jagħżel minn rajh bejn x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin, imma kien jeħtieġlu jirrikorri għand bidu aktar għoli minnu. L-għama tas-suppervja hekk qarraq il-proġenituri tagħna li ħasbu li ma kien hemm ħadd aqwa minnhom u għalhekk bir-raġun kollu setgħu jwarrbu kull għerf li sata’ jiġihom minn Alla. Il-bnedmin kollha ta’ kull żmien sabu ruħhom maqbudin f’din id-diżubbidjenza tal-bidu li għamlet ġerħa fir-raġuni tal-bniedem hekk, li fixklet il-mixi ′l quddiem tal-bniedem lejn il-verità sħiħa. Il-kapaċità tar-raġuni biex tagħraf il-verità iddallmet biċ-ċaħda ta’ dak li hu l-għajn u l-bidu tal-verità. Hu San Pawl ukoll li juri kemm saru “fiergħa” l-ħsibijiet tal-bnedmin minħabba d-dnub, u r-raġunar tagħhom sar mgħawweġ u miġbud lejn il-qerq (ara Rum 1, 21-22), L-għajn tar-ruħ ma setatx tara aktar b’mod ċar; bil-ftit il-ftit ir-raġuni saret ilsiera tagħha nfisha. Il-miġja ta’ Kristu fid-dinja kienet is-salvazzjoni għax fdiet ir-raġuni mid-dgħufija tagħha u nħelset minn kull xkiel li bih itjassret.

Hu għalhekk li r-relazzjoni tan-nisrani mal-filosofija titlob li jkun hemm dixxerniment dejjem sejjer. Dan jidher ċar fit-Testment il-Ġdid, l-aktar fl-ittri ta’ San Pawl: “l-għerf ta’ din id-dinja” hu kontra l-għerf ta’ Alla rivelat minn Kristu Ġesù. Is-superjorità ta’ l-għerf rivelat iħarbat il-mod kif soltu naħsbu għax b’dan il-mod m’aħniex kapaċi nfissru l-għerf fil-milja kollha tiegħu.

Il-bidu ta’ l-ewwel ittra lill-Korintin turi dan b’mod tassew radikali. L-iben ta’ Alla msallab hu fatt storiku li kull sforz tal-moħħ tal-bniedem biex minnu jagħti tifsira sħiħa ta’ l-esiztenza b’argumenti umani biss, jiġi fix-xejn. Il-qofol ta’ l-isfida lill-filosofija kollha hi l-mewt ta’ Kristu fuq is-salib. Hu hawn jispiċċa fix-xejn kull sforz biex tfisser skond il-loġika tal-bniedem il-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni. “Fejn hu l-għaref? Fejn hu l-iskriba? Fejn hu l-filosofu ta’ din id-dinja? Forsi Alla ma bellaħx l-għerf tad-dinja?” itenni minnufih bil-qawwa kollha l-appostlu (1 Kor 1, 20). L-għerf biss ta’ l-għorrief tad-dinja mhux biżżejjed issa biex wieħed jifhem dak li Alla ried jagħmel; hu meħtieġ pass deċisiv ′il quddiem lejn xi ħaġa ġdida għal kollox: “Alla għażel in-nies boloh għad-dinja, biex iħawwad l-għorrief … għażel il-mistmerra mid-dinja, u n-nies li huma xejn biex iġib fix-xejn dawk li huma xi ħaġa” (1 Kor 1, 27. 28). L-għerf tal-bniedem ma riedx jara fid-dgħufija tiegħu dak li jurih il-qawwa kollha tiegħu, iżda San Pawl ma joqgħodx jaħsibha biex jgħid: “Meta jien dgħajjef, inkun qawwi” 2 Kor 12, 10). Il-bniedem mhux kapaċi jaħseb kif il-mewt tista’ tkun għajn ta’ ħajja u mħabba, iżda Alla biex juri l-misteru tal-pjan tiegħu ħa sseħħ is-salvazzjoni għażel dak li r-raġuni tal-bniedem tqies “bluha” u “skandlu”. San Pawl juża l-kliem tal-filosofi ta’ żmienu biex jilħaq il-qofol tat-tagħlim tiegħu li jfissru b’paradoss: “Alla għażel dak li ma hu xejn biex iġib fix-xejn dawk li huma xi ħaġa” (1 Kor 1, 28). Biex ifisser in-natura ta’ l-imħabba li Alla wera minn rajh fuq is-salib ta’ Kristu, San Pawl ma ħasibhiex darbtejn biex juża l-lingwaġġ l-aktar radikali tal-filosofi fi kliemhom dwar Alla. Ir-raġuni tal-bniedem ma tistax iġġib fix-xejn il-misteru ta’ mħabba li juri s-salib; waqt li s-salib jista’ jagħti lir-raġuni tal-bniedem it-tweġiba li fl-aħħar mill-aħħar il-bniedem qed jistenna. San Pawl iqies il-Kelma ta’ l-Għerf u mhux l-għerf tal-kelma bħala regola kemm tal-verità u kemm tas-salvazzjoni.

L-għerf tas-salib imur ′l hemm mil-limiti ta’ kull kultura li trid ixxekklu, u tinsisti fuq ftuħ għan-natura universali tal-verità li jħaddan. Xi sfida din għar-raġuni tagħna! X’siwi ser tikseb jekk toqgħod għal dan il-għerf! Il-filososfija li minn rajha tista’ tagħraf id-direzzjoni traxxendentali dejjem sejra tal-bniedem lejn il-verità, bl-għajnuna tal-fidi, tista’ wkoll tilqa’ l-“bluha” tas-salib bħala ġudizzju kritiku fuq dawk li jaħsbu bit-tort li għandhom il-verità; waqt li fil-fatt qed ixekkluha bil-ħsibijiet dojoq tal-filosofija tagħhom. Ir-relazzjoni bejn il-fidi u l-filosofija tista’ titfarrak għax tegħreq hija u taħbat mal-blata ta’ Kristu msallab u rxoxt, iżda hi wkoll il-blata li minnha jitilqu l-ibħra bla limiti tal-verità. M’hijiex biss il-fruntiera bejn il-fidi u l-filosofija, imma hi fuq kollox il-post fejn jiltaqgħu flimkien.

 

 

It-tielet Kap

 

NIFHEM BIEX NEMMEN

 

It-triq għar-riċerka tal-verità

 

San Luqa l-Evanġelista fl-Atti ta’ l-Appostli jgħid li San Pawl wasal Ateni, tul il-ħafna vjaġġi missjunarji tiegħu. Dik il-belt, ċentru tal-filosofi, kienet mimlija bix-xbihat ta’ ħafna allat. Ħin bla waqt laqtu artal li kienlu ta’ okkażjoni biex jagħti bidu għal dak li fuqu kien qed jibni l-“kerigma” tiegħu: “Rġiel ta’ Ateni, qiegħed nara li intom f’kollox nies mill-aktar reliġjużi. Jien u għaddej u nħares lejn ix-xbihat qaddisa tal-qima tagħkom sibu wkoll artal b’din il-kitba fuqu: ‘Li Alla mhux magħruf’. Għalhekk, dak li intom tqimuh bla ma tafuh, nħabbarulkom jien.” (Atti 17, 22-23).

Beda minn dan biex jitkellem fuq Alla bħala Ħallieq, fuq dak li hu fuq kollox u li jagħti l-ħajja lil kollox. Imbagħad kompla: “Minn bniedem wieħed għamel il-ġens kollu tal-bnedmin biex jgħammru fuq wiċċ l-art kollha, u qasmilhom bil-qies iż-żminijiet u t-truf ta’ l-art fejn għandhom jgħammru; u dan għamlu biex huma jfittxu lil Alla u forsi jħossuh b’idejhom u jsibuh; u tassew, hu m’huwiex ′l bogħod minn kull wieħed minna” (Atti 17, 26-27).

L-Appostlu ħareġ għad-dawl dik il-verità li l-Knisja dejjem għożżitha; fil-fond tal-qalb tal-bniedem hemm miżrugħa x-xewqa u n-nostalġija ta’ Alla. Dan tfakkru bil-qawwa kollha l-liturġija tal-Ġimgħa Mqaddsa tal-Passjoni tal-Mulej meta l-Knisja tistedinna nitolbu għal dawk li ma jemmnux: “O Alla ta’dejjem li tista’ kollox, int ħlaqt il-bnedmin kollha biex dejjem jixtiquk u jfittxuk sa ma jsibuk u jistrieħu fik…”[22]. Hemm mela triq li l-bniedem jista’ jagħżel biex jimxi minnha u jista’ jimxi minnha għax ir-raġuni tiegħu għandha l-ħila tmur ′l hemm u ′l fuq minn dak li jgħaddi u taqbad it-triq lejn dak li hu infinit.

Fi żminijiet differenti u ta’ diversi manjeri l-bniedem għaraf ifisser din ix-xewqa intima tiegħu. Il-letteratura, il-mużika, il-pittura, l-iskultura , l-arkitettura u kull għemil ieħor li hu l-frott tal-ħsieb tal-bniedem, huma mezzi li juru din il-ħerqa tal-bniedem għar-riċerka. Il-filosofija għamlet tagħha din il-ħerqa tal-bniedem u bil-mezzi tagħha u bil-metodi xjentifiċi proprju tagħha fissret din ix-xewqa universali tal-bniedem.

“Il-bnedmin kollha jridu jkunu jafu”,[23] u jridu jkunu jafu l-verità. Il-ħajja tagħna ta’ kuljum turi kemm kull wieħed minna jħabrek biex, barra dak li jisma’, irid ikun jaf kif tkun il-ħaġa. Il-bniedem biss, f’din id-dinja li naraw, mhux biss għandu l-ħila li jkun jaf, imma wkoll il-ħila li jaf li jkun qed jaf u għalhekk ifittex li jkun jaf x’inhi l-verità vera ta’ dak li jkun qed jara. Ħadd ma jista’ jibqa’ indifferenti quddiem il-verità ta’ dak li jsir jaf. Il-bniedem kull ħaġa li jsib m’hijiex vera iwarrabha minnu; iżda jekk isib li hi vera jħoss ruħu sodisfatt.

Dan għallem Santu Wistin meta kiteb: “Naf ħafna bnedmin li jridu jqarrqu, imma ħadd minnhom ma jrid li jkun imqarraq.”[24] Il-bniedem ikun laħaq il-kobor sħiħ tal-personalità tiegħu meta bil-ħila tiegħu jasal biex jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin u hekk ikun jista’ jiġġudika r-realtà oġġettiva tal-ħaġa. Hu għalhekk li ssir kull riċerka, l-aktar fil-qasam tax-xjenzi, li f’dawn l-aħħar żminijiet kisbu tant suċċess, u ġiebu ′l quddiem il-progress veru tas-soċjetà kollha tal-bnedmin.

L-istess importanza għandha r-riċerka fil-qasam teoretiku, bħalma għandha fil-qasam prattiku, jiġifieri r-riċerka għall-verità dwar il-ġid li jrid isir. Il-persuna tal-bniedem, hija u taġixxi b’mod etikament tajjeb, b’rieda ħielsa u sewwa tidħol fit-triq tal-hena li twassal għall-perfezzjoni. Din hi wkoll kwistjoni ta’ verità. Dan wettaqtu b’dak li għedt fl-enċiklika Veritatis splendor. “Bla libertà m’hemmx moralità … għalhekk kull bniedem għandu d-dritt li jkun rispettat fit-tfittix tiegħu għall-verità, qabel jiġi d-dmir normali li wieħed ifittex il-verità u jħaddanha meta jsibha”.[25]

Il-valuri li jintgħażlu u jinkisbu jeħtieġ li jkunu veri, għaliex il-valuri veri biss iwasslu l-bniedem biex jilħaq il-kobor sħiħ tiegħu, skond in-natura proprja tiegħu. Il-bniedem isib il-verità ta’ dawn il-valuri mhux billi jingħalaq fih innifsu, imma billi jkun miftuħ biex jilqagħhom ukoll f’suriet li huma ′l fuq min-natura tiegħu. Din hi kondizzjoni meħtieġa biex wieħed ikun dak li hu u jilħaq il-kobor sħiħ tiegħu bħala persuna.

Għall-ewwel il-verità titqiegħed quddiem il-bniedem f’sura ta’ mistoqsija. Hemm xi tifsir fil-ħajja? Fejn sejra? Ma l-ewwel daqqa t’għajn, l-eżistenza personali tidher qiesha bla bażi, bla ebda tifsir. Wieħed ma għandux għalfejn jirrikorri għand filosofi li jxandru fehmiet assurdi u bla sens, jew joħroġ b’dawk il-mistoqsijiet li nsibu fil-Ktieb ta’ Ġob, biex juri li qed jiddubita dwar it-tifsir tal-ħajja. L-esperjenza kuljum tat-tbatija, tiegħu jew ta’ l-oħrajn, il-ħafna fatti li r-raġuni tal-bniedem ma tafx tfissirhom, huma biżżejjed biex juruna li ma nistgħux nevitaw il-problema drammatika tat-tifsir tal-ħajja.[26] Ma’ dan irridu nżidu li l-ewwel verità, ċerta fuq li ċerta, dwar l-eżistenza tagħna, barra l-verità li aħna qed neżistu, hemm il-verità li għandna mmutu. Magħrufa din il-verità li, rridu jew ma rridux, għandha tħawwadna, inħossu li għandna nfittxu tweġiba sħiħa għaliha. Kulħadd jixtieq – anzi hu fid-dmir – li jkun jaf il-verità dwar it-tmiem tiegħu. Irid ikun jaf jekk il-mewt hijiex it-tmiem ta’ kollox jew li hemm xi ħaġa wara l-mewt; jistax wieħed jittama jew le f’ħajja oħra. Mhux ta’ xejn li l-filosofija ħadet l-orjentament tagħha mill-mewt ta’ Sokrate, orjentament li għadu l-istess llum wara elfejn sena. U hijiex kumbinazzjoni li l-filosofi, quddiem il-mewt, jittrattaw u jerġgħu jittrattaw din il-problema flimkien ma’ dik tal-ħajja u ta’ l-immortalità.

Ħadd ma jista’ jaħrab dawn il-mistoqsijiet, la l-filosofu u lanqas il-bniedem komuni. Mit-tweġib li jingħata, jiddependi x’pass nistgħu nagħmlu ′l quddiem: nistgħux iva jew le xi darba naslu għall-verità universali u assoluta. Kull verità minnha nfisha għalkemm m’hijiex sħiħa jekk hi tassew verità, tidher bħala verità universali u assoluta. Dak li hu veru hu dejjem veru għal kulħadd u dejjem. Iżda barra din l-universalità, il-bniedem ifittex xi ħaġa assoluta li tista’ tagħtih tweġiba u tifsira dwar dak li qed jistħarreġ: xi esseri li fuqu kollox iżomm. Fi kliem ieħor, il-bniedem qed ifittex tifsira definittiva , valur suprem li ′l fuq minnu ma jistgħux isiru mistoqsijiet jew tiżdiedlu xi ħaġa oħra aktar milli għandu. L-opinjonijiet jistgħu jidhru sbieħ, iżda mhux se jikkonvinċu u jissodisfaw. Irid jasal mument għal kulħadd, iridu jew ma jridux, li fih il-bniedem irid jorbot l-eżistenza tiegħu ma’ verità assoluta li tiżgurah u tbiegħed minnu kull dubbju.

Il-filosofi tul iż-żminijiet ħadu ħsieb ifittxu u jfissru verità bħal din, u hekk taw bidu għall-skejjel u sistemi ta’ ħsieb. Iżda barra s-sistemi filosofiċi hemm sistemi oħra li bihom il-bniedem fisser il-“filosofija” tiegħu; huma l-konvinzjonijiet u l-esperjenzi individwali, it-tradizzjonijiet tal-familji u tal-kulturi, jew mixjiet eżistenzjali taħt il-gwida ta’ xi mgħallem. F’dawn il-manifestazzjonijiet dak li jibqa’ dejjem hi x-xewqa tal-verità u tal-valuri assoluti tagħha.

Uċuh differenti tal-verità tal-bniedem

 

Ir-riċerka tal-verità – u dan irridu dejjem ngħiduh – mhux dejjem tidher hekk ċara u xierqa. Il-limiti naturali tar-raġuni u l-inkonsistenza tal-bniedem spiss dallmu u għawġu r-riċerka tal-bniedem. Jista’ jiġri wkoll li interessi oħra ta’ suriet differenti jistgħu jegħlbu l-verità. Jista’ jiġri wkoll li l-bniedem jevita l-verità malli jibda jintebaħ biha għax jibża minn dak li tista’ titolbu. Minkejja dan, ukoll meta l-bniedem jkun qiegħed jaħrab minnha, il-verità tibqa’ tinfluwenza l-eżistenza tiegħu. Il-bniedem qatt ma jista’ jibni ħajtu fuq id-dubbju, l-inċertezza u l-gideb: din is-sura ta’ ħajja tkun dejjem mhedda mill-biża’ u l-qtigħ il-qalb. Għalhekk nistgħu nqisu lill-bniedem bħala dak li qed ifittex il-verità.

Ma jistax ikun li titqies bla siwi u fiergħa riċerka li għandu l-għeruq fil-fond tan-natura tal-bniedem. L-istess kapaċità għat-tfittix tal-verità u għall-mistoqsijiet dwarha, fiha nfisha hi ġa l-ewwel tweġiba. Il-bniedem ma jibqax ifittex dak li ma jkun jaf xejn fuqu, u lanqas se jfittex dak li jaf li żgur mhu se jiksbu qatt. Biss it-tama li jasal għal xi tweġiba, twasslu biex jagħmel l-ewwel pass. Hekk jiġri regolarment fir-riċerka xjentifika: meta xjenzjat jintebaħ b’xi fenomenu, ifittex tifsira loġika u possibbli tal-fenomemu li jkun, u mill-bidu jkollu t-tama li se jsib it-tweġiba għalih u ma jaqtax qalbu jekk ma jirnexxix. Ma jaħsibx li kien bla siwi dak li bih intebaħ fil-bidu, minħabba li ma laħaqx l-għan li ried: ħaġa waħda jkun jista’ jgħid: li kien għad ma rnexxilux isib tweġiba.

L-istess ħaġa nistgħu ngħidu għar-riċerka għall-verità dwar l-aħħar destin tal-bniedem: l-għatx għall-verità. L-għatx tal-verità għandu għeruq fil-fond fil-qalb tal-bniedem, tant li jekk iħoss il-ħtieġa li ma jagħtix kas tagħha, ikun qed jhedded l-eżistenza tiegħu stess. Biżżejjed jistħarreġ il-ħajja ta’ kuljum, biex fl-aħħar mill-aħħar jara kif kull wieħed minnha hu mħasseb fih innifsu dwar xi mistoqsijiet li jagħmel lilu nnifsu u li tagħhom għandu fl-ispirtu tiegħu almenu xi ħjiel ta’ tweġiba għalihom. Huwa tweġib li aħna żguri mill-verità tiegħu, għax sostanzjalment dan it-tweġib mhux differenti mit-tweġib li ħafna oħrajn waslu għalih. Veru li mhux kull verità li tinkiseb għandha l-istess valur, iżda t-tweġib li jinkiseb kollu kemm hu juri l-kapaċità tal-bniedem biex jasal għall-verità.

Jaqbel issa li naraw fuq fuq dawk il-ħafna suriet ta’ verità. Wisq aktar fil-għadd huma l-veritajiet li jinkisbu mill-esperjenza u jitwettqu b’esperimenti; huma veritajiet dwar il-ħajja ta’ kuljum u tar-riċerka xjentifika. Ta’ grad ieħor huma l-veritajiet filosofiċi li l-bniedem jikseb bil-kapaċità spekulativa tiegħu. Imbagħad hemm il-veritajiet reliġjużi li l-għeruq tagħhom b’xi mod jinsab ukoll fil-filosofija. Dawn insibuhom fit-tweġib li r-reliġjonijiet, kull waħda skond it-tradizzjonijiet proprja tagħha, jagħtu għall-mistoqsijiet dwar id-destin tal-bniedem.[27]

Dwar il-veritajiet filosofiċi rridu ngħidu li m’humiex limitati biss għat-tagħlim, xi kultant fieragħ, ta’ xi filosofu professjonista. Kull bniedem, kif għedna, hu b’xi mod filosofu, u għandu dehra sħiħa u tweġiba għall-mistoqsija dwar x’inhi ħajtu; fid-dawl ta’ dan ifisser ħajtu u jirregola l-imġiba tiegħu. Hu hawn li rridu nistaqsu x’rabta hemm bejn il-veritajiet filosofiċi reliġjużi u l-verità rivelata minn Ġesù Kristu. Iżda qabel inwieġeb għal dan, irridu nqisu aħjar x’tgħidilna aktar il-filosofija.

Il-bniedem ġie maħluq mhux biex jgħix ħajtu waħdu. Jitwieled u jikber fi ħdan il-familja, u aktar tard bil-ħidma tiegħu jidħol jagħmel parti mis-soċjetà. Sa minn twelidu jsib ruħu mdaħħal f’ħafna tradizzjonijiet li mhux biss jagħtuh l-ilsien u l-kultura imma wkoll ħafna veritajiet li jemmen instintivament. Iżda huwa u jikber u jsir bniedem magħmul li jħoss u li jista’ jibda jiddubita dwar dawn il-veritajiet u jibda jistħarriġhom b’mod kritiku fi ħsibijietu. Iżda dan ma jfissirx li mbagħad dawn il-veritajiet jerġgħu “jinkisbu” jew mill-esperjenza tiegħu jew permezz ta’ raġunar aktar fil-fond. Madankollu fil-ħajja tal-bniedem huma ħafna aktar il-veritajiet li jemmen sempliċiment milli l-veritajiet li jikseb bir-raġunar personali tiegħu. Min jista’ llum iqis kritikament il-ħafna skoperti xjentifiċi li fuqhom hi bbażata l-ħajja ta’ llum? Kif wieħed minn rajh jista’ jgħarbel l-għadd ta’ aħbarijiet li kuljum jiġu minn kull naħa tad-dinja li nilqgħuhom u ġeneralment inqisuhom veri? Min se jerġa’ jagħmel l-esperjenzi li saru fl-imgħoddi u jerġa’ jaħseb dawk il-ħsibijiet li taw tant teżori ta’ għerf u ta’ sentimenti reliġjużi lis-soċjetà kollha tal-bnedmin? Fl-aħħar mill-aħħar il-bniedem li jfittex il-verità, huwa wkoll bniedem li jgħix jafda lill-oħrajn ukoll.

Kull bniedem, meta jemmen, ikun jafda fil-ħsibijiet li l-oħrajn ikunu kisbu. F’din il-ħaġa rridu nammettu li hemm tensjoni li tfisser ħafna: min-naħa għandha tagħrif li jinkiseb mingħand ħaddieħor għax nafdawh u hekk jidher bħala sura ta’ tagħrif imperfett, u li bil-mod il-mod jista’ jiġi perfezzjonat mill-evidenza personali; min-naħa l-oħra il-fiduċja f’ħaddieħor spiss tidher aktar tiswa mill-evidenza personali għaliex titlob relazzjoni bejn persuni u ġġib ′l quddiem mhux biss il-kapaċità tal-ħsieb ta’ dak li jkun, imma wkoll iġġib il-kapaċità radikali li tafda f’ħaddieħor u tidħol miegħu f’relazzjonijiet aktar ta’ siwi u aktar intimi.

Tajjeb ngħid li l-veritajiet li nfittxu f’dawn ir-relazzjonijiet inter-personali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ordni tal-fatti u mal-filosofija huma aktar veritajiet dwar persuna, jiġifieri min hi u x’inhi fiha nfisha. Il-perfezzjoni tal-bniedem ma tinsabx biss fil-kapaċità li għandu ħa jikseb il-verità astratta, imma wkoll fil-kapaċità li jagħti lilu nnifsu lill-oħrajn b’fiduċja u b’imġiba kollha ħeġġa. F’din il-fiduċja li biha l-bniedem jagħraf jagħti lilu nnifsu lill-bniedem ieħor, hemm ċertezza sħiħa u sigurtà. Fl-istess waqt it-tagħrif li wieħed jikseb għax jafda f’ħaddieħor ma jistax ma jkunx marbut mal-verità. Il-bniedem, meta jemmen, ikun qed jafda lilu nnifsu lill-verità li l-ieħor qed jurih.

Kemm hemm eżempji biex nuri dak li qed ngħid! Ħsieb l-ewwel li jmur hu lejn ix-xhieda tal-martri. Il-martri hu xhud li m’hemmx ieħor bħalu tal-verità dwar l-eżistenza. Jaf sewwa li quddiem Kristu Ġesù sab il-verità dwar ħajtu u ħadd ma jista’ jċaħdu minn din iċ-ċertezza. La t-tbatija u lanqas il-mewt kiefra ma tista’ tifirdu mill-verità li sab meta ltaqa’ ma Kristu. Hu għalhekk li x-xhieda tal-martri llum wkoll toħloq ammirazzjoni: issib min japprovaha, min irid jisma’ biha, u tittieħed bħala eżempju. Għalhekk kliemhom joħloq fiduċja; fihom tidher dik ix-xhieda ta’ mħabba li ma għandhiex bżonn ta’ ħafna argumenti biex tipperswadina, għax titkellem dwar dak li kull wieħed minna jagħraf fil-fond tiegħu nnifsu, dik il-verità li ilu żmien ifittex. Fl-aħħar mill-aħħar il-martri iqajjem fina fiduċja kbira, għax jurina dak li qed inħossu fina stess u jurina dak li kieku nixtiequ nuru kieku kellna l-ħila.

Issa nistgħu naraw kif jiġu flimkien l-aspetti kollha tal-problemi. Il-bniedem min-natura tiegħu stess ifittex il-verità. Din ir-riċerka ma twassalx biss li tinkiseb xi parti ta’ verità, jew il-verità tal-fatti jew il-verità xjentifika; il-bniedem ma jfittix biss il-veru ġid ta’ kull deċiżjoni li jieħu. Ir-riċerka tiegħu hi dwar il-verità aktar għolja li tista’ ddawwallu t-tifsir tal-ħajja; hi riċerka li tista’ tirnexxi biss fl-assolut.[28] Bil-kapaċitajiet ta’ moħħu l-bniedem jista’ jiltaqa’ ma’ din is-sura ta’ verità u jagħrafha. Għaliex din il-verità hi vitali u essenzjali għall-eżistenza tiegħu, tinkiseb mhux biss permezz tar-raġuni, imma wkoll billi jintelaq bil-fiduċja kollha f’idejn dawk li jistgħu jiggarantulu ċ-ċertezza u l-awtentiċità tal-verità. Il-kapaċità u l-għażla li tafda f’ħaddieħor il-ħajja tiegħek huma skond l-antropoloġija għemil tal-bniedem li jfisser u jgħid ħafna.

Irridu niftakru wkoll li r-raġuni fir-riċerka tagħna irid ikollna l-għajnuna ta’ djalogu kollu fiduċja u ta’ ħbiberija vera. In-nuqqas ta’ fiduċja u s-suspetti li xi kull tant juru ruħhom fir-riċerka spekulattiva, iwasslu biex tintesa d-duttrina tal-filosofi tal-qedem li kienu jqisu l-ħbiberija bħala l-ambjent l-aktar adatt għall-riċerka filosofika.

Minn dak li għedt sa issa, naraw li l-bniedem miexi fit-triq tar-riċerka, f’mixja li umanament ma tistax tieqaf: hija riċerka tal-verità u riċerka ta’ persuna li wieħed jista’ jafda fiha. F’dan tiġi tgħina l-fidi nisranija li turina kif nilħqu dan il-għan li qed infittxu. Wara l-ewwel pass li nagħmlu meta nibdew nemmnu, il-fidi nisranija ddaħħal il-bniedem fl-ordni tal-grazzja biex ikun jista’ jissieħeb fil-misteru ta’ Kristu, li joffrilu tagħrif veru u koerenti fuq Alla wieħed fi Tliet Persuni. Hekk fi Kristu Ġesù, li hu l-Verità

fih innifsu, il-fidi tara l-aħħar sejħa tal-bniedem, sejħa biex jista’ jseħħ dak li qed jixtieq u joħlom bih.

Din il-verità li Alla rrivelalna fi Kristu Ġesù ma tmurx kontra l-veritajiet li jinkisbu permezz tal-filosofija. Ir-rivelazzjoni u l-filosofija, it-tnejn waslu għall-milja tal-verità. Ir-raġuni umana fondamentalment titlob li l-verità tkun waħda, kif hu mfisser mill-prinċipju ta’ non-kontradizzjoni. Ir-Rivelazzjoni taċċertana li l-verità hi waħda, għax turina li Alla l-Ħallieq hu wkoll Alla tal-ġrajja tas-salvazzjoni. Hu l-istess Alla li ħalaq u hu garanti li l-ordni naturali ta’ kollox jista’ jingħaraf u jiftiehem mir-raġuni: fuq dan jafdaw ix-xjenzjati,[29] u hu dak ukoll li jidher bħal Missier Sidna Ġesù Kristu. Din il-verità waħda, naturali u rivelata tinsab b’mod ħaj u personali fi Kristu, kif ifakkarna l-Appostlu: “Il-verità li hi f’Ġesù” (Ef 4, 21; ara Gal 1, 15-20). Hu l-Verb ta’ dejjem, li fih kollox ġie maħluq, u fl-istess waqt hu l-Verb magħmul bniedem,li fil-persuna sħiħa tiegħu[30] jirrivela l-Missier (ara Ġw 14, 18). Dak kollu li r-raġuni umana ma tafx (ara Atti 17, 28) tipprova tistħarreġ, tista’ ssibu biss fi Kristu għax fih ġie rivelat “il-milja tal-verità” (ara Ġw 1, 14-16) lil kull kreatura li fih u bih inħalqet u għalhekk fih qiegħda żżomm ( Kol 1, 17).

Fuq il-bażi ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet jeħtieġ issa neżaminaw ir-relazzjoni li hemm bejn il-verità rivelata u l-filosofija. Din ir-relazzjoni titlob żewġ osservazzjonijiet fis-sens li l-verità li toħroġ mir-Rivelazzjoni hi wkoll verità li trid tiftiehem ukoll fid-dawl tar-raġuni tal-bniedem. Hu biss dan il-fatt li jippermettilna infissru eżatt ir-relazzjoni bejn il-verità rivelata u t-tagħrif filosofiku. Irridu għalhekk l-ewwel inqisu r-relazzjonijiet li kien hemm tul il-mijiet tas-snin bejn il-fidi u l-filosofija u hekk inkunu nistgħu noħorġu ċerti prinċipji li ninqdew bihom bħala riferenza aħna u nippruvaw insibu r-relazzjoni li hemm bejn dawn iż-żewġ ordnijiet ta’ l-għarfien.

 

Ir-raba’ Kap

 

IR-RELAZZJONI BEJN FIDI U RAĠUNI

Mumenti importanti fil-laqgħa tal-fidi mar-raġuni

 

Kif juru l-Atti ta’ l-Appostli, it-tħabbira nisranija sa mill-bidu ġiet f’kuntatt mal-filosofija ta’ dak iż-żmien. L-istess ktieb isemmi d-diskussjoni li kellu San Pawl f’Ateni “ma’ filosofi Epikurej u Stojċi” (17, 18). L-eseġesi tad-diskors fl-Arjopagu turi kemm kien hemm riferenzi għall-fehmiet popolari, ħafna minnhom ħerġin mill-istojċiżmu. Dan ma ġarax kumbinazzjoni. L-ewwel insara, jekk riedu li l-pagani jifhmuhom sewwa, fit-tħabbir tagħhom ma setgħux isemmu biss “lil Mosѐ u l-profeti” lil dawk li kienu jisimhuhom; kellhom ukoll isemmu l-għarfien naturali ta’ Alla u leħen il-kuxjenza morali ta’ kull bniedem (ara Rum 1, 19-21; 2,14-15; Atti 14, 16-17). Iżda għaliex dan l-għarfien naturali ta’ Alla fir-reliġjon tal-pagani waqa’ fl-idolatrija (ara Rum 1, 21-32). San Pawl għaraf li aħjar jorbot ix-xandir tiegħu mal-ħsieb tal-filosofi li sa mill-bidu kienu kontra l-ħrejjef u l-kulti misteriċi u kellhom fehmiet ta’ rispett mill-aqwa’ għat-traxxendenza tad-divinità.

Ħsieb ewlieni tal-filosofi klassiċi kien dak li jsaffu l-fehma tal-bniedem dwar Alla minn kull sura mitoloġika. Hu magħruf minn kulħadd li r-reliġjon griega wkoll, l-istess bħal ħafna reliġjonijiet kosmiċi, kienet tħaddan il-politeiżmu u waslet biex tagħmel allat kull ħaġa u kull ġrajja naturali. L-isforz tal-bniedem biex ikun jaf x’kien il-bidu ta’ l-allat u għalhekk ukoll il-bidu fihom ta’ l-univers, ġie l-ewwel imfisser fil-poeżija. Fiha sa llum għandha l-ewwel xhieda ta’ riċerka tal-bniedem dwar il-bidu ta’ l-allat. Dmir missirijiet il-filosofija kien dak li juru rabta bejn ir-raġuni u r-reliġjon. Huma żviluppaw dak li bih intebħu u fissruh fi prinċipji universali, ma aċċettawx aktar il-ħrejjef ta’ l-antiki, imma riedu li t-twemmin tagħhom fid-divinità jkun mibni fuq ir-raġuni. U hekk beda l-mixi ′l quddiem, twarrbu t-tradizzjonijiet partikulari antiki, u beda żvilupp jaqbel ma’ dak li titlob ir-raġuni universali. L-għan ta’ dan l-iżvilupp kien għarfien kritiku ta’ dak li kien jitwemmen. L-ewwel valur li nkiseb f’din il-mixja kien il-fehma tad-divinità. Is-superstizzjonijiet ġew magħrufa bħala dak li verament kienu, u r-reliġjon, almenu xi ftit, ġiet imsoffija bil-kelma tar-raġuni. Fuq il-bażi ta’ dan, Missirijiet il-Knisja bdew diskussjoni mal-filosofi antiki li tat kotra ta’ frott, għax fetħet it-triq għat-tħabbira u l-għarfien ta’ Alla fi Kristu Ġesù.

Jiena u nfakkar il-moviment li bih l-insara resqu lejn il-filosofija, inħoss li għandi nfakkar b’liema attenzjoni l-insara kienu jħarsu lejn aspetti oħra tal-kultura pagana bħal ma kienet, biex insemmi eżempju, id-duttrina “njostika”. Il-filosofija bħala għerf fil-prattika hi skola tal-ħajja. Kienet ħaġa faċli tħallat il-filosofija bħala għerf fil-prattika ta’ l-iskola tal-ħajja, ma’ għerf ta’ natura superjuri, misterjuża, riservata għal ftit magħżulin. Żgur San Pawl ħaseb f’dawn l-ispekulazzjonijiet misterjużi meta lill-Kolossin wissiehom: “Qisu li ħadd ma jassarkom b’filosofija u kliem qarrieq u fieragħ skond dak li hu ġej mill-bnedmin skond il-prinċipji tad-dinja u mhux ta’ Kristu” ( Kol 2, 8). Kemm jgħodd għal żmienna dan il-kliem ta’ l-Appostlu, jekk napplikawh għal dawk il-ħafna suriet ta’ duttrina, li llum ukoll huma mxerrdin fost xi nsara, għaliex neqsin minn sens kritiku. Kittieba oħra ta’ l-ewwel mitt sena fosthom San Irinew u Tertulljan mxew fuq il-passi ta’ San Pawl u malajr wissew dwar fehmiet kulturali li riedu jissottomettu lill-verità tar-Rivelazzjoni għal tifsir filosofiku.

Il-laqgħa tal-Krisjaneżmu mal-filosofija ma kienitx minnufih u lanqas ħafifa. L-ewwel insara kienu jqisu l-użu tal-filosofija u l-attendenza fl-iskejjel filosofiċi aktar ta’ tfixkil milli ta’ ġid. L-ewwel dmir u l-aktar urġenti li kellhom, kien it-tħabbira ta’ Kristu rxoxt, tħabbira li kellha ssir direttament lil kull bniedem, biex jasal għall-konversjoni u jitlob il-magħmudija. Iżda dan ma jfissirx li ma kellhomx ikunu jafu x’inhi l-fidi u x’inhuma r-raġunijiet għaliha. Proprju l-kuntrarju. Għalhekk il-kritika ta’ Ċelsu li jakkuża lill-insara bħala nies “injoranti u bla edukazzjoni” kienet inġusta u bla bażi.[31] Ir-raġuni tan-nuqqas ta’ nteress fil-filosofija fil-bidu, irridu nfittxuha band’oħra. Fil-fatt, l-Evanġelju kien qed jagħti tweġiba sodisfaċenti għall- mistoqsija dwar is-sens tal-ħajja,li sa dak iż-żmien kienet għada bla tweġiba … tant li bdew jaħsbu li ma kienx hemm għalfejn aktar jistaqsu lill-filosofi dwar is-sens tal-ħajja: il-mistoqsija kien għadda żmienha u ma kienitx meħtieġa aktar.

Dan illum jidher aktar ċar jekk inqisu l-kontribut mogħti mill-Kristjaneżmu biex kulħadd ikollu d-dritt jikseb il-verità. Il-Kristjaneżmu ġarraf il-ħitan li kienu jifirdu minn xulxin razez, qagħdiet soċjali, nisa u rġiel, u mill-bidu ħabbar li l-bnedmin kienu kollha ndaqs quddiem Alla. L-ewwel konsegwenza ta’ dan il-ħsieb ġiet tapplika għall-verità. Twarbet għal kollox il-fehma ta’ l-antiki li tgħid li l-verità kienet biss privileġġ ta’ dawk li għandhom post għoli fis-soċjetà. Għaliex l-akkwist tal-verità hu ġid li jwassal għand Alla, hi ħaġa ċara li din it-triq għandha tkun miftuħa għal kulħadd. Hemm ħafna triqat li jwasslu għall-verità, iżda għax il-verità nisranija għandha qawwa għas-salvazzjoni, minn kull waħda minn dawk it-triqat jista’ jgħaddi l-bniedem basta iwasslu għad-destin tiegħu, jiġifieri għar-rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu.

Bħala wieħed mill-priġunieri li riedu jġibu ′l quddiem rabta posittiva mal-filosofija, għalkemm bi spirtu ta’ dixxerniment għaqli, kien hemm San Ġustinu, li għalkemm wera stima kbira għall-filosofija griega, ukoll wara li kkonverta, bil-qawwa kollha stqarr b’mod l-aktar ċar li fil-Kristjaneżmu biss hemm “filosofija waħdanija ċerta li tagħti frott”.[32] Hekk ukoll Klement ta’ Lixandra sejjaħ l-Evanġelju “filosofija vera”,[33] u fisser il-filosofija, l-istess bħal ta’ Mosѐ, bħala fit-triq li twassal għall-fidi nisranija,[34] u bħala tħejjija għall-Evanġelju.[35] Għaliex “il-filosofija hi ħerqana għal dak il-għerf li jagħti tjieba lir-ruħ u lill-kliem u jwassal għas-safa fil-ħajja, għandha dispożizzjoni tajba biex tikseb l-għerf u tagħmel kull ma tista’ biex tiksbu. Fostna nsejħu filosofi dawk li jħobbu l-għerf, li joħloq u jgħallem kollox, jiġifieri l-għarfien ta’ Bin Alla,”[36] L-ewwel għan tal-filosofija griega skond Klement ta’ Lixandra m’huwiex dak li ttejjeb u ssaħħaħ il-verità nisranija; l-għan ewlieni hu aktar dak li tiddefendi l-Fidi; “Id-duttrina tal-Feddej, għax hi qawwa ta’ Alla u għerf ta’ Alla hi perfetta u ma teħtieġ ebda għajnuna. Il-filosofija griega bil-kotribut ma tagħmilx il-verità aktar vera iżda tagħmel bla saħħa l-argumenti tas-sofisti u żżarma it-theddid qarrieqi kontra l-verità: bir-raġun kollu titqies bħala ħajt tajjeb li jħares id-dielja.”[37]

Fl-istorja ta’ dan il-proċess, nistgħu naraw kif użaw b’mod kritiku il-fehmiet filosofiċi l-għorrief insara. Fost dawn l-ewwel għorrief, żgur kellu tifsir kbir Origene. Kontra l-attakki tal-filosofu Ċelsu, Origene bl-argumenti u t-tweġib tiegħu għamel użu/ tal-filosofija Platonika. Huwa u juża mhux ftit elementi tal-filosofija ta’ P/latone, Origene beda jfassal l-ewwel sura ta’ teoloġija nisranija. Il-kelma “teoloġija”, flimkien mal-fehma li t-teoloġija hi diskors fuq Alla skond ir-raġuni, minn dak iż-żmien kellha rabta mal-bidu grieg tagħha. Skond Aristotele, biex insemmi eżempju, l-isem ta’ teoloġija kien dak ta’ l-aktar parti nobbli u tal-quċċata tal-ħsieb filosofiku. Iżda bir-Rivelazzjoni nisranija dak li qabel kien ifisser duttrina ġenerika dwar in-natura ta’ l-allat, kiseb tifsir għal kollox ġdid: għax sar ir-riflessjoni ta’ min jemmen biex ifisser id-duttrina vera dwar Alla. Din il-fehma nisranija ġdida kienet tuża l-filosofija, iżda fl-istess waqt kienet qed tintgħażel sewwa minnha. L-istorja wrietna kif l-istess ħsieb Platoniku meta ttieħet għat-teoloġija ra tibdil sonstanzjali, l-aktar dwar ħsibijiet fuq l-immortalità tar-ruħ, id-divinizzazzjoni tal-bniedem u l-bidu tad-deni.

F’dan il-proċess, li bil-mod il-mod, wassal il-filosofija Platonika u Neoplatonika għall-Kristjaneżmu, kellhom sehem kbir il-Missirijiet tal-Kappadoċja, Djonisju, magħruf bħala l-Areopagita, u l-aktar Santu Wistin. Id-Duttur kbir tal-punent, iddjaloga ma’ ħafna skejjel filosofiċi, iżda kollha ma għoġbuhx. Meta mbagħad Santu Wistin għaraf il-verità nisranija ġietu l-qawwa meħtieġa għall-konverzjoni radikali tiegħu, li għaliha l-filosofi, li kien ilu jaf, ma rnexxilhomx iwassluh. Hu stess jgħid għaliex: “Minn dak iż-żmien bdejt inxaqleb iżjed lejn it-tagħlim kattoliku għax ħassejtu aktar meqjus u bla qerq, u ordnat għat-twemmin ta’ veritajiet li ma jagħtix provi tagħhom, sew jekk nistgħu nagħtu provi tagħhom, għallinqas xi whud minnhom, u sew jekk le. Iżda l-Manikej bla ebda għaqal kienu jwegħdu l-għerf u jiddieħku bil-Fidi, biex imbagħad iġagħlu ′l min jemmen f’ħafna ħrejjef tassew taċ-ċajt li huma qatt ma seħħilhom jippruvaw”.[38]

Għalkemm kien juri preferenza għall-filosofi platoniċi kien iċanfarhom għaliex kienu jafu x’kien l-għan li riedu jilħqu iżda ma kinux jafu t-triq li twassalhom għalih, jiġifieri l-Verb magħmul bniedem.[39] L-isqof ta’ Ippona rnexxielu jikteb l-ewwel sintesi tal-ħsieb filosofu u teoloġiku fejn indaħal ukoll il-ħsieb kollu grieg u latin. Fih ukoll din l-għaqda ta’ l-għerf , mibni fuq il-ħsieb bibbliku, twettqet u ssaħħet bi ħsieb spekulattiv tassew għoli. Is-sintesi li għamel Santu Wistin għall-mijiet ta’ snin tqieset bħala l-ogħla sura ta’ spekulazzjoni filosofika u teoloġika tad-dinja tal-punent. Imqawwi mill-ġrajjiet ta’ ħajtu u mwettaq mil-ispirtu tal-qdusija, Santu Wistin sata’ wkoll fil-kitba tiegħu jitkellem fuq ħafna argumenti li mill-esperjenza tiegħu stess setgħu jagħtu bidu għall-iżviluppi f’ħafna oqsma tal-filosofija tal-ġejjieni.

Kieku ħafna suriet li bihom Missirijiet il-Knisja tal-lvant u tal-punent resqu lejn l-iskejjel filosofiċi. Dan ma jfissirx li qiesu t-tħabbira ta’ l-Evanġelju l-istess bħas-sistemi filosofiċi li kienu jħaddnu. Il-mistoqsija ta’ Tertulljan: “X’għandhom flimkien Ateni u Ġerusalemm? L-Akkademja u l-Knisja?”[40] turi b’liema spirtu kritiku sa mill-bidu l-kittieba nsara qisu r-relazzjoni bejn il-fidi u l-filosofija, huma u jqisu fl-istess waqt kemm is-siwi u kemm il-limiti ta’ din ir-relazzjoni. Ma kinux neqsin mill-għaqal. Għaliex kienu jgħixu l-fidi b’intensità liema bħalha, kienu jafu li setgħu jilħqu l-ogħla grad ta’ l-ispekulazzjoni. Għalhekk m’hijiex ħaġa sewwa tqies il-ħidma tagħhom biss bħala ħidma biex idaħħlu l-veritajiet tal-fidi f’kategoriji filosofiċi. Anzi għamlu wisq aktar minn hekk. Irnexxilhom joħorġu fil-beraħ dak kollu li kien għadu impliċitu u preliminari fil-ħsieb tal-filosofi tal-qedem.[41] Huma kellhom, kif għedt, id-dmir li juru kif il-moħħ, ħieles minn kull xkiel estern, sata joħroġ mill-isqaqijiet tal-mitoloġija u jnfetaħ b’mod aktar adatt għal dak li hu traxxendenti. Ir-raġuni, safja u ġusta, setgħet titla’ lejn gradi aktar għoljin ta’ riflessjoni u toħloq pedament għall-għarfien ta’ l-esseri, ta’ dak li hu traxxendenti, ta’ dak li hu assolut.

Hawn naraw l-oriġinalità li ħolqu Missirijiet il-Knisja. Aċċettaw lir-raġuni miftuħa fil-milja kollha tagħha għal dak li hu assolut u daħħlu fiha l-għana kollu tar-Rivelazzjoni. Il-laqgħa saret mhux biss fil-livell tal-kulturi li minnhom waħda forsi ssaħħret mill-oħra, imma seħħet ukoll fil-fond ta’ l-ispirtu tal-bniedem f’laqgħa ta’ kreatura mal-Ħallieq. Ir-raġuni marret mingħajr ma ntebħet ′l hemm mill-għan li kellha min-natura tagħha, u setgħet tilħaq l-ogħla ġid u l-ogħla verità fil-persuna tal-Verb magħmul bniedem. Fejn jidħlu l-filosofi, Missirijiet il-Knisja ma beżgħux jagħrfu kemm id-differenzi u kemm il-qbil ta’ dawn il-filosofi mar-Rivelazzjoni. L-għarfien ta’ dan il-qbil ma waslithomx biex ma jarax id-differenzi wkoll.

Fit-teoloġija skolastika il-ħidma tar-raġuni mħarrġa fil-filosofija saret aktar magħrufa permezz tat-tifsir li ta San Anselmu dwar x’inhu l-intellectus fidei. Skond L-Arċisqof qaddis ta’ Canterbury il-primat tal-fidi ma għandux imur kontra ir-riċerka li hi proprju tar-raġuni. Dan għax ir-raġuni m’hijiex imsejħa biex tagħti ġudizzju fuq xi materja tal-fidi: dan ma tistax tagħmlu għaliex m’hijiex qiegħda għalhekk. Il-ħidma tar-raġuni hi aktar dik li tagħti tifsir u ssib għaliex il-bnedmin kollha jaslu għal xi sura ta’ għarfien tat-tagħlim tal-Fidi. San Anselmu jinsisti li l-intellett hu fid-dmir jistħarreġ kull ma jħobb; aktar ma jħobb, aktar jixtieq jaf. Min jgħix għall-verità jinġibed lejn sura ta’ għarfien li jkebbsu dejjem aktar b’imħabba għal dak li jsir jaf, għalkemm ikollu jammetti li ma għamilx kull ma xtaq jagħmel: “Biex narak, ġejt maħluq, iżda għad ma għamiltx dak li għalih ġejt maħluq.”[42]Ix-xewqa għall-verità mela timbotta lir-raġuni biex timxi aktar ′l quddiem, anzi r-raġuni tintrebaħ mill-għarfien tal-ħila li għandha, li hi dejjem aqwa minn dak li tikseb. Iżda issa u f’dan il-waqt ir-raġuni tista’ tara sa fejn se tasal il-mixja tagħha: “Jien jidhirli li min jistħarreġ xi verità li ma tistax tiftiehem ikun biżżejjed għalih jekk bir-raġuni tiegħu jasal biex jagħraf b’xi mod x’inhi … għalkemm ma jifhimhiex … Iżda x’hemm hekk ma jiftihemx,hekk ineffabbli daqs dak li hu ′l fuq minn kull ħaġa?” Għalhekk jekk dak li sa issa ntqal fuq dan l-Esseri suprem skond ir-raġuni, għalkemm l-intellett ma jistax jifhmu u jfissru bil-kliem, dan ma jfissirx li hi bla ebda bażi ċ-ċertezza tiegħu. Jekk ir-riflessjoni tar-raġuni, li saret qabel, għarfet li ma jista’ qatt jiftiehem il-mod kif il-għerf suprem jaf x’jagħmel, min jista’ jasal biex ifisser kif dan l-għerf suprem jagħraf lilu nnifsu u li bniedem ma jaf xejn fuqu u bil-kemm jista’ jaf xi ħaġa żgħira?[43]

Hekk mill-ġdid titwettaq l-armonija fondamentali li hemm bejn dak li jingħaraf bil-filosofija u dak li jingħaraf bil-fidi: il-fidi titlob li l-oġġett tagħha jiftiehem bl-għajnuna tar-raġuni: ir-raġuni, hija u tilħaq il-qofol tar-riċerka tagħha, trid tammetti li ma tistax tgħaddi mingħajr dak li tagħtiha l-fidi.

L-oriġinalità tal-fehmiet ta’ San Tumas ta’ Aquino tibqa’ dejjem

 

Hemm riservat post speċjali għal San Tumas b’din im-mixja twila, mhux biss imħabba dak li hemm fit-tagħlim tiegħu, imma wkoll minħabba d-djalogu li għaraf jagħmel mat-tagħlim Għarbi u Lhudi ta’ żmienu. F’dak iż-żmien li fih l-istudjużi nsara kienu qed jiskopru t-teżori tal-filosofija antika, u l-aktar tal-filosofija ta’ Aristotele, San Tumas kiseb mertu kbir meta wera l-armonija li hemm bejn ir-raġuni u l-Fidi. Id-dawl, kemm tal-Fidi u kemm tar-raġuni, ġejjin minn għand Alla, jargumenta San Tumas, mela ma jistgħux ikunu kontra xulxin.[44]

San Tumas b’mod l-aktar radicali għaraf li n-natura, l-oġġett proprju tal-filosofija, tista’ tgħin biex wieħed jifhem ir-Rivelazzjoni ta’ Alla. Il-fidi għalhekk ma tibżax mir-raġuni imma tfittixha u tafda fiha. Kif il-grazzja tibni fuq in-natura u twassalha għall-perfezzjoni,[45] hekk il-fidi ssostni r-raġuni u twassalha għall-perfezzjoni. Ir-raġuni, imdawla mill-fidi, teħles mid-dgħufija u l-limiti tagħha, li ġejjin mid-diżubbidjenza tad-dnub, issib il-qawwa meħtieġa biex togħla lejn l-għarfien tal-Misteru ta’ Alla wieħed li Tliet Persuni. Waqt li bil-qawwa kollha San Tumas wera n-natura soprannaturali tal-fidi, ma nesiex il-valur tar-raġuni, anzi għaraf jinżel fil-fond u jfisser u wera sa fejn jasal l-għerf li twassal għalih ir-raġuni. Il-fidi b’xi mod hi “eżerċizzju ta’ ħsieb”; ir-raġuni tal-bniedem ma titwarrabx, ma tiddgħajjifx, meta taċċetta l-veritajiet tal-fidi; iżda dawn il-veritajiet naslu għalihom permezz ta’ għażla ħielsa u konxja.[46]

Minħabba f’hekk, bir-raġun kollu, San Tumas tqies mill-Knisja mgħallem tal-ħsieb u eżempju ta’ kif għandha tiġi żviluppata t-teoloġija. F’dan jgħinna dak li kiteb il-Papa ta’ qabli, u serv ta’ Alla Pawlu VI, fl-okkażjoni tas-seba’ mitt sena tal-mewt ta’ San Tumas: bla dubju ta’ xejn kbar f’San Tumas kienu l-kuraġġ li kellu tal-verità u l-mod ħieles kif iddiskuta problemi ġodda, l-onestà intellettwali li wasslitu biex ma jħallix it-tagħlim nisrani jitniġġes la minn filosofija profana u lanqas minn ċaħdiet u preġudizzji ġejjin minnha. Għalhekk fl-istorja tat-tagħlim nisrani, ismu jingħad ma’ pijonjieri li ħejjew it-triq ġdida għall-filosofija u għall-kultura universali. Imżejjen kif kien bi ħsieb mill-aktar fin u bi ħsieb ta’ profeta, il-qofol u kważi l-għerq tas-soluzzjoni tal-problema bejn ir-raġuni u l-fidi, kienet dik li għaraf jgħaqqad is-sekularità tad-dinja mar-radikalità ta’ l-Evanġelju, mingħajr ma wassal għaċ-ċaħda, kontra n-natura, tad-dinja u tal-valur tagħha, mingħajr ma tbiegħed mill-prinċipji ewlenin ta’ l-ordni soprannaturali, li ma jistgħu qatt jiġu mwarrbin.

Fost il-fehmiet ewlenin li bihom intebaħ San Tumas hemm dik dwar il-missjoni li jagħmel l-Ispirtu s-Santu meta jwassal għall-għerf ix-xjenza tal-bniedem. Mill-ewwel paġni tas-Summa Theologiae,[47] San Tumas ried juri l-primat ta’ dak l-għerf li hu don ta’ l-Ispirtu s-Santu u li jwassal għall-għarfien tal-veritajiet divini. It-teoloġija tiegħu tgħinna nifhmu s-sura speċjali ta’ l-għerf fir-rabta mal-fidi u ma’ l-għarfien ta’ Alla. L-għerf dan jafu naturalment, jissoponi il-fidi u jasal biex ifassal ġudizzju veru, bażat fuq il-verità ta’ l-istess fidi … l-għerf bħala don mhux l-istess bħall-għerf li jinkiseb bil-ħila tal-ħsieb. Dan jinkiseb bit-tħabrik tal-bniedem, dak jiġi minn fuq kif jgħid San Ġakbu (3, 15). Hekk ukoll jintgħażel mill-fidi, għax il-fidi taċċetta il-verità ta’ Alla kif inhi fiha nfisha, iżda l-ġudizzju li hu skond il-verità ta’ Alla hu don ta’ l-għerf.[48]

Iżda l-primat ta’ dan l-għerf ma jwassalx lil San Tumas biex jinsa żewġ suriet oħra komplimentari ta’ l-għerf … l-għerf filosofiku ibbażat fuq il-ħila ta’ l-intellett li tistħarreġ ir-realtà minkejja l-limiti tagħha; u l-għerf teoloġiku bażat fuq ir-rivelazzjoni li jistħarreġ il-veritajiet tal-fidi u jasal sal-misteru ta’ Alla.

Konvint kif kien li “kull verità, tingħad minn min tingħad, tiġi mill-Ispirtu s-Santu”,[49] San Tumas ma kellux preferenzi quddiem il-verità. Fittixha kull fejn sata’ jsibha, u wera sewwa l-universalità tagħha. Il-Maġisteru tal-Knisja għaraf fih u stima l-ħerqa tiegħu għall-verità; il-ħsieb tiegħu, għax qatt ma tbiegħed mill-verità universali, oġġettiva u traxxendenti, laħaq qċaċet “li l-intelliġenza tal-bniedem qatt ma kienet taħseb li kellha l-ħila tilħaq”.[50] Bir-raġun kollu mela jista’ jissejjaħ “appostlu tal-verità”,[51] għaliex fittex il-verità mingħajr qatt ma ddubita fiha, għaraf jara t-tifsir oġġettiv tagħha, u l-filosofija tiegħu ma kinitx il-filosofija “ta’ dak li jidher”, imma l-filosofija “ta’ dak li hu”.[52]

It-traġedja tal-firda bejn fidi u raġuni

Mal-bidu ta’ l-universitajiet it-teoloġija ltaqgħet b’mod aktar dirett ma’ suriet oħra ta’ riċerka u ta’ għerf xjentifiku. San Albertu l-Kbir u San Tumas, għalkemm kienu tal-fehma li hemm rabta organika bejn il-fidi u t-teoloġija, kienu l-ewwel li għarfu li l-filosofija u x-xjenzi jeħtieġu l-awtonomija tagħhom, biex ikunu jistgħu jagħmlu riċerka xierqa fl-oqsma proprja tagħhom. Iżda qrib it-tmiem taż-Żminijiet tan-Nofs l-għażla bejn dawn iż-żewġ suriet ta’ għerf tant kibret li saret oppożizzjoni. Minħabba r-razzjonaliżmu esaġerat ta’ xi għorrief, l-opposizzjoni saret aktar radikali u nibtet filosofija mifruda mill-veritajiet tal-fidi u indipendenti għal kollox minnha. Fost il-ħafna konsegwenzi ta’ din il-firda, kien hemm ukoll nuqqas ta’ fiduċja kbira dejjem tiżdied fl-istess raġuni tal-bniedem. Xi wħud, bi spirtu ta’ xettiċiżmu u ta’ anjostiċiżmu bdew juru nuqqas ta’ fiduċja f’kollox, waqt li xi wħud jiċċentraw ħsiebhom aktar fuq il-fidi u oħrajn waslu biex jiċħdu l-istess raġuni.

Fi ftit kliem, dak li għallmu Missirijiet il-Knisja u l-għorrief taż-Żminijiet tan-Nofs, kisbu għaqda kemm fit-teorija u kemm fil-prattika u ħolqu tagħrif kapaċi jilħaq l-ogħla gradi ta’ l-ispekulazzjoni, ġie meqrud mis-sistemi fejn it-tagħrif miksub mir-raġuni tqies mifrud mill-fidi u ħa postha.

Dawk il-fehmiet radikali l-aktar importanti huma magħrufin sewwa u jidhru sewwa l-aktar fl-istorja tal-punent. M’aħniex nesaġeraw jekk ngħidu li f’dawn l-aħħar żminijiet partikolarment mill-ħsieb filosofiku dejjem aktar bil-mod il-mod infirdet ir-Rivelazzjoni nisranija u sa kemm waslet biex tkun apertament kuntrarja għaliha. Dan laħaq il-qofol tiegħu fis-seklu qabel dan. Xi wħud minn dawk li ħaddnu l-“idealiżmu” b’ħafna manjeri ppruvaw jibdlu l-fidi u l-elementi kollha tagħha u wkoll il-misteri tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet billi tawhom strutturi djalettiċi li r-raġuni tifhimhom weħedha. Kontra dan il-ħsieb ħarġu ħafna suriet ta’ umaniżmu ateu, mfissra b’termini filosofiċi, li qisu l-fidi bħala tfixkil għall-ħsieb u ta’ ħsara għall-iżvilupp sħiħ tar-raġuni. Ma beżgħux jidhru bħala reliġjonijiet ġodda, bħala bażi ta’ proġetti, li fuq livell politiku u soċjali, taw bidu għal sistemi totalitarji li kienu diżastru għall-umanità.

Fir-riċerka xjentifika iddominat mentalità pożitivistika li mhux biss twarbet minn kul tifsira nisranija tad-dinja, imma wkoll, u l-aktar, ħalliet taqa’ kull referenza għall-metafisika u morali. Għalhekk ġara li xi xjenzjati, neqsin minn mentalità etika, waqgħu fil-periklu li ma jħallux aktar fiċ-ċentru ta’ riċerka tagħhom il-persuna u l-ħajja kollha tagħha. Anzi xi wħud minnhom, għax għarfu l-progress kollu li sar fit-teknoloġija , dehru mhux biss jaċċettaw il-loġika tas-suq, imma waslu biex jaraw xi setgħa divina fin-natura u fil-bniedem innifsu.

Bħala konsegwenza ta’ din il-kriżi tar-razzjonaliżmu, żdiet in-nikiliżmu. Bħala filosofija tax-xejn kellha l-ħila li tħajjar in-nies ta’ żmienna. Dawna jaħsbu li r-riċerka hi għan fiha nnifisha, bla ebda tama li xi darba tista’ tasal biex tikseb il-verità. Fil-fehma tan-nikilisti l-eżistenza m’hijiex ħlief ġabra ta’ sentimenti u ta’ esperjenzi fejn l-aktar affarijiet importanti huma dawk li jgħaddu u jintemmu. Minn nikiliżmu ħarġet il-fehma li ebda mpenn ma jista’ qatt ikun definittiv għax kollox hu biss għal xi żmien u malajr jispiċċa fix-xejn.

Imbagħad ma għandniex ninsew li fil-kultura filosofika ta’ llum saret bidla. Il-filosofija m’għadhiex dak li kienet, ma għadhiex għerf u tagħrif universali, imma bil-mod il-mod saret waħda mill-ħafna oqsma ta’ tagħrif tal-bniedem; anzi, għal xi wħud, minħabba xi raġunijiet , hi meqjusa li għandha ħidma għal kollox sekondarja. Intant żdiedu dejjem aktar suriet oħra ta’ razzjonaliżmu li komplew jagħtu importanza mill-inqas lill-filosofija. Flok riċerka dwar il-verità, dwar l-għan finali tal-bniedem u s-sens tal-ħajja, is-suriet ta’ dan ir-razzjonaliżmu fittxew – jew ħasbu li jistgħu ifittxu – “raġunijiet strumentali” li jkunu ta’siwi għat-tkabbir tal-pjaċir u s-setgħa.

Kemm hi perikoluża din it-triq urejtu fl-ewwel enċiklika tiegħi meta ktibt: “Il-bniedem ta’ żmienna jidher mhedded minn dak li jagħmel, jiġifieri mill-frott ta’ għemilu, u aktar u aktar mill-ħidma ta’ moħħu u mill-ġibdiet tar-rieda tiegħu. Din il-ħidma kollha malajr u spiss, mingħajr qatt ma wieħed kien jobsor, tagħti u ġġib “aljenazzjoni” fis-sens li mhux biss tittieħed mingħand min għamilha, imma aktarx iddur kontra tiegħu, almenu fil-konsegwenzi indiretti ta’ l-effetti tagħha. Hi kontra tiegħu jew tista’ tiġi mdawwra kontra tiegħu. Din tidher li hi l-parti ewlenija tat-traġedja tal-ħajja tal-bniedem ta’ llum fid-dimensjoni l-aktar wiesgħa u universali tagħha. Il-bniedem għalhekk jgħix fil-biża’. Jibda minn dak li qed jipproduċi, – mhux minn kollox jew minn ħafna minnu, imma minn parti minnu, minn dak li għandu fih sehem speċjali tal-ġenju u l-iniżjattiva tiegħu. Din tista’ ddur kontrih.”[53]

Xi filosofi, minħabba dan it-tibdil fil-fehmiet, ma baqgħux ifittxu x’inhi l-verità iżda biss fittxew li jiksbu ċertezza oġġettiva u siwi fil-prattika tar-realtà. Ġara li b’hekk iddalmet id-dinjità vera tar-raġuni għax ma għandhiex aktar is-setgħa li tagħraf il-verità u tilħaq dak li hu l-assolut.

Dak li l-aktar jidher f’din l-istorja qasira tal-filosofija hi firda dejjem akbar bejn il-fidi u r-raġuni. Veru li, għal min irid iqis sewwa l-ħaġa, fil-ħsieb filosofiku ta’ dawk li għenu biex ibegħdu dejjem aktar il-Fidi u r-raġuni minn xulxin, ta’ kull tant tiltaqa’ ma’ ħsibijiet jiswew ħafna li setgħu jwasslu għal ksib tal-verità kieku fittxew u żviluppaw xi ħsibijiet tagħhom b’fehma u b’qalb sinċiera. Dawn il-ħsibijiet jistgħu jinsabu, biex insemmi xi eżempji, fl-analisi penetranti ta’ dak li wieħed jara jew għandu l-esperjenza tiegħu, ta’ dak li jimmaġina u ta’ dak li jħoss fih bla ma jaf x’inhu, tal-personalità u s-suġġettività proprja, tal-libertà u l-valuri, fiż-żmien u l-istorja. Il-problema tal-mewt ukoll tista’ timpenja xi filosofu b’serjetà kbira, biex jagħraf fih innifsu it-tifsir veru ta’ ħajtu. Iżda dan ma jfissirx li r-rabta bejn il-fidi u r-raġuni ma teħtieġx li tkun studjata sewwa, għax il-fidi u r-raġuni mingħajr xulxin huma mfaqqra u mdgħajfa. Ir-raġuni mċaħda minn dak li toffri r-Rivelazzjoni taqbad triq mgħawwġa li twassalha għall-periklu li ma tarx x’inhu l-għan finali tagħha. Il-fidi, mingħajr ir-raġuni, tfittex tagħti importanza lis-sentimenti, l-esperjenzi u tista’ ma tibqax fehma universali. Hu żball taħseb li l-fidi, quddiem raġuni dgħajfa, tiswa aktar; għall-kuntrarju ssib ruħha f’periklu kbir li ssir mitoloġija u superstizzjoni. Hekk ukoll ir-raġuni bl-ebda rabta ma’ fidi soda, ma tasalx biex tara dak li hu ġdid u radikali.

Hu għalhekk qed nagħmel dan l-appell qawwi u insistenti u li mhux barra minn żmienu – biex il-fidi u l-filosofija jerġgħu jsibu dik l-għaqda sħiħa li tkun taqbel man-natura tagħhom, mingħajr ma thedded l-awtonomija tal-waħda u ta’ l-oħra. Il-parrhesia tal-fidi trid taqbel mal-qawwa tar-raġuni.

 

 

Il-Ħames Kap

 

L-INDĦIL TAL-MAĠISTERU FI KWISTJONIJIET FILOSOFIĊI

 

Id-dixxerniment għaqli tal-Maġisteru bħala servizz lejn il-verità

 

Il-Knisja m’għandiex il-filosofija proprja tagħha lanqas tagħżel xi sistema filosofika bi preferenza għal sistemi oħrajn.[54] Ir-raġuni ta’ din il-politika tinsab fil-fatt li l-filosofija, ukoll fir-relazzjoni tagħha mat-teoloġija, taħdem skond il-prinċipji u r-regolamenti tagħha; mod ieħor, ma jkunx hemm garanzija li se tfittex il-verità u tiksibha bil-ħidma tar-raġuni. Tkun biss ta’ għajnuna żgħira filosofija li ma taqdix il-ħidma tagħha immexxija mir-raġuni skond il-prinċipji u l-metodi tagħha. Fl-aħħar mill-aħħar l-għerq ta’ l-awtonomija li tgawdi l-filosofija tinsab fil-fatt li r-raguni min-natura tagħha stess tfittex il-verità u biex tiksibha għandha l-mezzi kollha meħtieġa. Il-filosofija hija u tagħraf dak li hi fiha nfisha ma tistax ma tagħrafx u ma taċċettax dak li titlob fiha nnfisha l-verità rivelata.

Iżda l-istorja turi t-tgħawwiġ u l-iżbalji li, l-aktar f’dawn l-aħħar żminijiet, li fihom sabet ruħha l-filosofija aktar minn darba. La hi l-ħila u lanqas hu d-dmir tal-Maġisteru li jindaħal biex jimla l-vojt li jħallu n-nuqqasijiet ta’ xi filosofiji. Għall-kuntrarju, il-Maġisteru jrid jopponi bid-dieher u bil-qawwa kollha xi fehmiet filosofiċi dubbji li jkunu ta’ theddida għar-Rivelazzjoni, għax iwasslu biex tiftiehem ħażin jew għax jixxandru fehmiet qarrieqa u foloz, li jagħtu bidu għal żbalji serji u hekk iħawwdu s-sempliċità tal-poplu ta’ Alla u s-sinċerità tal-fidi tiegħu.

Il-Maġisteru tal-Knisja jista’ u hu fid-dmir jagħti, ġudizzju kritiku mdawwal mil-fidi, dwar fehmiet u opinjonijiet filosofiċi bl-awtorità kollha, meta jkunu kontra tagħlim nisrani.[55] Il-Maġisteru l-ewwelnett hu fid-dmir li jiġġudika liema prinċipji u konsegwenzi filosofiċi huma kontra l-verità rivelata , u wkoll x’teħtieġ il-filosofija mid-dawl tal-fidi. Barra dan, il-għerf filosofiku żviluppa ruħu f’ħafna skejjel ta’ ħsieb. Dawn il-ħafna skejjel jimponu fuq il-Maġisteru id-dmir li jagħti ġudizzju responsabbli dwar jekk il-prinċipji fondamentali ta’ dawn l-iskejjel jaqblux jew le ma’ dak li titlob il-Kelma ta’ Alla u t-teoloġija.

Il-Knisja hi fid-dmir li turi dak li f’xi sistema filosofika ma jkunx jaqbel mal-fidi. Ħafna opinjonijiet filosofiċi, bħalma huma l-fehmiet dwar Alla, il-bniedem, il-libertà tiegħu, l-imġiba morali tiegħu, iġiegħelu l-Knisja tindaħal meta jolqtu l-verità rivelata li l-Knisja hi fid-dmir li tħares. Meta nagħmel dan id-dixxerniment aħna l-Isqfijiet irridu nkunu “xhieda tal-verità”, aħna u naqdu servizz umli u sod, li kull filosofija għandha tapprezza, għax hu servizz favur ir- recta ratio” jiġifieri r-raġuni li b’mod xieraq taħseb fuq dak li hu veru.

Dan il-ġudizzju m’għandux l-ewwelnet jiftiehem b’mod negattiv, bħallikieku l-Maġisteru ried inaqqas jew iwarrab xi medjazzjoni. Anzi l-eżortazzjonijiet tal-Maġisteru jrid l-ewwelnett iħajru, jġibu ′l quddiem u jħeġġu fir-riċerka filosofika. Fl-aħħar mill-aħħar l-istess filosofi huma l-ewwel nies li jħossu l-ħtieġa li jiġu kritikati biex jikkoreġu xi żbalji tagħhom, u jwessgħu l-limiti dojoq iżżejjed li fihom żviluppa l-ħsieb filosofiku tagħhom. L-aktar ħaġa mportanti hi li l-verità hi waħda, għalkemm il-formulazzjoni tagħha hi skond l-istorja taż-żmien li tkun, u wkoll għaliex hi frott ta’ raġuni mdgħajfa u midruba mid-dnub. Għalhekk ebda sura storika tal-filosofija tista’ leġittimament tippretendi li tħaddan il-verità kollha kemm hi, u lanqas tista’ qatt tfisser għal kollox il-bniedem, id-dinja, u r-relazzjoni tal-bniedem ma’ Alla.

F’dawn iż-żminijiet tagħna, qed jiżdiedu s-sistemi, il-metodi, l-opinjonijiet u t-teżijiet filosofiċi spiss komplikati bil-ħafna partikolaritajiet tagħhom, aktar u aktar hu meħtieġ ġudizzju kritiku imdawwal mill-fidi. Hu ġudizzju mhux ħafif, għax meta ġa hi ħaġa tqila tagħraf sa fejn tasal ir-raġuni minnha nfisha u bil-fakultajiet kollha tagħha, barra mil-limitazzjonijiet naturali u storiċi, dejjem aktar jidher diffiċli l-ġudizzju dwar kull fehma filosofika, fuq dak li fid-dawl tal-fidi tidher ta’ siwi u ta’ ġid b’kotra ta’ frott, iżda li mingħajr id-dawl tal-fidi ma tkunx ħlief qerq u perikluża. Il-Knisja taf li fi Kristu hemm moħbija t-teżori ta’ l-għerf u tad-dehen (ara Kol 2, 3) għalhekk tindaħal biex ir-riċerka filosofika timxi ′l quddiem u ma talaqx it-triq li twassal għall-għarfien tal-misteru.

Mhux biss fiż-żminijiet qrib lejna li l-Maġisteru tal-Knisja wera l-fehma tiegħu dwar xi tagħlim filosofiku. Biex insemmi xi eżempju, biżżejjed infakkar xi dikjarazzjonijiet li saru tul iż-żminijiet dwar il-fehmiet ta’ dawk li kienu jsostnu li r-ruħ kienet teżisti qabel il-ħolqien tal-ġisem,[56] dwar il-ħafna suriet qarrieqa ta’ idolatrija u ta’ superstizzjoni esoteriċi li jsibu posthom fi spekulazzjonijiet astroloġiċi[57] u lanqas ma rridu ninsew id-dikjarazzjonijiet aktar sistematiċi kontra l-avveroiżmu latin li jmur kontra l-fidi nisranija.[58]

Jekk il-kelma tal-Maġisteru nstemgħet aktar ta’ spiss fis-seklu ta’ qabel dan, dan ġara għax f’dak iż-żmien mhux ftit kattoliċi deherilhom li dmirhom kien li jopponu bil-filosofija tagħhom il-fehmiet tal-filosofi moderni. Il-Maġisteru tal-Knisja kellu għalhekk jgħasses biex dan it-tagħlim filosofiku wkoll ma jiżloqx f’xi suriet qarrieqa u negattivi. Hu għalhekk li ġew ċċensurati l-fideiżmu[59] u tradizzjonaliżmu radikali[60] għax ma kinux jafdaw fil-kapaċitajiet naturali tar-raġuni; għalhekk ġew ċensurati r-razzjonaliżmu[61] u l-ontoloġiżmu,[62] għaliex taw lir-raġuni fakultajiet li jistgħu jingħarfu biss fid-dawl tal-fidi. It-tajjeb li ħareġ minn din id-diskussjoni nsibuh miġbur fil-Kostituzzjoni dommatika Dei Filius li għall-ewwel darba f’Konċilju ekumeniku, dak tal-Vatikan I, fisser bis-solennità kollha x’relazzjoni hemm bejn il-fidi u r-raġuni. It-tagħlim li hemm f’dan id-dokument sewa ta’ ġid kbir għal ħafna filosofi nsara, u għadu sa llum ta’ siwi mill-aqwa għal riflessjoni nisranija, ġusta u korretta f’dan il-qasam.

Il-Maġisteru aktar mill tkellem fuq xi liġi filosofika waħda, tkellem fuq il-ħtieġa ta’ tagħrif skond ir-raġuni u għalhekk fl-aħħar mill-aħħar tkellem fuq il-ħtieġa tal-filosofija għall-ħarsien tal-fidi. Il-Konċilju Vatikan I semma’ u wettaq bis-solennità kollha t-tagħlim li b’mod ordinarju l-Maġisteru pontifiċju dejjem ta lill-insara, u wera b’mod ċar sewwa kemm ma humiex mifrudin minn xulxin, imma jaqblu sewwa bejniethom l-għarfien naturali ta’ Alla u r-Rivelazzjoni, ir-raġuni u l-fidi. Il-Konċilju beda mill-prinċipju fondamentali, li r-Rivelazzjoni wkoll tissopponih, li l-eżistenza ta’ Alla tista’ tingħaraf naturalment bħala l-bidu u t-tmiem ta’ kollox[63] u temm kliemu b’dik id-dikjarazzjoni solenni li ġa semmejt: “Tnejn huma l-għejun ta’ l-għerf, u jingħażlu minn xulxin mhux biss mill-bidu tagħhom imma wkoll mill-oġġett tagħhom.”[64] Kontra kull sura ta’ razzjonaliżmu kien meħtieġ li jingħad illi l-misteri tal-fidi jridu jingħażlu minn dak li ssib fil-filosofija, għax il-fidi tiġi qabel il-filosofija u hi ′l fuq minnha. Iżda min-naħa l-oħra, kontra l-ħajriet tal-fideiżmu, kien meħtieġ li jingħad bil-qawwa kollha li l-verità hi waħda għalhekk jiswa wkoll il-kontribut li tista’ tagħti r-raġuni u fil-fatt tagħti lill-fidi. “Għalkemm il-fidi hi ′l fuq mir-raġuni, qatt ma jista’ jkun hemm firda vera bejn il-fidi u r-raġuni għaliex hu l-istess Alla li jirrivela l-misteru li tħabbar il-fidi u niżel fl-ispirtu tal-bniedem bid-dawl tar-raġuni. Alla ma jistax jiċħad lilu nnifsu u lanqas qatt jwassal biex verità tkun kontra l-verità.[65]

Fis-seklu tagħna wkoll, il-Maġisteru qanqal din il-kwistjoni u wissa kontra l-ħajriet tar-razzjonaliżmu. Fid-dawl ta’ dan irridu nqisu l-ħidma ta’ San Piju X li ntebaħ li pedament tal-moderniżmu kienu dawk il-fehmiet filosofiċi tal-fenomeniżmu ta’ l-anjostiċiżmu, u ta’ l-immanentiżmu.[66] Lanqas irridu ninsew il-piż u l-importanza taċ-ċaħda tal-kattoliċiżmu mill-filosofija marxista u mill-kommuniżmu bla Alla.[67]

Piju XII aktar tard samma’ leħnu fl-enċiklika Humani generis biex iwissi kontra fehmiet żbaljati, marbutin ma’ l-evoluzzjoniżmu, ma’ l-eżistenzjaliżmu u ma’ l-estoriċiżmu. Dan il-Papa għamilha ħaġa ċara li dawn il-fehmiet ma tfasslux u ma xxandrux mit-teoloġi, iżda nibtu “barra l-merħla ta’ Kristu”,[68] imma żied ukoll li dawn l-iżbalji ma hawnx biżżejjed li jiġu mwarrbin, iżda għandhom jiġu kritikati bil-għaqal kollu. “M’huwiex permess għall-filosofi u għat-teoloġi kattoliċi, li għandhom id-dmir li jħarsu l-verità divina u umana u jnissluha fi qlub il-bnedmin, li ma jagħtux każ u ma jqisux dawn l-opinjonijiet li ftit jew wisq jitbegħdu minn dak li hu veru. Anzi jeħtieġ li jkunu jafu sewwa dawn l-opinjonijiet kemm għax ma titfejjaqx marda li ma tkunx magħrufa sewwa, u kemm għax xi verità xi drabi tinsab moħbija f’dawn il-fehmiet foloz. U fl-aħħarnett ukoll għax dawn l-opinjonijiet iwasslu biex xi veritajiet filosofiċi u teoloġiċi jiġu mistħarġa aktar fil-fond u b’aktar ħerqa.”[69]

Fl-aħħarnett l-istess Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi hija u taqdi d-dmir proprju tagħha f’isem il-Maġisteru universali tal-Papa,[70] ħasset il-ħtieġa li twissi dwar il-perikli li fih jinsabu dawk li jħaddnu t-teoloġija tal-liberazzjoni meta jaċċettaw u meta ma jqisux prattikament fehmiet u metodi meħudin mill-marxiżmu.[71]

Fl-imgħoddi l-Maġisteru f’okkażjonijiet u f’suriet differenti ta repetutament ġudizzju kritiku fuq problemi filosofiċi. Dak li għamlu l-Papiet ta’ qabli kien kontribut ta’ siwi kbir li qatt ma għandu jintesa.

Jekk inqisu l-qagħda ta’ llum, naraw li qed jerġgħu jidhru l-kwistjonijiet ta’ l-imgħoddi iżda taħt suriet ġodda. M’humiex kwistjonijiet li llum jinteressaw biss xi individwi jew xi gruppi, imma huma fehmiet li qed jinxterdu sewwa fost in-nies, hekk li b’xi mod saru l-fehmiet ta’ kulħadd. Bħala eżempju nsemmi n-nuqqas ta’ fiduċja radikali fir-raġuni li qed jidher dan l-aħħar fl-iżvilupp ta’ ħafna riċerka filosofika. Minħabba f’dan, minn ħafna naħiet qed tinstema l-għajta li “l-metafika mietet” : din m’hijiex ħlief ix-xewqa li l-filosofija tikkuntenta ruħha biss bi kwistjonijiet inqas importanti, kwistjonijiet dwar ittifsir tal-fatti jew riċerka dwar oqsma limitati mill-mod kif jaħseb il-bniedem u kif dan isir.

Fit-teoloġija wkoll qed jerġgħu jidhru xi opinjonijiet ta’ l-imgħoddi. Biex insemmi xi eżempji, f’xi skejjel teoloġiċi ta’ żmienna qed jerġa’ jidher ċertu razzjonaliżmu, l-aktar meta xi opinjonijiet filosofiċi jitqiesu tajbin biex jirregolaw ir-riċerka teoloġika. Dan jiġri l-aktar meta t-teologu, nieqes mill-filosofija, mingħajr għaqal ta’ xejn jaċċetta fehmiet li saru llum parti mill-kultura u mid-diskors ta’ kulħadd, iżda mingħajr ma għandhom ebda bażi fir-raġuni.[72]

Lanqas huma neqsin tendenzi perikolużi favur il-fideiżmu, li ma jagħrfux l-qawwa tar-raġuni u tal-filosofija għall-għarfien tal-fidi, u wkoll għat-twemmin f’Alla. Sinjal imxerred sewwa ta’ dan il-fidelbiżmu hu l-Biliċiżmu li jqis il-qari tal-Bibbja u t-tifsir tagħha l-uniku kriterju tal-verità. B’dan il-mod, il-Kelma t’Alla qed tiġi identifikata biss ma’ l-Iskrittura, u għalhekk mhux meħtieġ it-tagħlim tal-Knisja, imwettaq mill-Konċilju Vatikan II. Wara li bil-Kostituzzjoni Dei Verbum fakkar li l-Kelma t’Alla tinsab fl-Iskrittura u fit-Tradizzjoni,[73] bil-qawwa kollha tenna “It-Tradizzjoni Mqaddsa u l-Iskrittura huma l-kelma waħda u qaddisa ta’ Alla fdata lill-Knisja. Il-poplu nisrani kollu, ħaġa waħda mar-rgħajja tiegħu, iħaddan din il-Kelma ta’ Alla u jżomm sħiħ fit-tagħlim ta’ l-Appostli, fil-qmis tal-ħobż u fit-talb” (ara Atti 2, 42).[74]Mela l-Knisja ma tagħmilx biss referenza għall-Iskrittura. “In-norma ewlenija tal-fidi tagħha”[75] tinsab fl-għaqda li l-Ispirtu s- Santu ried bejn it-Tradizzjoni, l-Iskrittura u l-Maġisteru tal-Knisja hekk li qatt ma jistgħu jinfirdu minn xulxin.[76]

Lanqas ma nistgħu ma nqisux sewwa l-periklu li jinsab fil-fehma li l-verità ta’ l-Iskrittura tista’ tinkiseb biss minn metodu wieħed, u ma tagħtix każ ta’ eseġesi aktar wiesgħa li flimkien mal-Knisja kollha tħallik tasal għall-għarfien sħiħ tat-test bibliku. Dawk kollha li huma dedikati għall-istudju ta’ l-Iskrittura għandhom iqisu li kull tifsir metodoloġiku hu bażat fuq xi opinjoni filosofika, u din il-bażi trid tiġi eżaminata sewwa qabel tiġi applikata għall-Kotba Mqaddsa.

Nistgħu niltaqgħu wkoll ma suriet oħra ta’ fideiżmu moħbi, bħal meta ma tiġix apprezzata it-teoloġija spekulativa u l-filosofija klassika hi disprezzata: bil-fehmiet tat-teoloġija spekulativa u tal-filosofija klassika saru l-formulazzjonijiet teoloġiċi. Piju XII kien wissa dwar din it-traskuraġni tat-tradizzjoni filosofika u dan it-twarrib tat-terminoloġija tradizzjonali.[77]

Fi ftit kliem, qed jidhru ħafna sinjali ta’ sfiduċja f’dikjarazzjonijiet ġenerali u assoluti l-aktar min-naħa ta’ dawk li jaħsbu illi l-verità tinkiseb l-aktar mill-kunsens u mhux mill-qbil bejn il-ħsieb u r-realtà oġġettiva. Veru li wieħed jista’ jifhem li f’dinja li għandha ħafna oqsma speċjalizzati, malajr tista’ tara kemm hu diffiċli tikseb u tammetti t-tifsir sħiħ u finali tal-ħajja, tifsir li tradizzjonalment hu l-iskop tal-filosofija. Iżda bid-dawl tal-fidi li fi Kristu Ġesù tara dan it-tifsir sħiħ u finali tal-ħajja, ma nistax ma nħeġġiġx il-ħafna filosofi, insara u m’humiex, biex jafdaw fil-qawwa tar-raġuni umana, u ma jillimitawx ruħhom għal għaniet li ftit għandhom importanza fil-filosofija tagħhom. F’dan il-millennju li wasal biex jintemm, l-istorja tixhdilna li din hi t-triq li minnha jeħtiġilna ngħaddu: ix-xewqa li tinkiseb il-verità finali u x-xewqa tar-riċerka ma jintilfux meta jingħaqdu flimkien biex bil-kuraġġ kollu jfittxu triqat ġodda. Hi l-fidi li tqanqal lir-raġuni biex ma tingħalaqx fiha nfisha imma bil-kuraġġ kollu tfittex dak li hu sabiħ, tajjeb u veru. Hekk il-fidi ssir avukata sinċiera u żgura tar-raġuni.

L-interess tal-Knisja fil-filosofija

 

Il-Maġisteru ma jurix biss l-iżbalji ta’ xi teoriji filosofiċi. Bl-istess ħsieb itenni liema huma l-prinċipji ewlenin meħtieġa biex ikun hemm tiġdid ġenwin fil-ħsieb filosofiku, billi juri liema triqat iridu jwasslu għal dan il-għan. F’din il-ħaġa il-Papa Ljun XIII fl-enċiklika Aeterni patris għamel pass ′l quddiem storikament importanti ħafna għall-ħajja tal-Knisja. Din l-enċiklika baqgħet sa llum l-unika dokument pontifiċju ta’ importanza kbira dedikat kollu kemm hu għall-filosofija. Dan il-Papa ta’ ġieħ liema bħalu, tenna u żviluppa t-tagħlim tal-Konċilju Vatikan I dwar ir-relazzjoni bejn fidi u raġuni u wera l-importanza kbira li għandu l-ħsieb filosofiku biex jgħin il-fidi u t-teoloġija.[78] Aktar minn mitt sena wara ħafna minn dak kollu li qalet l-enċiklika ma tilifx l-importanza tiegħu kemm prattikament u kemm pedagoġikament u l-aktar dak li qalet dwar is-siwi ma’ hemmx ieħor daqsu tat-teoloġija ta’ San Tumas. It-tagħlim tad-Duttur Anġeliko San Tumas, ġie mill-ġdid imtenni mill-Papa Ljun XIII bħala l-aħjar triq biex tinkiseb mill-ġdid il-prattika ta’ filosofija taqbel ma’ dak li titlob il-fidi. Meta San Tumas “għamel għażla bejn it-teoloġija u l-filosofija, il-fidi u r-raġuni,” kiteb il-Papa – “għaqqadhom flimkien f’rabta ta’ ħbiberija għal xulxin huwa u jagħraf l-għan speċifiku, id-dritt u d-dinjità speċifika tal-waħda u ta’ l-oħra.”[79]

Kulħadd jaf bis-suċess li kisbet din l-inizjattiva tal-Papa. L-istudju fit-tagħlim ta’ San Tumas u ta’ għadd ta’ filosofi skolastiċi ħa ħajja ġdida. L-istudji storiċi mxew ħafna ′l quddiem u għalhekk ġie magħruf mill-ġdid l-għana tal-filosofi taż-Żminijiet tan-Nofs, li dak iż-żmien kien kważi ntesa għal kollox, u twaqqfu skejjel tomistiċi ġodda. Bl-użu tal-metodoloġija storika, żdied sewwa l-għarfien ta’ l-opri ta’ San Tumas u bla għadd kienu l-istudjużi li bil-kuraġġ kollu daħħlu fit-tradizzjoni tomistika fid-diskussjoni teoloġiċi u filosofiċi ta’ dak iż-żmien. L-aqwa teoloġi kattoliċi ta’ dan iż-żmien, li bil-fehmiet u l-istudji tagħhom kienu ta’ għajnuna kbira għall-Konċilju Vatikan II, huma wlied dan it-tiġdid tal-filosofija tomistika. Il-Knisja, fi tmiem is-seklu XX, setgħet tagħmel użu jiswa ħafna mit-tagħlim ta’ kotra kbira ta’ filosofi, li ġew formati l-iskola tad-Duttur Anġeliku.

It-tiġdid tomistiku u neo-tomistiku ma kienx waħdu sinjal tal-bidu mill-ġdid tal-ħsieb filosofiku fil-kultura ta’ sura nisranija. Qabel u flimkien ma l-inizjativa tal-Papa Ljun XIII, kien hemm mhux ftit filosofi kattoliċi, bl-użu ta’ suriet ġodda ta’ ħsieb filosofiku, bl-użu ta’ metodoloġija proprja, li ppubblikaw opri filosofiċi awtorevoli u ta’siwi li jibqa’. Kien hawn min ħoloq sintesi hekk għolja ta’ ħsieb li setgħat tħabbatha sewwa ma’ l-aqwa sistemi ta’ l-idealiżmu; oħrajn ħejjew il-pedamenti epistemoloġiċi għall-konsiderazzjoni tal-fidi fid-dawl ta’ għarfien mġedded tal-kuxjenza morali; oħrajn ħolqu filosofija li, waqt li stħarrġu dak li jseħħ ġewwa l-bniedem fih innifsu fetħu l-bieb għal dak li hu traxxendenti; u oħrajn fl-aħħarnett ippruvaw jgħaqdu dak li titlob il-fidi mad-dawl li jagħti metodu fenomeloġiku. Mela minn ħafna prospetti ħarġu suriet ta’ riċerka filosofika li fittxew iżommu ħajja t-tradizzjoni kbira tal-ħsieb nisrani f’għaqda flimkien tal-fidi u r-raġuni.

Il-Konċilju Vatikan II min-naħa tiegħu juri tagħlim filosofiku ta’ għana kbir b’kotra ta’ frott. Ma nistax ninsa li fil-kuntest ta’din l-enċiklika hemm il-kapitlu kollu tal-Kostituzzjoni Gaudium et spes li hu qisu l-antropoloġija biblika kollha fil-qosor u għajn li minnha tista’ tieħu ħafna ispirazzjoni fil-filosofija. Dawn il-paġni jitkellmu fuq il-valur tal-persuna, maħluqa xbieha ta’ Alla, fuq id-dinjità tagħha u fuq is-superjorità tagħha fuq il-ħlejjaq l-oħra u juru l-kapaċità traxxendenti tar-raġuni.[80] Il-Gaudium et spes titkellem ukoll

fuq il-fenomenu ta’ l-ateiżmu u turi x’inhuma l-iżbalji filosofiċi tiegħu u minn fejn ġejjin, l-aktar dwar id-dinjità u l-libertà tal-persuna umana.[81] Żgur għandhom tifsir filosofiku mill-aqwa dawk il-paġni li ċċitajt fl-ewwel enċiklika tiegħi Redemptor hominis u li għalihom dejjem għamilt referenza fit-tagħlim tiegħi: “Fil-fatt il-misteru tal-bniedem jiddawwal biss bil-misteru tal-Verb inkarnat. Adam, l-ewwel bniedem kien ix-xbieha ta’ dak li kellu jiġi: Ġesù Kristu, Kristu hu l-Adam il-Ġdid huwa u jirrivela l-misteru tal-Missier u ta’ l-imħabba tiegħu, juri lill-bniedem x’inhu l-bniedem kollu kemm hu fih innifsu u jurih ukoll f’dawl sħiħ x’inhi s-sejħa għolja tiegħu.”[82]

Il-Konċilju tkellem ukoll dwar il-filosofija li kellhom jitgħallmu l-kandidati għas-saċerdozji; hija rakkomandazzjoni tgħodd għal kollha kemm hi l-edukazzjoni nisranija. Il-Konċilju jgħid: il-filosofija trid tiġi l-ewwelnett mgħallma lill-istudenti biex ikollhom fehma soda u koerenti ta’ x’inhu l-bniedem, x’inhi d-dinja u min hu Alla; mibnija fuq il-pedament ta’ wirt filosofiku li jiswa għal dejjam, waqt li jitqiesu wkoll il-fehmiet filosofiċi ta’ llum.[83]

Dawn id-direttivi ġew imwettqin u speċifikati kemm-il darba minn dokumenti oħra tal-Maġisteru billi tingħata formazzjoni filosofika soda l-aktar lil dawk li qed iħejju ruħhom għall-istudju tat-teoloġija. Jiena stess spiss urejt kemm hi mportanti din il-formazzjoni filosofika għal dawk li, fil-ħidma pastorali tagħhom iridu xi darba jiltaqgħu mat-tamiet tad-dinja ta’ llum u jifhmu l-għaliex ta’ ċerta mġiba, biex ikunu jistgħu jagħtu tweġiba xierqa.[84]

Ħassejt il-ħtieġa kemm-il darba li nitkellem dwar din il-kwistjoni, biex intenni wkoll is-siwi tal-fehmiet ta’ San Tumas u ninsisti fuq l-istudju tat-tagħlim tiegħu; dan ġa għamiltu għax mhux dejjem ġew imħarsa d-direttivi tal-Maġisteru b’dik is-serjetà kollha li xtaqt. F’ħafna skejjel kattoliċi wara li ntemm il-Konċilju Vatikan II, stajt nara sura ta’ faqar għax naqsilhom mhux biss is-sens ta’ l-importanza tal-filosofija skolastika, imma wkoll ta’ l-importanza ta’ l-istudju tal-filosofija. Ma nistax ma ngħidx kemm jiddispjaċini u kemm nistagħġeb nara nuqqas ta’ interess fl-istudju tal-filosofija f’għadd mhux żgħir ta’ teoloġi.

Hemm ħafna raġunijiet għal dan in-nuqqas ta’ interess. L-ewwel kawża hi n-nuqqas ta’ fiduċja fir-raġuni, imxerrda sewwa fost il-filosofi ta’ żmienna, għax ġiet abbandunata r-riċerka metafiżika fuq il-kwistjonijiet dwar l-aħħar tal-bniedem, biex jispeċjalizzaw f’kwistjonijiet aktar dettaljati u ristretti, u xi kultant formali biss. Ma’ dan trid iżżid il-fehma żbaljata li hemm l-aktar dwar “ix-xjenzi umani”. Spiss il-Konċilju Vatikan II wera l-importanza tas-siwi tar-riċerka għall-għarfien aktar fil-fond tal-misteru tal-bniedem.[85] U jekk it-teoloġi qed jiġu mistiedna jkunu jafu x-xjenzi umani u jużawhom sewwa fir-riċerka tagħhom dan ma jfissirx li impliċitament huma awtorizzati li jħallu fil-ġenb il-filosofija u jdaħħlu xi ħaġa oħra fil-formazzjoni pastorali u fit-tħejjija għall-fidi (Preparatio fidei). Ma għandhiex tintesa wkoll il-problema ta’ l-inkulturazzjoni tal-fidi, problema li qed tieħu l-ħajja mill-ġdid. Il-ħajja tal-knejjes li għadhom jibdew b’mod partikulari uriet, flimkien ma’ suriet għoljin ta’ ħsieb, il-preżenza ta’ ħafna eżempji ta’ għerf popolari: dan hu tassew wirt ta’ kultura u tradizzjoni. Iżda l-istudju ta’ dawn id-drawwiet tradizzjonali jrid jimxi pass pass mar-riċerka filosofika. Din twassal biex joħorġu fid-dieher aspetti pożittivi ta’ għerf popolari u joħolqu rabta soda u meħtieġa max-xandir ta’ l-Evanġelju.[86]

Nixtieq intenni li l-istudju tal-filosofija hu fondamentali għall-istruttura ta’ l-istudji teoloġiċi u għall-formazzjoni ta’ kandidat għas-saċerdozju. M’huwiex bla ħsieb li l-istudju tat-teoloġija jkollu qablu żmien li fih isir it- tagħlim tal-filosofija. Din id-deċiżjoni, imwettqa mil-Konċilju Lateran V[87] ittieħed mill-esperjenza li għandha l-għeruq tagħha fiż-Żminijiet tan-Nofs meta ngħarfet sewwa l-importanza tar-rabta bejn il-filosofija u t-teoloġija. Din is-sistema ta’ studju influwenza, għen u żviluppa, għalkemm, indirettament, l-iżvilupp ta’ filosofija moderna. Eżempju ta’ dan li jfisser ħafna jagħtihulna id-Disputationes metaphysicae ta’ Francesco Suarez li daħlu wkoll fl-universitajiet luterani tal-Ġermanja. Dan il-metodu li ġie mwarrab fil-formazzjoni tas-saċerdoti u fir-riċerka teoloġika, ġieb ħsara kbira. Eżempju mill-aqwa ta’ dan hu n-nuqqas fil-ħsieb u fil-kultura ta’ llum li wasslu biex ikun hemm ċaħda ta’ kull djalogu jew biex jiġi milqugħ addoċċ kull sistema filosofika.

Nittama ħafna li dawn id-diffikutajiet jintrebħu minn formazzjoni filosofika għaqlija u formazzjoni teoloġika, li qatt ma għandhom jonqsu fil-Knisja.

Minħabba dawn ir-raġunijiet deherli li hi ħaġa urġenti nuri permezz ta’ din l-enċiklika l-importanza ta’ l-interess kbir tal-Knisja fil-filosofija, – anzi fir-rabta kbira li torbot flimkien it-tagħlim teoloġiku u r-riċerka filosofika tal-verità. Minn hawn jiġi d-dmir tal-Maġisteru li jistħarreġ u jġib ′il quddiem ħsieb filosofiku li ma jkunx kontra l-fidi. Dmir tiegħi hu li ngħid liema huma l-prinċipji u l-kriterji li jidhirli huma meħtieġa biex mill-ġdid ikun hemm relazzjoni effikaċi u sinċiera bejn il-filosofija u t-teologija. Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji u ta’ dawn il-kriterji wieħed ikun jista’ jara aħjar jekk hemmx ir-rabta, li t-teoloġija għandha jkollha mal-ħafna fehmiet u sistemi filosofiċi li qed tagħti d-dinja llum.

 

Is-Sitt Kap

 

L-INFLUWENZA FUQ XULXIN

TAL-FILOSOFIJA U T-TEOLOĠIJA

 

L-għerf li jagħti l-fidi u dak li titlob ir-raġuni filosofika

 

Il-Kelma ta’ Alla tingħad lil kull bniedem ta’ kull żmien u ta’ kull imkien; kull bniedem minn natura tiegħu hu filosofu. It-teoloġija għax hi elaborazzjoni xjentifika għall-għarfien ta’ din il-Kelma t’Alla, fid-dawl tal-fidi, kemm minħabba xi proċedimenti tagħha u kemm minħabba d-dmir speċifiku tagħha, ma tistax ma jkollix relazzjoni mas-sistemi filosofiċi li nibtu tul iż-żminjiet. Mingħajr ma nindika xi sistemi teoloġiċi partikulari, għax dan mhux dmir tal-Maġisteru, irrid għall-kuntrarju infakkar xi dmirijiet proprji tat-teoloġija li minħabba n-natura tal-Kelma rivelata jitolbu l-ħsieb tal-filosofija.

It-teoloġija bħala xjenza tal-fidi hi mibnija fuq żewġ prinċipji metodoloġi: l-auditus fidei (is-smigħ tal-fidi) u l-intellectus fidei (it-tagħrif tal-fidi). Bl-ewwel prinċipju, bis-smigħ tal-fidi, it-teoloġija tagħmel tagħha dak li ġie rivelat kif tfisser tul iż-żmien mit-Tradizzjoni, mill-Iskrittura u mill-Maġisteru ħaj tal-Knisja.[88] It-tieni prinċipju, l-għarfien tal-fidi, hu t-tweġiba permezz ta’ riflessjoni spekulattiva għal dak li l-ħsieb ikun naturalment qed jitlob.

Il-filosofija tagħti l-għajnuna speċifika tagħha lit-teoloġija biex ikun hemm smigħ xieraq tal-fidi u dan iseħħ filwaqt li jsir istudju tal-mod kif jinkiseb it-tagħrif u kif iseħħ komunikazzjoni personali u b’mod speċjali bl-istudju ta’ ħafna suriet u ħidmiet ta’ lingwaġġ. L-istess kontribut tagħti l-filosofija biex tiftiehem it-tradizzjoni tal-Knisja u d-dikjarazzjonijiet tal-Maġisteru u wkoll l-opinjonijiet ta’ l-għorrief kbar tat-teoloġija, li ġeneralment jesprimu ruħhom permezz ta’ fehmiet u suriet ta’ ħsieb li jittieħdu minn xi tradizzjoni filosofika. Hawn it-teologu hu mitlub mhux biss li jfisser il-ħsibijiet u l-kliem użati mill-Knisja hija u taħseb u tiżviluppa it-tagħlim tagħha, imma wkoll li jkun jaf sewwa u fil-fond is-sistemi filosofiċi li wassluh ħa jagħmel użu minn ħsibijiet u fehmiet li bihom jagħti tifsir korrett u konsistenti.

Dwar l-għarfien tal-fidi għandna naraw l-ewwelnett li l-verità divina, “mwassla lilna mill-Iskrittura u mfissra sewwa mit-tagħlim tal-Knisja”[89] fiha nfisha għandha l-qawwa li tiftiehem u taqbel loġikament ma’ dak li jiġi propost bħala għerf awtentiku. L-għarfien tal-fidi jagħmel tidher din il-verità mhux biss billi jagħraf l-Iskrittura loġika u intelliġenti tal-propożizzjonijiet li bihom tħabbar il-Knisja , imma wkoll u l-aktar billi juru it-tifsir salvifiku li dawn il-propożizzjonijiet għandhom għall-individwu u għall-ġens kollu tal-bnedmin. Permezz ta’ dawn il-propożizzjonijiet meħudin kollha flimkien, min jemmen jasal biex ikun jaf l-istorja tas-salvazzjoni li tilħaq il-qofol tagħha fil-persuna ta’ Kristu u l-misteru ta’ l-Għid tiegħu. Dak li jaċċetta din il-fidi ikun qed jieħu sehem hu stess f’dan il-misteru.

It-teoloġija dommatika min-naħa tagħha trid tkun tista’ tfisser is-sens universali tal-misteru ta’ Alla wieħed fi Tliet Persuni u tal-pjan tas-salvazzjoni, kemm f’sura ta’ ġrajja u wisq aktar f’sura ta’ argumenti. Fi kliem ieħor dan irid isir permezz ta’ fehmiet imfassla b’mod kritiku u li jistgħu jitwasslu lil kulħadd. Mingħajr l-għajnuna tal-filosofija, ma jistgħux jiġu mfissra kwistjonijiet teoloġiċi biex insemmi eżempju, dwar xi kliem għandu jintuża meta jsir diskors dwar Alla, meta jsir diskors dwar ir-relazzjonijiet tal-Persuni fil-misteru tat-Trinità, meta tissemma’ l-ħidma ta’ Alla fil-ħolqien tad-dinja, meta jiġu studjati ir-relazzjonijiet bejn il-bniedem u Alla, meta tiġi diskussa l-identità ta’ Kristu bħala Alla veru u bniedem veru. Dan mhux inqas veru dwar dawk il-problemi tat-teoloġija morali meta rridu nużaw termini bħal liġi morali, kuxjenza, libertà, resposabbiltà personali, u ħtija, li huma mfissra f’livell ta’ etika filosofika.

Jeħtieġ għalhekk li r-raġuni tan-nisrani jkollha konoxxenza naturali, konsistenti u vera tal-ħlejjaq – jiġifieri d-dinja u l-bniedem innifsu – li huma wkoll oġġett tar-Rivelazzjoni. Wisq aktar imbagħad in-nisrani għandu jkollu l-ħila jfisser din il-konoxxenza permezz ta’ fehmiet u argumenti. It-teoloġija dommatika spekulattiva għalhekk tissoponi u tħaddan filosofija ta’ bniedem tad-dinja, u, b’mod aktar radikali , ta’ l- “esseri” li bħala bażi tiegħu għandu l-verità oġġettiva.

It-teoloġija fondamentali bil-karattru proprju tagħha li tiġġustifika l-fidi, (ara 1 Piet 3, 15) għandha bħala dmir turi x’inhi u ssaħħaħ ir-relazzjoni bejn fidi u riflessjoni filosofika. Il-Konċilju Vatikan I, huwa u jfakkar it-tagħlim ta’ San Pawl (ara Rum 1, 19-20), qal li hemm veritajiet naturali, u għalhekk jistgħu jkunu magħrufa permezz tal-filosofija; b’għarfien ta’ dawn il-veritajiet hu meħtieġ biex tiġi aċċettata r-Rivelazzjoni ta’ Alla. Fl-istudju tar-Rivelazzjoni u tal-kredibilità tagħna, kif ukoll l-att tal-fidi li jiġi mit-tweġib għaliha, it-teoloġija fondamentali trid turi kif bid-dawl tat-tagħrif li tagħti l-fidi, joħorġu ċerti veritajiet li r-raġuni ġa saret taf bihom bir-riċerka awtonoma tagħha, bil-ħila tagħha biss. Ir-Rivelazzjoni mbagħad tagħti lil dawn il-veritajiet it-tifsir sħiħ tagħhom u tmexxihom lejn l-għana tal-misteru rivelat li fih insibu l-għan finali tagħhom. Inqisu bħala eżempju l-għarfien naturali ta’ Alla, il-possibbiltà li nagħżlu bejn ir-rivelazzjoni divina minn fenomeni oħra, jew l-għarfien tal-kredibilità tagħha, il-kapaċità tal-kelma tal-bniedem ħa tfisser b’mod veru u mill-aħjar dawk il-veritajiet ukoll li huma ′l fuq mill-esperjenzi kollha tal-bniedem. Permezz ta’ dan il-veritajiet il-moħħ tal-bniedem jasal biex jammetti l-eżistenza ta’ triq li tassew tħejji għall-fidi. Minn dawn il-veritajiet kollha, il-moħħ tal-bniedem jasal biex jaċċetta r-Rivelazzjoni mingħajr ma’ bl-ebda mod ma jikkomprometti l-prinċipji u l-awtonomija tiegħu.[90]

Bl-istess mod it-teoloġija fondamentali trid turi xi qbil hemm bejn il-fidi u l-ħtieġa li din tkun tista’ tiġi mfissra permezz tar-raġuni, b’mod li taċċettaha bil-libertà kollha. Hekk il-fidi tkun tista’ turi “ lir-raġuni t-triq it-tajba fir-riċerka vera għall-verità. Għalkemm il-fidi, li hi don ta’ Alla, mhijiex bażata fuq ir-raġuni, żgur li ma tistax tgħaddi mingħajrha. Fl-istess waqt hi ħaġa ċara li r-raġuni teħtieġ li tkun insaħħa mill-fidi biex issib orizzonti ġodda li bil-ħila tagħha biss qatt ma tista’ ssibhom.”[91]

It-teoloġija morali forsi teħtieġ aktar l-għajnuna tal-filosofija. Fil-Patt il-Ġdid, il-ħajja tal-bniedem m’għandhiex ir-restrizzjonijiet li kellha fil-Patt il-Qadim. Il-ħajja fl-Ispirtu twassal lill-bniedem, li jemmen, dak il-ħelsien u dik ir-responsabbiltà li huma ′l fuq mil-Liġi. Iżda l-Evanġelju u l-kitba ta’ l-Appostli ixandru kemm prinċipji ġenerali ta’ mġiba nisranija u kemm tagħlim u preċetti speċifiċi. Biex dawn ikunu jistgħu jiġu applikati għaċ-ċirkostanzi partikolari tal-ħajja individwali u komunitarja n-nisrani għandu jkun kapaċi jimpenja l-kuxjenza tiegħu u s-setgħa tar-raġuni tiegħu. Fi kliem ieħor, dan ifisser li t-teoloġija morali titlob dehra filosofika ċara tan-natura umana u tas-soċjetà kif ukoll tal-prinċipji ġenerali li jirregolaw deċiżjonijiet etiċi.

Wieħed jista’ forsi llum jgħid li t-teologu jafda inqas fil-filosofija milli fl-għajnuna ta’ suriet oħra ta’ għerf fuq il-bniedem, bħalma huma l-istorja u l-aktar ix-xjenzi umani li f’dawn l-aħħar żminijiet urew progress tassew ta’ l-għaġeb. Oħrajn aktar attenti għar-rabta li għandu jkun hemm bejn fidi u kultura, isostnu li t-teoloġija għandha tħares aktar lejn l-għerf li jinsab fit-tradizzjonijiet tal-popli milli f’dak li tagħti l-filosofija, li ġejja mill-Greċja u miċ-ċentru ta’ l-Ewropa. Oħrajn imbagħad, imħeġġin minn fehma żbaljata ta’ pluraliżmu fil-kultura, jiċħdu qisu ma hu xejn is-siwi universali tal-wirt filosofiku tal-Knisja.

Dawn il-pretensjonijiet li ġa jinsabu fit-tagħlim tal-Konċilju,[92] hemm fihom parti mill-verità. Dejjem tgħin kull riferenza għax-xjenzi, għax hekk ikun hemm għarfien aħjar tal-materja li qed tiġi studjata, iżda dan ma jfissirx li titwarrab riflessjoni tipikament filosofika u kritika dwar dak li hu universali. Anzi din ir-riflessjoni hi meħtieġa ħalli jkun hemm bdil li jagħti frott bejn il-kulturi. Dak li fuqu rrid ninsisti hu d-dmir li wieħed ma jieqafx biss f’dak li hu partikulari u kokret biex ma jitwarrabx id-dmir ewlieni li tintwera l-universalità tal-fidi. Lanqas għandu jintesa li l-kontribut speċifiku tar-riċerka filosofika jgħinna nagħrfu, kemm fil-fehmiet differenti tal-ħajja u kemm il-kulturi “mhux dak li jaħsbu n-nies, imma dak li hu l-verità oġġettiva.”[93] M’humiex il-ħafna opinjonijiet tan-nies imma verità biss li tista’ tgħin lit-teoloġija.

Hi meħtieġa riflessjoni speċifika fuq ir-relazzjoni kemm tal-filosofija u kemm tat-teoloġija mal-kulturi minħabba l-problemi li jistgħu jinqalgħu, għalkemm din ir-riflessjoni ma tkunx għal kollox sħiħa u biżżejjed. Il-Knisja sa mill-bidu tax-xandir ta’ l-Evanġelju iltaqgħet mal-kulturi u ġiet wiċċ imb’wiċċ magħhom. L-ordni mogħti minn Kristu lid-dixxipli tiegħu li jmorru kullimkien “sat-truf kollha ta’ l-art” (Atti 1, 8)., biex tixxandar il-verità li hu ħabbar, sa mill-bidu ried li l-komunità nisranija tkun f’għaqda li turi l-universalità tat-tħabbira tagħha u l-ħafna tfixkil li ġieha mill-ħafna kulturi li magħhom iltaqgħet. Silta mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin tgħin ħafna biex nifhmu kif l-ewwel komunitajiet insara għarfu jiffaċċjaw din il-problema. L-Appostlu jikteb: “Imma issa fi Kristu Ġesù, intom li darba kontu ′l bogħod, issa tqarribtu bis-saħħa tad-demm ta’ Kristu, hu s-sliem tagħna, hu li minn tnejn għamel poplu wieħed, billi garraf il-ħajt li kien jifridna” (Ef 2, 13-14).

B’dan il-kliem quddiem għajnejna, bil-ħsieb tagħna mmorru għall-bidla li seħħet fil-ġnus meta waslu għall-fidi. Bl-għana tas-salvazzjoni li ġieb Kristu, iġġarrfu l-ħitan li kienu jifirdu l-kulturi minn xulxin. Il-wegħda ta’ Alla fi Kristu, issa saret don universali, mhux aktar limitata għall-poplu wieħed, għall-ilsien u d-drawwiet tiegħu, imma issa saret wirt għall-popli kollha u minnu kulħadd jista’ jieħu bla ebda xkiel, bil-libertà kollha. Il-bnedmin kollha, minn ħafna naħiet, u b’kull tradizzjoni, huma msejħin fi Kristu għall-għaqda fil-familja ta’ wlied Alla. Hu Kristu li jwassal biex żewġ popli jkunu poplu “wieħed”. Dawk li kienu “ ′l bogħod”, issa huma “fil-qrib” bil-qawwa tal-“ħaġa ġdida” li ġieb il-misteru tal-Għid. Ġesù ġarrab il-ħitan tal-firda, u jġib l-għaqda permezz ta’ tisħib oriġinali u għoli fil-misteru tiegħu. Din l-għaqda hija hekk kbira li l-Knisja flimkien ma’ San Pawl tista’ tgħid: “Għalhekk ma għadkomx barranin u għorba imma intom ċittadini flimkien mal-qaddisin u n-nies tad-dar ta’Alla” (Ef 2, 19).

B’din id-dikjarazzjoni hekk sempliċi qed tiġi mfissra verità tassew kbira: il-laqgħa tal-fidi ma’ kulturi differenti fil-fatt ġiebed ħaġa ġdida. Il-kulturi, meta għandhom għeruq fil-fond fin-natura umana, jagħtu xhieda ta’ dak il-ftuħ lejn l-universalità u t-traxxendenza li huma proprju tal-bniedem. Juru triqat diversi lejn il-verità, li huma żgur ta’ siwi kbir għall-bniedem, għax jagħtuh valuri li dejjem aktar jagħmlu tixraqlu bħala bniedem l-eżistenza tiegħu.[94] U mela dawn il-kulturi jfakkru l-valuri ta’ tradizzjonijiet antiki, juru impliċitament imma realment ukoll il-manifestazzjoni ta’ Alla fin-natura, kif rajna aktar ′il fuq meta kkunsidrajna l-kotba ta’ l-Għerf u t-tagħlim ta’ San Pawl.

Il-kulturi, għandhom rabta liema bħalha mal-bnedmin u ma’ ġrajjiethom, juru l-istess dinamiżmu li turi tul iż-żminijiet l-esperjenza tal-bniedem. Jitqies għalhekk it-tibdil u l-progress li jseħħ permezz tal-laqgħat li l-bnedmin iġibu ′l quddiem bejniethom u tat-tagħrif li jagħtu ′l xulxin dwar is-suriet proprji tal-ħajja tagħhom. Il-kulturi jissaħħu permezz tal-komunikazzjoni ta’ valuri, u l-qawwa vitali tagħhom tissaħħaħ daqskemm ikunu lesti jilqgħu u jagħmlu tagħhom esperjenżi ġodda. Kif se nfissru din id-dinamiżmu? Kull poplu hu parti minn kultura, minnha jiddependi u hu wkoll ifassalha. Hu fl-istess waqt iben u missier tal-kultura li fiha jgħix u hu mdaħħal. Fl-aspetti kollha tal-ħajja tiegħu għandu xi ħaġa tiegħu li tagħżlu fost il-ħlejjaq: dan hu l-ftuħ li qatt ma jonqos lejn il-misteru u x-xewqa li dejjem irid ikun jaf, u qatt ma tonqsu. Għalhekk kull kultura għandha fiha nfisha u turi ġibda lejn it-tmiem. Nistgħu ngħidu għalhekk li l-kultura għandha fiha l-ħila li tilqa’ r-Rivelazzjoni ta’ Alla.

L-istess mod, li bih l-insara jgħixu l-fidi tagħhom, hi mlibbsa l-kultura ta’ l-ambjent ta’ madwaru, u min-naħa tagħha twassal biex ftit ftit tfassallu l-karattru tiegħu. L-insara ta’ kull kultura jħabbru l-verità dwar Alla li qatt ma tinbidel u hi dejjem l-istess; hi l-verità li Alla stess rrivela fl-istorja u l-kultura ta’ poplu wieħed. Tul iż-żminijiet isseħħ il-ġrajja li tagħha kienu xhieda l-pellegrini li kienu Ġerusalemm nhar Għid il-Ħamsin. Meta semgħu l-Appostli jitkellmu, bdew jistaqsu lil xulxin: “Dawn li qegħdin jitkellmu m’humiex ilkoll mill-Galilija? Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu b’ilsien twelidu? Parti, Medi Għelamin, nies mill-Mesapotamja, mill-Lhudija, minn Kapadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja, minn Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċirene, nies li ġew minn Ruma, kemm Lhud u proseliti, oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’ Alla” (Atti 2, 7-11). L-Evanġelju mħabbar f’kulturi diversi, għalkemm irid jiġi milqugħ bil-fidi, jħalli lil kull min jilqgħu jgħożż il-kultura tiegħu. Dan ma joħloqx firdiet, għax il-poplu ta’ l-imgħammdin jingħaraf min dik l-universalità li tilqa’ kull kultura u tgħin fil-progress ta’ dak li hu impliċitu fiha ħalli jidher kollu kemm hu fis-sbuħija kollha tiegħu fid-dawl tal-Verità.

Għalhekk ebda kultura ma tista’ titqies bħala kriterju għal xi ġudizzju u wisq u wisq inqas bħala kriterju finali dwar il-verità tar-Rivelazzjoni ta’ Alla. L-Evanġelju m’huwiex kontra ebda kultura bħallikieku jrid jeħdilha l-għana proprju tagħha u jġiegħelha taċċetta suriet barranin għaliha li ma jaqblux magħha.Għal kuntrarju, it-tħabbira li n-nisrani jrid iwassal lid-dinja u lill-kulturi hi sura vera ta’ ħelsien minn kull taqlib li ġab id-dnub u fl-istess waqt sejħa għall-verità sħiħa. B’dan il-mod il-kulturi ma jitneżżgħu minn xejn li hu tagħhom, imma jitħeġġu biex jinfetħu għall-verità ta’ l-Evanġelju biex jitqanqlu għall-progress dejjem akbar.

Għalkemm ix-xandir ta’ l-Evanġelju iltaqa’ l-ewwel mal-filosofija griega, dan ma jfissirx li nagħlqu triqat oħra. Illum, issa li l-Evanġelju qed jiltaqa’ ma’ kulturi li magħhom fl-imgħoddi ma kienx hemm kuntat, qed jidhru ħidmiet oħra ta’ inkulturazzjoni, u dan ifisser li żmienna għandu quddiemu problemi bħal dawk li kellha l-Knisja fl-ewwel żminijiet.

Ħsibijieti minn rajhom imorru fl-artijiet tal-lvant hekk għonja b’reliġjonijiet u tradizzjonijiet reliġjużi antika ħafna. Fost dawn l-artijiet, l-Indja għandha post speċjali. Ħeġġa spiritwali tassew kbira tmexxi l-ħsieb indjan lejn it-tfittxija ta’ esperjenza li teħles lir-ruħ mill-ixkiel taż-żmien u ta’ l-ispazju biex hekk tkun tista’ tikseb ġid assolut. Dan il-proċess għall-kisba tal-ħelsien joħloq ambjent ta’ sistemi metafisiċi tassew kbar.

B’mod partikulari, id-dmir ta’ l-insara fl-Indja llum hu li minn dan il-wirt hekk għani jieħdu dawk l-elementi li jkunu jaqblu mal-fidi tagħhom, biex hekk il-ħsieb nisrani jistgħana. F’din il-ħidma ta’ dixxerniment, ispirata mid-dikjarazzjoni Nostra aetate tal-Konċilju, għandhom jitqiesu sewwa ċerti kriterji. L-ewwel kriterju hu dak ta’ l-universalità ta’ l-ispirtu uman, li għandu dejjem l-istess ħtiġijiet fondamentali, ikunu kemm ikunu diversi l-kulturi. It-tieni kriterju, li joħroġ mill-ewwel wieħed, hu dan: il-Knisja meta tersaq lejn kultura li qatt ma għarfet qabel, ma tistax twarrab dak li kisbet mill-inkulturazzjoni tagħha fid-dinja tal-ħsieb grieg-ruman. Kieku kellha twarrab dan il-wirt, il-Knisja tkun qiegħda tiċħad il-pjan provvidenzjali ta’ Alla, li jmexxi l-Knisja tiegħu mill-mogħdijiet taż-żmien u ta’ l-istorja. Dan il-kriterju, jiswa għal kull żmien fil-Knisja, ukoll għall-Knisja tal-ġejjieni, li għad trid tqies ruħha stagħniet mill-ġid kollu li ġieha mir-relazzjonijiet tagħha ta’ llum mal-kulturi tal-lvant u f’dan il-wirt tara sinjali ġodda għal djalogu li jirnexxi mal-kulturi ġodda li għad jinbtu fil-mixi ′l quddiem ta’ l-umanità. It-tielet kriterju jitlob li wieħed ma jaħsibx li l-ħarsien leġittimu ta’ l-oriġinalità u s-singularità tal-ħsieb indjan hu l-istess ħaġa bħal dik il-fehma li trid illi tradizzjoni kulturali partikulari għandha tibqa’ magħluqa fiha nfisha, f’oppożizzjoni sħiħa kontra tradizzjonijiet oħra – għax dan hu kontra n-natura stess ta’ l-ispirtu uman. Dak li għedt hawn dwar l-Indja jgħodd ukoll għall-wirt tal-kulturi kbar taċ-Ċina, tal-Ġappun u ta’ pajjiżi oħra ta’ l-Asja, u wkoll għall-għana tal-kulturi tradizzjonali ta’ l-Afrika, li ġeneralment jitwasslu l-aktar bil-fomm.

Fid-dawl ta’ dan kollu, ir-relazzjoni lejn it-teoloġija u l-filosofija nistgħu nqisuha bħal ċirku. Il-bidu u l-għajn tat-teoloġija hi dejjem il-Kelma ta’ Alla, li ġiet rivelata fil-ġrajja tal-bniedem, waqt li l-għan finali tagħha hu li din il-kelma tiftiehem dejjem aktar minn żmien għall-ieħor. Issa, la l-Kelma ta’ Alla hi verità (ara Ġw 17, 17) biex tiftiehem aħjar żgur tgħin ir-riċerka tal-bniedem għall-verità permezz tal-filosofija, żviluppat skond il-prinċipji proprja tagħha. M’hijiex biss kwistjoni ta’ diskors teoloġiku bi kliem u fehmiet ta’ sura filosofika; iżda l-fatt importanti li min jemmen qed juża l-ħila tiegħu biex jfittex il-verità huwa u jibda mill-Kelma ta’ Alla u l-għarfien aktar fil-fond tagħha, qed tingħatalu tmexxija u qed jiġi mwissi wkoll biex ma jaqbadx triqat li jbegħduh mill-verità rivelata u fl-aħħarnett jitbiegħed ukoll għal kollox mill-verità fiha nfisha. Hekk, ir-raġuni titqanqal biex tfittex triqat ġodda li minn rajha qatt ma kienet tissoponi li se tgħaddi minnhom. Din ir-relazzjoni f’ċirku mal-kelma ta’ Alla, twassal il-filosofija tistagħna, għax ir-raġuni tiskopri orizzonti li qatt ma kienet tobsor bihom.

Is-siwi ta’ din ir-relazzjoni hu mwettaq mill-esperjenza tat-teoloġi nsara kbar li kienu wkoll filosofi magħrufin sewwa, u ħallewlna kitbiet ta’ valur spekulattiv mill-aktar għoli hekk li nistgħu ngħodduhom ma’ l-għalliema kbar tal-filosofija antika. Dan veru kemm għall-Missirijiet l-Knisja, – fosthom ta’ min isemmi almenu lil San Girgor Nażjanżenu u lil Santu Wistin – u kemm għad-Dutturi taż-Żminijiet tan-Nofs, fosthom it-tliet irjus kbar San Anselmu, San Bonaventura u San Tumas. Narawha wkoll din ir-relazzjoni ta’ siwi kbir bejn il-filosofija u l-Kelma ta’ Alla fir-riċerka qalbiena ta’ mgħallmin aktar qrib tagħna li fosthom nieħu pjaċir insemmi għall-Punent, lil John Henry Newman, lil Antonio Rosmini, lil Jacques Maritian, lil Etienne Gilson u lil Edith Stein u għal-Lvant l-għorrief magħrufin bħal Vladimir S. Soloviev, Pavela, Florensky, Peter Chaadaev u Vladimir N. Lossky. Hemm ismijiet oħra li nista’ nsemmi iżda dan ma jfissirx li jien u nsemmihom qed naċċetta l-aspetti kollha tal-ħsieb tagħhom, imma qed insemmihom biex nagħti eżempji jfissru ħafna tal-proċess ta’ riċerka filosofika li stgħaniet bil-kontribut ta’ dak li tagħti l-fidi. Ħaġa żgura hi l-attenzjoni mogħtija lill-mixja spiritwali ta’ dawn l-għorrief tista’ biss tagħti qawwa akbar lill-ħerqa għat-tfittix tal-verità u għall-isforzi biex il-frott ta’ din ir-riċerka jkun għall-qadi ta’ l-umanità. Nittama li issa u fil-ġejjieni jibqa’ jkun hemm dawk li jkomplu din it-tradizzjoni kbira teoloġika u filosofika għall-ġid kemm tal-Knisja u kemm tal-ġens kollu tal-bnedmin.

Qagħdiet filosofiċi diversi

 

Minn dak li naraw minn din il-ħarsa fuq fuq lejn l-istorja tar-relazzjonijiet bejn il-fidi u l-filosofija, irridu nagħmlu għażla bejn il-ħafna qagħdiet tal-filosofija f’relazzjoni mat-teoloġija. L-ewwelnett hemm filosofija li hi għal kollox indipendenti mir-Rivelazzjoni evanġelika: din kienet il-qagħda tal-filosofija meta bdiet tiżviluppa fl-istorja qabel it-twelid tal-Feddej tad-Dinja u wara f’dawk in-naħiet fejn l-Evanġelju kien għad ma tħabbarx. Hawn naraw il-ħerqa valida tal-filosofija li jkollha l-awtonomija tagħha bir-regolamenti proprji tagħha u bl-użu biss tas-setgħat tar-raguni. Għalkemm imxekkla sewwa minħabba d-dgħufija naturali tar-raġuni fil-bniedem, l-aspirazzjonijiet tagħha għandhom jiġu mgħejjuna u msaħħin. Dan għaliex bħala riċerka għall-verità fl-ordni naturali l-ħidma tal-filosofija hi dejjem miftuħa – almenu b’mod impliċitu – għal dak li hu soprannaturali.

Barra dan, l-awtonomija xierqa tal-ħsieb għandha tkun rispettata wkoll meta d-diskussjoni teoloġika tagħmel użu minn konċetti u argumenti filosofiċi. Anzi, meta wieħed jfassal l-argumenti tiegħu skond kriterji raġjonevoli stretti jkun qed jiggarantixxi li r-riżultati li jinkisbu jkunu tajbin kullimkien. Dan iwettaq ukoll il-prinċipju li l-grazzja ma teqridx in-natura imma tipperfezzjonaha: l-aċċettazzjoni tal-fidi, li timpenja kemm l-intellett u kemm ir-rieda, ma teqridx imma tipperfezzjona r-rieda ħielsa ta’ kull min jemmen, li fil-fond ta’ qalbu jilqa’ dak li ġie rivelat.

Din il-qagħda leġittima hi żgur ′l bogħod ħafna minn dik it-teorija li tissejjaħ filosofija “separata”, ta’ xi filosofi moderni. Din it-teorija mhux biss titlob awtonomija għall-filosofija li hi ħaġa tajba, imma tqis ukoll li huma biżżejjed għaliha l-ħsibijiet tagħha u ma teħtieġx oħrajn u dan mhux sewwa. Hija u tiċħad il-verità li toffrilna r-Rivelazzjoni, din il-filosofija hi ta’ dannu għaliha nfisha għax qed tagħlaq għaliha stess it-triq għall-ksib ta’ għarfien aktar fil-fond tal-verità.

Qagħda oħra tal-filosofija hi dik magħrufa bħal filosofija nisranija. Fiha nfisha l-espressjoni hija tajba, iżda ma għandhiex tiftiehem ħażin: l-espressjoni ma tridx tgħid li hemm xi filosofija uffiċjali tal-Knisja, għax il-fidi m’hijiex xi filosofija. L-espressjoni aktar trid tfisser sura nisranija ta’ kif tagħmel ħidma filosofika, spekulazzjoni filosofika maħsuba f’għaqda ħajja mal-fidi. L-espressjoni għalhekk ma tridx tfisser biss filosofija żviluppata minn filosofi nsara, li jħabirku fir-riċerki tagħhom bla ma jmorru kontra l-fidi. L-espressjoni filosofija nisranija tħaddan ukoll dawk l-iżviluppi importanti tal-ħsieb filosofiku li ma kinux iseħħu kieku ma kienx hemm direttament jew indirettament il-kontribut tal-fidi nisranija.

Il-filosofija nisranija għandha żewġ aspetti. Aspett soġġettiv fis-sens li l-fidi ssaffi ir-raġuni. Bħala virtù teologali l-fidi teħles lir-raġuni mill-prużunzjoni li hi t-tentazzjoni proprja tal-filosofu. San Pawl, Missierijiet il-Knisja, u, aktar qrib żmienna filosofi bħal Pascal u Kierkegaard ċanfru din il-prużunzjoni. Il-filosofu li jkun umli, ikollu wkoll il-kuraġġ li jgħarbel problemi, diffiċli ħafna biex tħollhom, jekk ma jarax dak li toffrilu r-Rivelazzjoni – insemmi eżempju: il-problema tad-deni u tal-mard, tat-tbatija, in-natura personali ta’ Alla u t-tifsir tal-ħajja jew, b’mod aktar dirett, il-mistoqsija radikali metafisika: “Għaliex hemm xi ħaġa?”

It-tieni aspett tal-filosofija nisranija hu oġġettiv jiġifieri dwar dak li hu l-materja tagħha. Ir-Rivelazzjoni tipproponi ċerti veritajiet li forsi ir-raġuni minn rajha qatt ma kienet issibhom, għalkemm fihom infushom, ir-raġuni tista’ tifhimhom. Fost dawn il-veritajiet hemm il-fehma dwar Alla persuna, ħieles u ħallieq tad-dinja, verità hekk importanti għall-iżvilupp tal-ħsieb filosofiku, speċjalment dwar il-filosofija ta’ l-esseri. Hemm ukoll il-fatt veru tad-dnub, kif jidher fid-dawl tal-fidi, u jgħin biex titfassal formulazzjoni filosofiku xieraq tal-problema tad-deni u tal-ħażen. In-nozzjoni tal-persuna bħala esseri spiritwali hu kontribut speċifiku ieħor tal-fidi: il-proklamazzjoni nisranija tad-dinjità tal-bniedem, ta’ l-egwaljanza u l-libertà tiegħu, żgur influwenzaw sewwa l-ħsieb filosofiku ta’ llum. Fi żmien aktar qrib tagħna, seħħ il-fatt storiku li hu l-qofol tar-Rivelazzjoni nisranija u hu mportanti wkoll għall-filosofija. Mhux kumbinazzjoni li dan il-fatt sar il-pern għal filosofija ta’ l-istorja li tqis lilha nfisha bħala kapitlu ġdid għat-tfittix tal-verità mill-bniedem.

Fost l-elementi oġġettivi tal-filosofija nisranija nistgħu nsemmu wkoll il-ħtieġa li naraw kemm huma raġjonevoli ċerti veritajiet li nsibu fl-Iskrittura, bħalma huma l-vokazzjoni soprannaturali tal-bniedem u l-istess dnub tan-nisel. Dawn huma problemi li jisfidaw lir-raġuni biex tammetti li hemm xi ħaġa vera u raġjonevoli ħafna ′l hemm mil-limiti li normalment tinsab magħluqa fihom. Dawn il-problemi fil-fatt iżidu l-oqsma li r-raġuni tista’ tikkonsidra.

Il-filosofi, huma u jistħarrġu dawn il-problemi, ma jsirux teologi, għax mhux qegħdin ifittxu u jfissru il-veritajiet tal-fidi mir-Rivelazzjoni. Komplew jaħdmu fil-qasam tagħhom u bil-metodi tagħhom, kollha kemm huma bażati fuq il-ħidma tar-raġuni, iżda fir-riċerka tagħhom fittxew aspetti ġodda tal-verità. Nistgħu ngħidu li parti kbira tal-filosofija moderna u ta’ żmienna ma kinitx teżisti kieku ma kienx hemm l-istimolu tal-Kelma ta’ Alla. Din il-konklużjoni tibqa’ dejjem importanti minkejja l-fatt, jdejqek ħafna, li ħafna filosofi fl-aħħar mijiet ta’ snin abbandunaw l-ortodossija nisranija.

Il-filosofija turi qagħda oħra meta t-teoloġija stess timpenjaha. It-teoloġija dejjem kienet teħtieġ u għadha teħtieġ il-kontribut tal-filosofija. It-teoloġija, bħala kritika raġjonevoli fid-dawl tal-fidi, tissoponi u titlob li fir-riċerki kollha tagħha ikollha l-għajnuna ta’ raġuni mħarrġa u mħejjija biex taħseb u tiddiskuti. Barra dan, it-teoloġija trid tissieħeb mal-filosofija fid-djalogu biex turi li dak li tgħid, jiftiehem u huwa veru universalment. Mhux kumbinazzjoni li għal dan il-għan Missirijiet il-Knisja u t-teoloġi taż-żmien tan-Nofs addottaw filosofiji mhux insara. Dan il-fatt storiku juri s-siwi ta’ l-awtonomija tal-filosofija, li tibqa’ bla mittiefsa meta t-teoloġija titlobha s-sehem tagħha; iżda dan il-fatt juri wkoll il-bidliet kbar li l-filosofija trid tagħmel.

Kien proprju imħabba dan il-kontribut nobbli u indispensabbli, li l-filosofija, sa minn żmien Missirijiet il-Knisja, ġiet imsejħa l-qaddejja tat-teoloġija (ancilla theologiae). Dan it-titolu ma jridx ifisser li l-filosofija hi mjassra mit-teoloġija jew li għandha biss tagħti servizz ta’ qadi lit-teoloġija. Għall-kuntrarju, il-frażi ġiet użata fis-sens li Aristotele sejjaħ lix-xjenzi sperimentali “ancillae” – qaddejja – tal-prima philosophia. Din l-espressjoni li llum ma tantx tista’ tintuża minħabba l-prinċipju ta’ l-awtonomija li semmejna, tul l-istorja serviet biex turi l-ħtieġa tar-rabta bejn dawk iż-żewġ xjenzi u li mhux possibbli ebda firda bejniethom.

Kieku t-teologi kellhom jirruftaw l-għajnuna tal-filosofija, kieku jissugraw jagħmlu mingħajr ma jridu ħidma filosofika u kienu jingħalqu fi strutturi ta’ ħsieb li ftit kienu jgħinuhom ħa jifhmu l-fidi. U jekk il-filosofi, min-naħa tagħhom, iwarrbu għal kollox it-teoloġija, kien ikollhom jippruvaw jifhmu bil-ħila tagħhom biss dak li tgħid il-fidi, kif ġara lil xi wħud mill-filosofi ta’ llum. B’mod jew ieħor, ikunu mhedda li jinqerdu l-prinċipji fondamentali ta’ l-awtonomija li kull xjenza trid li tkun garantita lilha.

Meta l-filosofija tieħu din il-qagħda, bħat-teoloġija, tiġi taħt l-awtorità tal-Maġisteru u tal-ġudizzju tiegħu, minħabba l-implikazzjonijiet li għandha ħalli tiftiehem ir-Rivelazzjoni, kif ġa għedt. Il-veritajiet tal-fidi jitolbu ċertu rispett li l-filosofija trid tħares meta timpenja lit-teoloġija.

Fid-dawl ta’ dawn ir-riflessjonijiet għandu jidher ċar għaliex il-Maġisteru tenna ta’ spiss il-merti tal-ħsieb ta’ San Tuas u għażlu bħala mexxej u mudell għall-istudji teoloġiċi. Dan ma sarx biex jiġu milqugħin flok oħrajn feħmiet kollha kemm huma filosofiċi jew biex jiġu aċċettati xi teżijiet partikulari. Il-fehma tal-Maġisteru dejjem kienet u għada dik li turi kemm il-ħsieb ta’ San Tumas hu mudell mill-aħjar għal dawk kollha li qed ifittxu l-verità. Fil-ħsieb tiegħu, dak li titlob ir-raġuni u dik li hi l-qawwa tal-fidi sabu l-ogħla sintesi li qatt waslet għaliha l-moħħ tal-bniedem, għaliex San Tumas bil-ħsieb tiegħu għaraf iħares ir-radikalità tar-Rivelazzjonijiet mingħajr ma tnaqqas xejn mill-mixja tal-filosofija.

Jien u nuri b’mod iktar ċar dak li l-Maġisteru għallem qabel, f’dan l-aħħar kap irrid nuri xi ħtiġiet li t-teoloġija – u b’mod aktar fondamentali l-istess Kelma ta’ Alla – illum qed titlob mill-ħsieb filosofiku u lill-filosofiji ta’ llum. Kif ġa għedt il-filosofija għandha r-regolamenti tagħha li trid tħares u timxi skond il-prinċipji tagħha, iżda l-verità ma tistax tkun ħlief waħda. Ir-rivelazzjoni qatt ma tista’ tbaxxi la dak li tiskopri l-filosofija u lanqas l-awtonomija leġittima tar-raġuni. Iżda r-raġuni hija u tagħraf li m’hijiex xi valur assolut u esklussiv, qatt ma għandha titlef jew twarrab il-ħila tagħha li tistaqsi jew tiġi mistoqsija. Il-verità rivelata bis-saħħa tad-dija li tiġiha mingħand Dak li hu, tagħti l-milja tad-dawl u għalhekk tista’ ddawwal it-triq tar-riċerka filosofika. Fi ftit kliem, ir-Rivelazzjoni nisranija, il-ħsieb filoofiku u l-ħsieb teoloġiku jiltaqgħu ma’ xulxin u jiġu wiċċ mb’wiċċ fir-relazzjoni ta’ bejniethom. Nittama għalhekk li l-filosofi u t-teologi jħallu tmexxihom biss l-awtorità tal-verità biex ikun hemm filosofija li tkun taqbel mal-Kelma ta’ Alla. Din il-filosofija tkun il-post fejn il-fidi nisranija u l-kulturi umani jiltaqgħu flimkien f’mument li fih dawk li jemmnu jkunu aktar konvinti li l-fidi tikber u tkun aktar vera meta tingħaqad mal-ħsieb u ma twarrbux. Hawn ukoll huma Missirijiet il-Knisja li jgħallmuna dan: “Temmen m’huwiex ħaġa oħra ħlief taħseb int u taċċetta … Kull min jemmen u jaħseb, waqt li jemmen u jaħseb ikun jemmen huwa u jaħseb … għaliex il-fidi jekk ma taħsibx fuqha ma hija xejn.”[95] U wkoll: “Jekk ma taċċettax, ma hemmx fidi … għax jekk ma taċċettax, xejn ma jitwemmen.”[96]

 

Is-seba’ Kap

ĦTIĠIJIET U DMIRIJIET GĦAL-LUM

 

Il-ħtiġijiet tal-Kelma ta’ Alla li ma jistgħux jitwarrbu

 

Fl-Iskrittura nsibu elementi, kemm impliċiti u kemm espliċiti, li jgħinu biex tinkiseb dehra b’aspett filosofiku qawwi ħafna tal-bniedem u tad-dinja. L-insara ftit ftit intebħu li fil-paġni tal-Kotba Mqaddsa hemm għana liema bħalu. Minn dawn il-kotba joħroġ li dak kollu li tiegħu għandna l-esperjenza la hu assolut, u la hu minn dejjem mhux maħluq u lanqas tnissel minnu nnifsu. Alla biss hu waħdu l-Assolut. Mill-paġni tal-Bibbja toħroġ ukoll dehra tal-bniedem bħal xbieha (image) ta’ Alla u għandha fiha sinjali ċari ta’ l-essenza u tal-libertà tiegħu kil ukoll ta’ l-immortalità ta’ l-ispirtu tiegħu. Għaliex id-dinja m’hijiex biżżejjed għaliha nfisha, kull illużjoni ta’ awtonomija li tiċħad illi l-ħlejjaq kollha min-natura tagħhom stess jiddependu minn Alla u għalhekk ukoll il-bniedem, twassal għal qagħdiet drammatiċi li jħarbtu l-armonija ta’ kull riċerka mir-raġuni u jeqirdu t-tifsir tal-ħajja tal-bniedem.

Il-problema tad-deni morali, li hija l-problema l-aktar traġika, tissemma fil-Bibbja fejn ingħad li dan id-deni m’hux ġej minn xi difett tan-natura imma aktarx hu ġerħa ġejja mill-użu ħażin tal-libertà li jagħmel il-bniedem. Il-kelma ta’ Alla mbagħad fl-aħħar tqanqal il-kwistjoni tat-tifsir tal-ħajja u tagħti t-tweġiba tagħha hija u turi lil bniedem Kristu Ġesù, l-Iben Alla magħmul bniedem, li jwassal in-natura tal-bniedem għall-mija sħiħa tagħha. Aspetti oħra ta’ din il-problema joħorġu mill-qari tal-Kotba Mqaddsa, iżda dak li jidher tassew ċar hu ċ-ċaħda ta’ kull sura ta’ relattiviżmu, materjaliżmu u panteiżmu.

Il-konvinzjoni fondamentali ta’ din il-“filosofija” li tinsab fil-Bibbja hi li l-ħajja tal-bniedem u l-istess dinja jfissru xi ħaġa u huma resqin lejn it-tmiem tagħhom li sseħħ fi Kristu Ġesù. Il-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni jibqa’ dejjem iċ-ċentru li lejh irridu nħarsu biex nifhmu l-misteru tal-ħajja tal-bniedem: tad-dinja maħluqa, ta’ Alla nnifsu. F’dan il-misteru l-isfidi għall-filosofija, joħorġu fil-beraħ għaliex ir-raġuni li msejħa biex tagħmel tagħha l-loġika ħa ġġarraf il-ħitan li fihom tissogra li tingħalaq. Hekk biss it-tifsir ta’ l-eżistenza tal-bniedem jilħaq l-għan tiegħu. Fil-fatt, l-essenza intima ta’ Alla u tal-bniedem tkun tista’ tiftiehem fil-Verb magħmul bniedem. Fil-misteru tal-Verb magħmul bniedem, in-natura divina u n-natura umana, bl-awtonomija proprja tagħhom, jibqgħu bla mittiefsa u flimkien juru rabta waħdanija li torbot flimkien iż-żewġ naturi bla ebda taħlit u taħwid bejniethom.[97]

Jeħtieġ ninnotaw li fost l-elementi li l-aktar ifissru fil-qagħda tagħna tal-lum hemm “il-kriżi tat-tifsir”. Il-fehmiet, li huma spiss ta’ natura xjentifika, dwar il-ħajja u d-dinja tant żdidu li qed jagħtuna ħafna rqaqat ta’ tagħrif u dan iwassal biex jagħmel aktar diffiċli għalina, u xi kull tant jitlob ħafna taħbit għal xejn, biex niksbu s-sens u t-tifsir ta’ xi ħaġa. Anzi – u dan hu aktar traġiku – f’din il-konfużjoni ta’ ħafna dati u ta’ ħafna tagħrif li fiha kuljum qed ngħixu u qishom jidhru xi tifsila ta’ l-istess eżistenza, ħafna qed jistaqsu jaqbilx aktar illum tistħarreġ is-sens ta’ xi ħaġa. L-għadd ta’ opinjonijiet li dwarhom isiru d-diskussjonijiet biex tingħata xi tweġiba, u wkoll il-ħafna suriet tal-kontemplazzjoni u ta’ l-interpretazzjoni tad-dinja u tal-ħajja tal-bniedem ma jwasslux ħlief biex isaħħu dan id-dubju radikali li faċli jwassal għax-xettiċiżmu u għall-indifferenza jew ukoll għal ħafna suriet ta’ nikiliżmu.

Minħabba f’dan jiġri li l-ispirtu tal-bniedem jikseb sura ta’ ambigwità fil-mod kif jaħseb u jasal biex dejjem aktar jingħalaq fih innifsu u jwarrab kull sura ta’ traxxendenza. Dik il-filosofija li ma tagħmilx mistoqsijiet dwar it-tifsir tal-ħajja tal-bniedem tkun qed tersaq lejn il-periklu li tillimita l-ħidma kollha tar-raġuni għall-ħidma strumentali biss, mingħajr ebda ħerqa għal riċerka tal-verità.

Il-filosofija biex tkun taqbel mal-Kelma ta’ Alla trid l-ewwelnett issib mill-ġdid id-dimensjoni sapjenzjali tagħha jiġifieri tfittex it-tifsir finali u sħiħ tal-ħajja. Dan l-ewwel impenn, jekk nifhmuh sewwa, iqanqal lill-filosofija biex tfittex li tkun taqbel man-natura tagħha stess. Meta tkun tagħmel dan, ma tkunx biss fattur deċisiv u kritiku li juri l-limiti u l-fundament tal-ħafna oqsma tat-tagħrif xjentifiku, imma tkun ukoll il-fattur finali ta’ l-għerf u l-ħidmiet tal-bnedmin kollhom kemm huma, u tmexxihom lejn l-għan u t-tifsir definittiv tagħhom. Din id-dimensjoni sapjenzali li hi llum hekk meħtieġa għaliex kibret ħafna s-setgħa teknika tal-bniedem u dan jitlob għarfien aktar ċar u mġedded ta’ l-ogħla ġid. Meta dawn il-mezzi tekniċi ma jfittux l-għan finali tal-bniedem, imma jibqgħu limitati għal dak li jkun jaqbel fil-mument, malajr jidbiddlu f’mezzi kiefra anzi jistgħu jinbidlu f’mezzi ta’ qerda tal-ġens tal-bniedem.[98]

Din il-ħidma ta’ għerf ma tistax issir minn filosofija li ma tkunx hi stess għerf awtentiku u veru, jiġifieri għerf li ma jfittix biss aspetti partikulari u relattivi tar-realtà sew jekk ikunu funzjonali u sew jekk ikunu formali jew utili, imma jittex ukoll il-verità sħiħa u definittiva tar-realtà, jiġifieri l-essenza proprja ta dak li jingħad. Din hi esiġenza oħra: l-istħarriġ tal-kapaċità tal-bniedem biex jasal għall-għarfien tal-verità, fiha nfisha permezz ta’ l-adequatio rei et intellectus kif kienu jgħidu l-għorrief ta’ l-iskolastika.[99] Din l-esiġenza, proprja tal-fidi, ġiet imtennija espliċitament mil-Konċilju Vatikan II li “l-intelliġenza ma tillimitax ruħha biss għall-istħarriġ tal-fenomeni, imma tista’ tikseb ukoll l-għarfien tar-realtà li tiftiehem, u tkun ċerta minn dan l-għarfien, ukoll jekk, minħabba d-dnub, tkun xi ftit imdallma u dgħajfa.[100]

Filosofija li radikalment hi biss relatata għall-fenomeni u hi biss relattiva tidher li m’hijiex tajba biex tgħin ħalli jingħaraf il-fond ta’ l-għana li jinsab fil-Kelma ta’ Alla. L-iskruttura dejjem tissupponi li l-bniedem, ukoll jekk ħati ta’ wiċċ b’ieħor, u tal-gideb, hu kapaċi jasal jagħraf il-verità ċara u sempliċi. Fil-Kotba Mqaddsa, u l-aktar fit-Testment il-Ġdid, hemm ħafna passi u dikjarazzjonijiet ta’ natura ontoloġika. Il-kittieba spirati riedu fil-fatt jagħmlu dikjarazzjonijiet veri jiġifieri dikjarazzjonijiet li juru l-verità oġġettiva fiha nfisha. Ma nistgħux ngħidu li t-tradizzjoni kattolika żbaljat meta fehmet xi passi minn San Ġwann u minn San Pawl bħala dikjarazzjonijiet dwar l-essenza ta’ Kristu, min hu tassew Kristu. It-teoloġija meta tfittex li tifhem u tfisser dawn id-dikjarazzjonijiet , teħtieġ għalhekk l-għajnuna tal-filosofija li ma tiċħadx il-kapaċità ta’ għarfien oġġettivament veru, għalkemm dan l-għarfien jista’ jkun dejjem aħjar. Dan jgħodd ukoll għal kull ġudizzju tal-kuxjenza morali li l-Iskrittura tissupponi li jkun oġġettivament veru.[101]

Dawn iż-żewġ esiġenzi jitolbu esiġenza oħra: hi meħtieġa filosofija ta’ natura verament metafisika, jiġifieri kapaċi li tmur ′l hemm minn dak li jgħaddi, biex tilħaq, fir-riċerka tagħha tal-verità, dak li hu b’xi mod assolut, finali, fondamentali. Din hi esiġenza ta’ l-għerf, kemm sapjenzjali u kemm analitiku, u b’mod partikulari hi esiġenza proprja tal-ġid morali, li bħala fondament tiegħu għandu l-ogħla ġid, Alla nnifsu. Ma rridx nitkellem hawn fuq il-metafisika bħala xi skola speċifika, jew bħala xi sistema storika partikulari. Nixtieq biss ngħid li r-realtà u l-verità huma ′l fuq minn dak li hu fatti u esperjenza biss, u rrid ninsisti li l-bniedem għandu l-ħila li jagħraf din id-dimensjoni traxxendenti u metafisika b’mod veru u żgur, għalkemm b’mod mhux perfett u analoġiku. B’dan is-sens, il-metafisika ma tidhirx bħala alternattiva għall-antropoloġija, għax hi proprju il-metafisika li tagħti pedament għall-fehma tad-dinjità tal-persuna minħabba l-kondizzjoni spiritwali tagħha. Il-persuna, b’mod partikulari, hi l-qasam privileġġjat fejn issir il-laqgħa ma’ l-esiżtenza u għalhekk ukoll mar-riflessjoni metafisika.

Kull fejn il-bniedem jiltaqa’ ma’ xi sejħa lejn l-assolut u lejn dak li hu traxxendenti, hemm isib il-ftuħ lejn id-dimensjoni metafisika tar-realtà: fil-verità, fil-ġmiel, fil-valuri morali, fil-persuna ta’ l-ieħor, fl-istess eżistenza, f’Alla. Sfida kbira li qed tistenniena fi tmiem dan il-millennju hi dik li nagħmlu pass ′il quddiem, meħtieġ u urġenti, biex minn dak li hu fenomenu naslu għal dak li hu fondamentali. Ma nistgħux nieqfu biss fl-esperjenza , u kull meta din turina x’hemm ġewwa l-bniedem u x’inhi l-ispiritwalità tiegħu, jeħtieġ li r-riflessjoni spekulattiva tilħaq il-qalba tal-ħajja spiritwali u l-pedament li fuqu tistrieħ. Ħsieb filosofiku li ma jrid ebda ftuħ metafisiku bilfors ikun radikalment mhux kapaċi jgħin fl-għarfien tar-Rivelazzjoni.

Il-Kelma ta’ Alla spiss issemmi dak li jmur ′l hemm mill-esperjenza u wkoll l-istess ħsieb tal-bniedem; iżda dan il-“misteru” ma jistax jiġi rivelat u lanqas ma tista’ t-teoloġija tagħmlu jiftiehem,[102] kieku l-għarfien tal-bniedem kien biss limitat għad-dinja li tingħaraf mill-esperjanza tas-sensi. Il-metafisika, għalhekk tinsab qisha f’qagħda li tista’ tidħol biex tgħin ir-riċerka teoloġika. Teoloġija mċaħda mill-metafisika , ma tistax tmur ′l mill-analisi ta’ l-esperjenza reliġjuża, ulanqas tista’ tħalli l-intellectus fidei jfisser il-mod koerenti tal-valur universali traxxendenti tal-verità rivelata.

Jekk qed ninsisti ħafna fuq l-element metafisiku dan qed nagħmlu għaliex jiena żgur li din hi t-triq meħtieġa biex tingħeeb il-qagħda ta’ kriżi li qed taħkem ħafna setturi kbar tal-filosofija u hekk jiġu korretti xi suriet ta’ mġiba żbaljata, li jinsabu mxerrdin fis-soċjetà tagħna.

L-importanza tal-metafisika tidher aktar evidenti meta nqisu l-iżvilupp fl-ermenewtika, u fl-analiżi tal-ligwaġġ. Ir-riżultat ta’ dawn l-istudji jistgħu jkunu jiswew ħafna biex tiftiehem il-fidi, għaliex juru kif il-bniedem jaħseb u jitkellem u x’sens għandu l-lingwaġġ tiegħu. Iżda xi whud minn dawn li qed jistudjaw ix-xjenzi, fir-riċerka tagħhom, ifittxu biss ħa jaraw kif il-bniedem jifhem u kif jgħid x’inhi r-realtà mingħajr ma jmur aktar fil-fond u jfittex ir-raġuni għaliex il-bniedem hu kapaċi jasal għall-għarfien ta’ l-essenza ta’ din ir-realtà. Kif jista’ wieħed ma jarax f’din l-imġiba konferma tal-kriżi ta’ llum fil-fiduċja dwar il-kapaċità tar-raġuni? Meta mbagħad, minħabba fehmiet żbaljati mħaddnin minn qabel, dawn it-teżijiet jaslu biex idallmu d-duttrina tal-fidi jew jiċħdu l-valur universali tagħha, dawn mhux biss ibaxxu r-raġuni imma jaslu biex jeskludu lilhom infushom. Dan għax il-fidi b’mod l-aktar ċar tissoponi li l-lingwaġġ tal-bniedem kapaċi jfisser b’mod universali r-realtà divina u traxxendenti, ukoll jekk biss analoġikament, iżda ma tiftiehemx inqas.[103] Kieku ma kienx hekk, il-Kelma t’Alla, li hi dejjem kelma divina b’lingwaġġ uman, ma kienx ikollha ħila li tgħid l-iċken ħaġa fuq Alla. L-interpretazzjoni ta’ din il-Kelma ta’ Alla, ma tistax tkun biss interpretazzjoni waħda wara l-oħra, mingħajr qatt ma jkun hemm affermazzjoni sempliċement vera. Kieku kien mod ieħor, ma kienx ikun hemm rivelazzjoni ta’ Alla, imma biss l-espressjoni ta’ fehmiet umani dwar Alla u dwar kif inqisu kif hu jaħseb fuqna.

Naf sewwa li dawn il-ħtiġijiet, mitlubin lill-filosofija mill-Kelma ta’ Alla, jistgħu jidhru iebsin għal dawk kollha li llum huma dedikati għar-riċerka filosofija. Hu għalhekk li qed nagħmel tiegħi, dal li l-Papiet minn xi żmien ′l hawn, ma waqfu qatt jgħallmu u li tenna l-Konċilju Vatikan II, biex nesprimi l-konvinzjoni tiegħi li l-bniedem jista’ jasal biex ikollu dehra unitarja u organika ta’ l-għerf. Din hi waħda mill-ħidmiet li għaliha jrid jidħol il-ħsieb nisrani tul il-millenjum l-ġdid. It-tqassim ta’ l-għerf f’ħafna sezzjonijiet jwassal biex wieħed ma jersaqx lejn il-verità b’mod sħiħ, u dan iġib ħafna tqassim fit-tifsir tagħha, b’mod li l-bniedem ta’ llum ma jasalx biex ikollu dehra sħiħa ta’ l-unità tal-verità fiha nfisha. Kif ma jistax dan ma jħassibx il-Knisja? Dan id-dmir dwar l-għerf lir-rgħajja ta’ l-erwieħ jiġihom mill-istess Evanġelju u huma jħossu li ma jistgħux jibqgħu lura milli jaqdu dan id-dmir tagħhom.

Jien inħoss li dawk kollha li llum jridu jwieġbu bħala filosofi għal dak li titlob il-Kelma ta’ Alla lill-ħsieb tal-bniedem, jridu jfasslu kliemhom skond din il-ħtieġa u hekk ikomplu dik it-tradizzjoni kbira li, tibda mill-antiki, tgħaddi minn Missirijiet il-Knisja u mill-għorrief ta’ l-iskolastika biex tasal tħaddan kull ma nkiseb fondamentalment mill-ħsieb modern u ta’ llum. Il-filosofu, jekk jagħraf jidħol f’din it-tradizzjoni u jkun ispirart minnha ma jonqosx li juri fedeltà sħiħa lejn dak li titlob l-awtonomija tal-ħsieb filosofiku.

Ifisser ħafna, kif hi l-qagħda llum, li xi filosofi qegħdin iħabirku biex tingħaraf mill-ġdid il-ħidma determinanti tat-traduzzjoni ħa jkun hemm tagħrif xieraq. Ir-riferenza għat-tradizzjoni m’hijiex biss xi tifkira ta’ l-imgħoddi, imma hi aktar l-għarfien ta’ wirt kulturali li hu proprju tal-ġens kollu tal-bnedmin. Anzi nistgħu ngħidu li aħna nagħmlu parti minn din it-tradizzjoni u nistgħu għalhekk nagħmlu li rridu minnha. Hu proprju meta nfittxu l-għeruq tat-tradizzjoni, li jista’ llum ikollna ħsieb oriġinali, ġdid u jħares lejn il-ġejjieni. Dan jgħodd ukoll għat-teoloġija: mhux biss għandha it-traduzzjoni ħajja tal-Knisja bħala l-għan oriġinali tagħha,[104] imma wkoll, proprju minħabba f’hekk tista’ tikseb mill-ġdid kemm it-tradizzjoni teoloġika għolja taż-żminijiet ta’ l-imgħoddi, u wkoll dik it-tradizzjoni li tibqa’ għal dejjem ta’ filosofija li għarfet, bl-għerf għoli tagħha, tmur ′l hemm mil-limiti ta’ l-ispazju u taż-żmien.

Bl-insistenza fuq il-ħtieġa li jkun hemm relazzjoni mill-qrib dejjem sejra tar-riflessjoni filosofika ta’ llum ma’ riflessjoni tat-tradizzjoni nisranija, jinżammu ′l bogħod mil-periklu moħbi f’xi suriet ta’ ħsieb, mxerrdin ħafna. Għalkemm fil-qosor, nħoss li għandi ngħid xi ħaġa biex nuri l-iżbalji li fihom dawn is-suriet biex nuri x’periklu huma għall-ħidma filosofika.

L-ewwel sura ta’ ħsieb hi dik magħrufa bl-isem ta’ ekkletiżmu. Kelma li tfisser il-qagħda ta’ dak li fir-riċerka, fit-tagħlim u fid-diskussjonijiet tiegħu, fid-diskussjonijiet teoloġiċi wkoll, imdorri jieħu fehmiet minn ħafna skejjel ta’filosofija, mingħajr ma jqis jekk jaqblux ma’ xulxin jew jekk hemmx xi rabta bejniethom, u mingħajr lanqas iqis l-ambjent storiku li fih żviluppaw. B’dan il-mod isib ruħu f’qagħda li ma jkunx jista’ jara dik il-parti tal-verità li jkun hemm f’xi ħsieb u ma jagħrafx iwarrab dak li f’dan il-ħsieb ikun żbaljat jew mhux adatt. Sura esaġerata ta’ eklettiżmu narawha fl-użu retoriku ħażin, tal-kelmiet filosofiċi li xi kull tant isir minn xi teologu. L-eklettiżmu ma jgħix biex tinkiseb il-verità u ma tħejjiex ir-raġuni – filosofika u teoloġika – biex tiddiskuti bis-serjetà u b’mod xjentifiku. Studju serju fil-fond tad-duttrina filosfika tal-lingwaġġ proprju tagħha, il-kontest li fih nibtet, jgħinu ħafna biex jintrebaħ il-periklu ta’ l-eklettiżmu, u jagħtiha post xieraq fid-diskussjonijiet teoloġiċi.

L-ekkletiżmu hu żball fil-metodu, iżda jista’ jkun hemm moħbi fih il-fehmiet proprji ta’ l-istoriċiżmu. Biex tiftiehem sewwa xi duttrina ta’ l-imgħoddi, jeħtieġ li din titqies fil-kuntest storiku u kulturali li fih żviluppat. Issa t-teżi fondamentali ta’ l-istoriċiżmu hi li l-verità ta’ xi filosofija tiddependi fil-fatt li tkun adatta għall-perjodu determinat taż-żmien u għall-ħidma storika determinata. B’dan il-mod almenu impliċitament, ikun qiegħed jingħad li l-veru mhux validu għal dejjem. Dak li kien veru f’xi żmien, jgħid min hu storiċista, jista’ ma jkunx veru f’xi żmien ieħor. L-istorja tal-ħsieb, għalhekk issir għalih xejn anqas minn riżorsa arkeoloġika li minnha jieħu dak li jrid biex juri x’kieku qagħdiet ta’ l-imgħoddi li ġew superati u ma għandhom l-ebda tifsira għaż-żmien tal-lum. Iżda għall-kuntrarju, rridu nqisu li, ukoll jekk il-formulazzjoni tal-verità hi marbuta b’xi mod ma’ xi żmien jew xi kultura, il-verità jew l-iżball jistgħu dejjem jingħarfu u għalhekk jistgħu jitqiesu sewwa, minkejja d-distanzi ta’ żmien u ta’ l-imkien.

Fir-riflessjonijiet teoloġika, l-istorċiżmu aktarx juri ruħu f’sura ta’ moderniżmu. Bil-ħsieb tajjeb li d-diskors teoloġiku ikun jiswa għall-mument ta’ issa, u jiftiehem mill-bniedem ta’ llum, jintużaw biss dikjarazzjonijiet u diskorsi filosofiċi ta’ llum, mingħajr ma ssirihom kritika fid-dawl tat-tradizzjoni. Din is-sura ta’ moderniżmu, għax iqis dak li hu attwali u ta’ issa flok il-verità, ma tissodifax dak li titlob il-verità, u li t-teoloġija hi msejħa biex twieġeb għalih.

Periklu ieħor li rridu nqisu hu x-xjentiżmu. Dan il-ħsieb filosofiku ma jaċċettax bħala validi suriet ta’ għerf li huma differenti minn dawk tax-xjenzi posittivi, u jqis sempliċiment bħala immaġinazzjoni kemm l-għerf reliġjuż u teoloġiku u kemm l-għerf etiku u estetiku. Fl-imgħoddi dan il-ħsieb kien imħaddan mil-pożittiviżmu u min-neopożittiviżmu li kienu jqisu bla ebda tifsir kull dikjarazzjoni ta’ karattru metafisiku. Il-kritika epistemoloġika wriet kemm kienu fiergħa dawn il-fehmiet, u għalhekk dehru mill-ġdid taħt il-libsa tax-xjentiċiżmu, li jqis il-valuri biss bħala frott ta’ l-emozzjonijiet u jwarrabhom fil-ġenb biex jagħti post biss lill-fatti. Ix-xjenza qisha għalhekk qed tħejji ruħha biex taħkem fuq l-aspetti kollha ta’ l-eżistenza tal-bniedem, permezz tal-progress teknoloġiku. Is-suċċessi kbar tar-riċerka xjentifika u tat-teknoloġija ta’ żmienna għenu ħafna fit-tixrid ta’ mentalità xjentista, li tidher llum li hi bla limiti, għax daħlet fil-kulturi kollha u ġiebet ħafna tibdiliet radikali.

Irridu ngħidu wkoll li x-xjentiżmu iqis bħala bla raġuni u immaġinarja l-mistoqsija dwar is-sens tal-ħajja. Mhux inqas ta’ dispjaċir il-mod kif ix-xjentiżmu jersaq lejn il-problemi kbar tal-filosofija li, meta ma jiċħadhomx, janalizzahom skond analoġiji superfiċjali, bla ebda bażi fir-raġuni. Dan ifaqqar ir-riflessjoni tal-bniedem li tiġi mċaħħda minn dawk il-problemi fondamentali li l-bniedem bħala animal rationale (esseri ħaj lijirraġuna) sa mill-bidu taż-żmien dejjem stħarreġ. Minħabba li kull ġudizzju kritiku skond prinċipji ta’ l-etika mwarrab f’qagħda bħal din, il-mentalità xjentista rnexxilha twassal lil ħafna biex jaċċettaw li dak li teknikament jista’ jsir hu għalhekk minnu nnifsu moralment aċċettabli.

M’huwiex inqas ta’ periklu, il-progmatiżmu, li hu mod kif jaħseb min li fl-għażliet tiegħu jwarrab kull riflessjoni teoretika jew kull valutazzjoni skond il-prinċipji ta’ l-etika. Il-konsegwenzi fil-prattika ta’ dan il-mod tal-ħsieb huma bla għadd. B’mod partikulari, qed tinxtered fehma ta’ dimokrazija bla ebda riferenza għall-valuri li ma jidbiddlu qatt u għalhekk tiġi aċċettata kull imġiba li jkollha vot tal-maġġoranza parlamentari.[105] Il-konsegwenzi ta’ qagħda bħal din huma ċari biżżejjed: l-ogħla valuri morali tal-bniedem waħda wara l-oħra qegħdin/ jiġu deċiżi mill-votazzjoni ta’ l-organi istituzzjonali. Barra dan hi l-istess antropoloġija li qegħda tiġi influwenzata sewwa minn riflessjoni uni-dimensjonali tal-bniedem, jiġifieri mir-riflessjoni fuq il-bniedem qegħdin jitwarrbu l-problemi etiċi kbar u l-analiżi eżistenzjali tat-tbatija u tas-sagrifiċċju, tal-ħajja u tal-mewt.

Il-fehmiet li semmejt sa issa, kollha jwasslu għall-fehma aktar ġenerali, li milli jidher qiegħda tagħti llum struttura lil ħafna filosofiċi li ma jaċċettawx aktar xi tfisser li “tkun” (fl-esseri tiegħu). Ħsiebi qed imur għal fehma niħilista li tiċħad kull fundament u għall-bniedem twarrab kull verità oġġettiva. In-nikiliżmu qabel stess ma hu kontra dak li titlob li hu proprju tal-Kelma ta’ Alla, jiċħad l-umanità tal-bniedem u ta’ l-identità proprja tiegħu. Dan għax ma nistgħux ma niftakrux li meta wieħed jinsa li hu “dak li hu” bilfors jitlef ukoll kull kuntatt tal-verità oġġettiva u għalhekk ukoll kull pedament li fuqu tinbena d-dinjità tiegħu ta’ bniedem. U hekk niġu għall-possibbiltà li jitħassru minn wiċċ il-bniedem dawk is-sinjali li juruh bħala xbieha ta’ Alla, u hekk jasal pass pass jew għar-rieda qerrieda tas-setgħa jew għad-disprament tas-solitudni. Jekk tneħħi l-verità mill-bniedem, tkun fiergħa r-rieda li tagħmlu ħieles. Il-verità u l-libertà jew jimxu ′l quddiem flimkien jew jinqerdu flimkien għal kollox.[106]

Jiena u nikkummenta fuq il-fehmiet tal-ħsieb li għadni kemm semmejt, ma kontx bi ħsiebni nagħti dehra sħiħa tal-qagħda tal-filosofija llum: fl-aħħar mill-aħħar mhux faċli tagħti dehra waħdanija ta’ din il-qagħda. Iżda nixtieq ninsisti li l-wirt tat-tagħrif u ta’ l-għerf fil-fatt stagħna f’ħafna oqsma; basta ssemmi l-loġika, il-filosofija tal-lingwaġġ, l-epistemoloġija, il-filosofija tan-natura, l-antropoloġija, l-analiżi fil-fond tad-dimensjoni affettiva ta’ l-għerf u l-mod eżistenzjali ta’ l-analiżi tal-libertà. Min-naħa l-oħra, l-prinċipju ta’ l-immanenza, li hu fil-qofol tar-razzjonaliżmu, mis-seklu li għadda, qajjem reazzjoni biex jerġgħu jiġu diskussi radikalment ċerti problemi li kienu jitqiesu mhux aktar diskutibbli. Hekk nibtu movimenti razzjonalisti u l-kritika wriet ċar kemm kienet bla bażi ta’ xejn il-fehma tas-setgħa assoluta tar-raġuni.

Żmienna hu magħruf minn xi studjużi bħala ż-żmien post-modern. Din il-kelma hi użata spiss f’ambjenti ′l bogħod ħafna minn xulxin, u tfisser il-bidu flimkien ta’ għadd ta’ fatturi ġodda, li, kemm fit-tixrid u kemm fil-qawwa tagħhom urew kapaċità li jġibu tibdil li jfisser ħafna u li jibqa’. Il-kelma għalhekk għall-ewwel ġiet użata għal fenomeni ta’sura estetika, soċjali, teknoloġika. Aktar tard intużat ukoll fil-qasam filosofiku għalkemm b’ċerta ambigwità għaliex dak li jissejjaħ “post-modern” xi drabi kien pożittiv u xi drabi negattiv; ukoll għax ma hemmx qbil meta tintemm u tibda epoka oħra ta’ żmien. Ħaġa żgur hi ċerta: is-suriet ta’ ħsieb li jissejħu post-moderni jistħoqqilhom attenzjoni xierqa. Skond xi wħud minnhom iż-żmien ta’ ċertezza spiċċa għal kollox darba għal dejjem; u l-bniedem irid issa jidra jgħix f’qagħda bla sens, f’qagħda fejn kollox hu provviżorju u jmur mar-riħ. Ħafna kittieba, bil-kritika qerrieda tagħhom ta’ kull ċertezza, bla ebda għażla, jaslu biex jiċħdu wkoll iċ-ċertezza tal-fidi.

Dan in-nikiliżmu hu b’xi mod imwettaq mill-esperjenza kiefra tal-ħażen ta’ zmienna. Quddiem it-traġedja ta’ din l-esperjenza l-ottimiżmu razzjonalista li kien jara l-progress rebbieħ tar-raġuni, għajn ta’ hena u ta’ ħelsien, ma setax iżomm aktar, tant li waħda mill-aqwa theddid fi tmiem dan is-seklu hi t-tentazzjoni għad-disprament.

Iżda għad fadal ċerta mentalità posittiva li għada tħaddan il-ħolma li, minħabba rebħiet xjentifiċi u tekniċi, il-bniedem, qisu xi alla, jista’ waħdu jilħaq u jiżgura setgħa sħiħa fuq id-destin tiegħu.

Dmir it-teoloġija llum

 

Fl-għarfien tar-Rivelazzjoni, t-teoloġija f’kull żmien ta’ l-istorja kellha dejjem tilqa’ dak li titlob kull kultura biex twasslilhom il-veritajiet tal-fidi b’mod ċar u evidenti. Illum ukoll it-teoloġija għandha żewġ ħidmiet x’tagħmel. Min-naħa trid tiżviluppa l-impenn li l-Konċilju Vatikan II fdalha fi żmienu; tiġdid fil-metodi biex ikun hemm servizz aqwa ta’ evanġelizzazzjoni. Kif jista’ wieħed jinsa l-kliem tal-Papa Ġwanni XXIII fil-ftuħ tal-Konċilju? Dak inhar qal: “Jeħtieġ li aħna u nilqgħu t-tama ħajja ta’ dawk kollha li sinċerament iħobbu r-reliġjon nisranija kattolika, appostolika, inħabirku biex dejjem aktar tkun magħrufa sewwa fil-fond, u l-ispirti jkunu mgħallmin u formati b’mod sħiħ, hu meħtieġ li din id-duttrina żġura u li ma tinbidel qatt, tkun rispettata bil-fedeltà kollha, studjata fil-fond u ppreżentata bil-mod li jaqbel mal-ħtiġijiet ta’ żmienna”.[107]

Min-naħa l-oħra, t-teoloġija trid titfa’ ħarsitha fuq il-verità ta’ l-aħħar li ġiet fdata lilha mir-Rivelazzjoni, u ma tieqafx biss f’nofs it-triq. Jaqbel li t-teologu jiftakar li l-ħidma tiegħu twieġeb għad- “dinamiżmu li jinsab fl-istess fidi” u li l-għan proprju tar-riċerka tagħha hu “il-Verità, Alla l-ħaj u l-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni rrivelat lilna f’Ġesù Kristu”.[108] Dan id-dmir li hu l-ewwel dmir tat-teoloġija, jimpenja wkoll il-filosofija. Dan għaliex il-ħafna problemi li hemm illum jitolbu ħidma tagħhom flimkien biex il-verità tingħaraf u titħabbar ukoll jekk din il-ħidma ssir b’metodi differenti. Il-verità, li hi Kristu, timponi fuq kulħadd awtorità universali li tmexxi, timbotta u tkabbar (ara Ef 4, 15) kemm it-teoloġija u kemm il-filosofija.

Jekk temmen li tista’ tagħraf verità li hi valida dejjem u kullimkien u int ma tkunx imħajjar għan-nuqqas ta’ tolleranza; imma għall-kuntrarju, tkun qed turi l-kondizzjoni meħtieġa biex ikun hemm djalogu sincier u veru bejn persuna u oħra. Hekk biss jistgħu jingħelbu l-firdiet u jseħħ mixi ′l quddiem flimkien lejn il-verità sħiħa, mit-triqat li jafhom biss l-Ispirtu ta’ Kristu Rxoxt.[109]

L-għan fondamentali tat-teoloġija llum hu dak li tagħti tifsir tar-Rivelazzjoni u tad-duttrina tal-fidi. Il-qofol għalhekk tar-riflessjoni teoloġika llum hu l-kontemplazzjoni tal-misteru stess ta’ Alla wieħed fi tliet Persuni; nersqu lejn dan il-misteru aħna u nikkontemplaw il-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni ta’ l-Iben ta’ Alla: jiġifieri li l-Iben ta’ Alla sar bniedem bħalna, biex isofri l-passjoni u jmut, misteru li ntemm “fil-qawmien glorjuż tiegħu mill-imwiet”, it-tlugħ tiegħu fil-lemin tal-Missier, minn fejn bagħat l-Ispirtu tal-verità biex iwaqqaf u jagħti ħajja lil Knisja tiegħu. Fid-dawl ta’ dan, naraw li l-impenn ewlieni tat-teoloġija hu l-għarfien tal-kenosis ta’ Alla, li hi dejjem misteru kbir għall-moħħ tal-bniedem, li ma jistax jammetti li t-tbatija u l-mewt jistgħu jkunu xhieda ta’ mħabba, li tingħata mingħajr ma tintalab tpattija għaliha. Fid-dawl ta’ dan hi meħtieġa malajr u fil-fond li ssir b’attenzjoni l-analiżi tat-testi; l-ewwel tat-testi ta’ l-Iskrittura, imbagħad tat-testi li fihom hi mxandra t-tradizzjoni ħajja tal-Knisja. Dwar dan illum qegħdin naraw xi problemi, ġodda biss f’xi parti minnhom, u soluzzjoni xierqa tagħhom ma tistax tinsab mingħajr l-għajnuna tal-filosofija.

L-ewwel problema hu dwar ir-relazzjoni bejn it-tifsir u l-verità. Dak li jkun veru għal kull test, hu veru wkoll għat-testi li t-teologu jrid jagħraf u jfisser. Issa dan it-tifsir juri li hija l-Kelma ta’ Alla, li Alla nnifsu qiegħed iwassal permezz tat-test imqaddes. Bil-lingwaġġ tal-bniedem, jinstema’ l-lingwaġġ ta’ Alla li jwassal il-verità proprja tiegħu “b’tjieba” tassew ta’ l-għaġeb skond il-loġika ta’ l-inkarnazzjoni.[110] Għalhekk meta jiġi biex ifisser it-testi tar-Rivelazzjoni, it-teologu jrid jistaqsi lilu nnifsu x’inhi l-verità għolja u vera li dawn it-testi jridu jwasslu, minkejja d-dgħufija tal-lingwaġġ.

Meta niġu biex infissru t-testi ta’ l-iskrittura, speċjalment t-testi ta’ l-Evanġelju, ma għandniex naħsbu li l-verità tagħhom hija biss dwar narrazzjoni ta’ fatti storiċi jew dikjarazzjoni ta’ xi ġrajjiet kienu x’kienu – din biss il-fehma tal-posittiviżmu storiċista.[111] Dawn it-testi, għall-kuntrarju qegħdin iħabbru fatti li l-verità tagħhom tmur aktar ′l hemm mis-sempliċi fatt storiku: it-tifsir tagħhom jinsab fl-istorja u għall-istorja tas-salvazzjoni. Din il-verità tidher b’mod tassew ċar fil-qari dejjem sejjer tul iż-zminijiet ta’ dawn it-testi mill-Knisja, waqt li jinżamm bla mittiefes it-tifsir oriġinali tagħhom. Importanti ħafna għalhekk li l-filosofija wkoll teżamina sewwa din ir-relazzjoni bejn il-fatt u t-tifsir tiegħu, għax hi relazzjoni li tagħti s-sens speċifiku lill-istorja.

Il-Kelma ta’ Alla m’hijiex għal xi poplu wieħed jew għal xi żmien wieħed. Dan jgħodd ukoll għad-dikjarazzjonijiet dommatiċi li, għalkemm xi drabi juru s-sinjali tal-kultura taż-żmien li fih saru, ixandru verità soda u definittiva. Hemm għalhekk il-problema kif se tqabbel l-aspett assolut u universali tal-verità mal-formuli li bihom imfissra l-verità, formuli influwenzati mill-ambjent storiku u kulturali tagħha li ma tistax teħles minnu. Kif ġa għedt it-teżijiet ta’ l-istoriċiżmu ma jistax wieħed jiddifendihom, iżda l-użu ta’ ermenewtika, miftuha għall-metafisika, tista’ twassal għall-verità mfissra b’formoli influwenzati mill-ambjent u l-kultura taż-żmien li kif saru, għax il-verità tista’ tmur ′l hemm minn dak li seta’ jinfluwenza l-formulazzjoni tagħha.

Il-bniedem, bil-lingwaġġ storiku u limitat tiegħu jista’ jesprimi veritajiet li huma ′l fuq minn dak li hu lingwaġġ. Dan għax il-verità ma tistax tiġi limitata miż-żmien u mill-kultura; il-verità tingħaraf fl-istorja imma hi ′l fuq mill-istess storja.

Din l-osservazzjoni tgħin biex tinsab soluzzjoni għall-problemi oħra: x’siwi għandu dejjem il-kliem li jfissru l-fehmiet u l-ħsieb f’definizzjonijiet konċiljari. Il-Papa ta’ qabli Piju XII, fl-enċiklika Humani generis ġa tkellem fuq din il-problema.[112]

M’hijiex ħaġa ħafifa taħseb fuq din il-problema, għax trid tqis bis-serjetà kollha t-tifsir li l-kliem jieħu f’kulturi u fi żminijiet diversi. Iżda l-istorja tal-ħsieb tal-bniedem turi sewwa li, minkejja t-tibdil kollu u l-varjetà tal-kulturi, ċerti ideat fondamentali jibqgħu jżommu l-valur universali tat-tifsir tagħhom u għalhekk iżommu bla mittiefsa l-verità li jfissru.[113] Kieku ma kienx hekk, la l-filosofija u la x-xjenzi ma jkunu jistgħu jikkomunikaw ma’ xulxin, u lanqas jistgħu jiġu milqugħin minn kulturi oħra diversi minn dawk il-kulturi li fihom ġew maħsuba u żviluppati. Mela hemm problema ta’ interpretazzjoni, li iżda tista’ tinħall; il-valur ta’ ħafna fehmiet fir-realtà ma jeskludix li spiss it-tifsir tagħhom ma jkunx perfett. Ir-riflessjoni filosofika tista’ tgħin ħafna f’dan il-qasam. Għalhekk hu ta’ min jixtiequ ħafna impenn partikulari għal studju fil-fond tar-relazzjoni bejn lingwaġġ li bih jiġi mfisser il-ħsieb u l-verità, kif ukoll il-proposta kif din ir-relazzjoni tiftiehem sewwa.

Dmir importanti tat-teoloġija hu t-tifsir ta’ l-għejun tal-verità, iżda impenn aqwa u aktar delikat u esiġenti hu l-għarfien il-verità rivelata jew it-tifsir ta’ l-intellectus fidei. Kif ġa għedt l-intellectus fidei jitlob l-għajnuna tal-filosofija ta’ l-esseri, ta’ dak li hu, għax hekk it-teoloġija dommatika tkun tista’ taqi sewwa l-ħidma tgħha. Il-pragmatiżmu dommatiku ta’ l-bidu ta’ dan is-seklu li jqis il-veritajiet al-fidi biss bħala regolamenti ta’ mġiba, ġa ġie rifjutat u mwarrab,[114] iżda minkejja dan jibqa’ dejjem iħajjar biex dawn il-veritajiet jitqiesu biss bħala funzjonali. Meta dan, ma jkunx hemm ħlief skema mhux adatt, nieqes u superfiċjali bla ebda qawwa spekulativa adatta. Biex insemmi eżempju, il-Kristoloġija li tibda biss “minn isfel” kif qiegħed jingħad illum, jew l-ekklesjoloġija żviluppata biss kif tiżviluppa soċjetà ċivili, diffiċli teħles mil-periku tat-tnaqqis ta’ din il-qawwa spekulativa.

Jekk l-intellectus fidei irid iħaddan l-għana kollu tat-tradizzjoni teoloġika irid jitlob l-għajnuna tal-filosofija ta’ l-esseri, ta’ dak li hu. Din imbagħad trid tkun kapaċi tqis il-problema ta’ l-esseri, ta’ dak li hu, skond ma’ titlob u tagħraf it-tradizzjoni filosofika kollha, ukoll dik ta’ dan iż-żmien, mingħajr ma toqgħod ittenni bla sens formoli antikwati li ma jiswew xejn. Il-filosofija ta’ l-esseri, ta’ dak li hu, fid-dawl tat-tradizzjoni metafisika nisranija, hi filosofija dinamika li tara l-verità fl-istrutturi ontoloġiċi, kawżali u komunikattivi tagħha. Issib il-qawwa tagħha u l-impenn li tibqa’ dejjem għax bażata fuq l-istess fatt ta’ dak li hu u dan jippermetti ftuħ sħiħ li jħaddan ir-realtà kollha kemm hi, u jogħla ′l fuq mil-limiti kollha u jasal għand dak li jtemm kollox.[115] Fit-teoloġija, li tirċievi l-prinċipji tagħha mir-Rivelazzjoni, bħala għajn ġdida ta’ tagħrif, din il-prospettiva titwettaq mir-relazzjoni intima li hemm bejn il-fidi u r-raġunar metafisiku.

Konsiderazzjonijiet oħra bħal dawn jistgħu jsiru wkoll b’riferenza għat-teoloġija morali. Hu meħtieġ ukoll li l-filosofija ħa tiftiehem il-fidi f’relazzjoni mal-ħajja u l-ħidma ta’ min jemmen. Quddiem l-isfidi li hemm illum fl-oqsma soċjali, ekonomiċi, politiċi u xjentifiċi, il-kuxjenza etika tal-bniedem tinsab imħawda. Fl-enċiklika Veritatis Splendor għedt li ħafna problemi ta’ llum fid-dinja ġejjin minn “kriżi dwar il-verità meta tintilef il-fehma ta’ verità universali ta’ dak li hu tajjeb, verità li l-bniedem jista’ jagħraf bil-ħila tiegħu; bilfors trid tinbidel ukoll il-fehma dwar il-kuxjenza. Il-kuxjenza llum ma titqisx aktar skond ma’ hi n-natura oriġinali tagħha, jiġifieri għadd ta’ l-intelliġenza tal-persuna. Iżda għal kuntrarju qed jiġri li qed jingħata lill-kuxjenza ta’ kull individwu l-privileġġ li jiffissa, bla ma ħadd jindaħallu, regoli dwar it-tajjeb u l-ħażin u dwar l-imġiba tajba jew ħażina. Din il-fehma taqbel ħafna ma’ etika individwalista – skond din l-etika l-individwu għandu quddiemu biss il-verità tiegħu li ma tkunx l-istess bħal verità ta’ l-oħrajn.[116]

Fl-enċiklika kollha kemm hi wrejt b’mod ċar ħafna d-dmir fondamentali tal-verità fil-qasam tal-morali. Din il-verità, dwar l-għadd kbir tal-problemi morali aktar urġenti, titlob mit-teoloġija morali riflessjoni xierqa biex turi li l-għeruq tagħha huwa fil-Kelma ta’ Alla. Biex taqdi din il-missjoni, it-teoloġija morali trid titlob l-għajnuna ta’ l-etika filosofika, li tfittex il-verità ta’ dak li hu tajjeb; etika għalhekk li m’hijiex la soġġettiva u lanqas utilitarja. L-etika li hi meħtieġa, titlob li tissupponi antropoloġija filosofika u metafisika ta’ dak li hu tajjeb. Bl-għajnuna ta’ din il-viżjoni organika, li bilfors hi marbuta mal-qdusija nisranija u mat-tħaddim tal-virtujiet umani soprannaturali, it-teoloġija morali tkun tista’ tqis il-ħafna problemi li huma proprji tagħha, bħalma huma l-problemi tal-paċi, tal-ġustizzja soċjali, tal-familja, tal-ħarsien tal-ħajja, u ta’ l-ambjent naturali, b’mod aktar adatt u effikaċi.

Il-ħidma teoloġika tal-Knisja hi l-ewwelnett għall-qadi tat-tħabbira tal-fidi u tal-katekażi.[117] It-tħabbira jew il-kerigma, tistieden għall-konverżjoni, hija u twassal il-verità ta’ Kristu, li tilħaq il-qofol sħiħ tagħha fil-misteru ta’ l-Għid: dan għax fi Kristu biss wieħed jista’ jsib il-milja tal-verità li ssalva (ara Atti 4, 12; 1Tim 2, 4-6).

Min dan wieħed jifhem tajjeb għaliex barra t-teoloġija għandha importanza kbira wkoll il-katekeżi: din għandha implikazzjonijiet filosofiċi li jridu jiġu studjati aktar fil-fond fid-dawl tal-fidi. It-tagħlim mogħti mill-katekeżi hu għall-formazzjoni tal-persuna. Il-katekeżi, li hi wkoll tagħlim mogħti bil-kliem, trid twassal id-duttrina tal-Knisja fis-sbuħija kollha tagħha[118] hija u turi x’rabta għandha mal-ħajja ta’ dawk li jemmnu.[119] Hekk isseħħ rabta singulari bejn it-tagħlim u l-ħajja, rabta li ma tista’ qatt tinkiseb b’mod ieħor. Dak li jitwassal mill-katekeżi m’huwiex xi ġabra ta’ ħsibijiet ta’ verità, imma hu l-misteru ta’ Alla ħaj.[120]

Ir-riflessjoni filosofika tista’ tgħin ħafna biex tidher ċara r-relazzjoni bejn verità u ħajja, bejn fatt u verità duttrinali, u dfuq kollox ir-relazzjoni bejn verità traxxendenti u lingwaġġ li jiftiehem mill-bniedem,[121] L-influwenza fuq xulxin tax-xjenzi teoloġiċi u r-riżultati li nkisbu minn ħafna skejjel filosofiċi jistgħu għalhekk juru kotra ta’ frott fix-xandir tal-fidi u fehma aktar fil-fond tagħha.

 

GĦELUQ

Wara aktar minn mitt sena mill-pubblikazzjoni ta’ l-enċiklika Aeterni Patris tal-Papa Ljun XIII, li semmejt kemm-il darba f’din l-enċiklika tiegħi, deherli li kien dmir tiegħi nitkellem mill-ġdid u b’mod aktar sistematiku fuq ir-relazzjoni bejn fidi u filosofija. Hi ċara ħafna l-importanza tal-ħsieb filosofiku fl-iżvilupp tal-kulturi kif inhi ċara wkoll l-influwenza li għandu fuq l-imġiba personali u soċjali. Hi influwenza qawwija, ukoll fit-teoloġija u fil-ħafna oqsma tagħha, għalkemm wieħed mhux dejjem jintebaħ biha, b’mod espliċitu. Ghalhekk deherli li kienet ħaġa sewwa u meħtieġa li nuri s-siwi tal-filosofija għall-għarfien tal-fidi u l-limiti tagħha meta tinsa jew tiċħad il-verità tar-Rivelazzjoni. Il-Knisja hi kollha kemm hi konvinta li l-fidi u r-raġuni “jgħinu lil xulxin”[122] u jinfluwenzaw lil xulxin kemm b’ġudizzju ta’ kritika u ta’ tisfija u kemm bi tħeġġiġ ħa timxi ′l quddiem ir-riċerka u għarfien aktar fil-fond.

Jekk inħarsu lejn l-istorja tal-ħsieb tal-bniedem, speċjalment fil-punent, malajr naraw x’għana ta’ ġid ħareġ għall-progress ta’ l-umanità meta l-filosofija u t-teoloġija ltaqgħu u biddlu bejniethom dak li kisbu. It-teoloġija, li rċeviet bħala don apertura u oriġinalità biex setat issir xjenza tal-fidi, żgur qanqlet lir-raġuni biex tibqa’ dejjem miftuħa għal dak it-tiġdid radikali li ġabet ir-Rivelazzjoni ta’ Alla. Hu dan żgur kien vantaġġ kbir għall-filosofija, li rat jinfetħu għaliha oriżżonti ġodda dwar tifsir aktar għoli li r-raġuni hi msejħa tagħraf aktar fil-fond.

Hu proprju fid-dawl ta’dan il-ħsieb, kif ġa għedt, it-teoloġija għandha d-dmir li jkollha mill-ġdid relazzjoni sinċiera mal-filosofija, hekk ukoll hu d-dmir tiegħi li ngħid li jaqbel ukoll li l-filosofija jkollha mill-ġdid relazzjoni mat-teoloġija u dan għall-ġid u l-progress tal-ħsieb tal-bniedem. Fit-teoloġija, mhux se ssib ir-riflessjoni ta’ xi individwu wieħed, li għalkemm għolja u għanja, hi dejjem limitata għall-ħsieb u l-fehmiet ta’ wieħed waħdu, imma se ssib l-għana ta’ riflessjoni komuni. It-teoloġija, fil-fatt, fir-riċerka tal-verità mill-istess natura tagħha, hi mmarkata min-nota ta’ l-ekklesjalità,[123] u mit-tradizzjoni tal-Poplu ta’ Alla, bil-ħafna suriet ta’ tagħrif u ta’ kulturi li tħaddan fl-għaqda ta’ fidi waħda.

Il-Knisja, hija u tinsisti fuq l-importanza u d-dimensjoni tal-ħsieb filosofiku, iġġib ′l quddiem kemm il-ħarsien tad-dinjità tal-bniedem u kemm it-tħabbira tal-messaġġ evenġeliku. Għal dawn il-ħidmiet illum m’hemmx tħejjija aktar urġenti minn din: li twassal lill-bniedem biex jagħraf il-ħila tiegħu ħa jkun jaf dak li hu veru[124] u għal-ħerqa tiegħu li jkollu tifsira finali u definittiva ta’ l-eżistenza. Quddiem dawn il-ħtiġijiet hekk fondamentali, li Alla nissel fin-natura umana, jidher dejjem aktar ċar it-tifsir tal-Kelma ta’ Alla, tifsir li jaqbel mal-bniedem u jagħmlu bniedem. Bl-għajnuna ta’ filosofija, li hi wkoll għerf tassew, il-bniedem tal-lum jasal biex jintebaħ li hu jkun aktar bniedem meta huwa u jafda lilu nnifsu lill-Evanġelju, jinfetaħ għall-Kristu.

Barra dan, il-filosofija qisha mera li tirrifletti l-kultura tal-popli. Filosofija, li twieġeb għall-isfidi tal-ħtiġijiet tat-teoloġija, hija u timxi ′l quddiem fi qbil mal-fidi, tagħmel parti minn dik “l-evanġelizzazzjoni tal-kultura” li Papa Pawlu VI wera bħala wieħed mill-għaniet fondamentali ta’ l-evanġelizzazzjoni.[125] Waqt li ma nieqaf qatt inħeġġeġ għall-evanġelizzazzjoni ġdida, nappella lill-filosofi bex jidħlu aktar fil-fond tad-dimensjoni ta’ dak li hu veru, tajjeb u sabiħ, li lejhom tressaqna il-Kelma ta’ Alla. Dan hu aktar urġenti, jekk inqisu l-isfidi li l-millennju l-ġdid jidher li se jġib miegħu; b’mod partikulari dawn joqtlu dawk il-pajjiżi u dawk il-kulturi ta’ tradizzjoni nisranija antika ħafna. L-attenzjoni għall-filosofija għandha għalhekk titqies ukoll bħala kontribut fondamentali u oriġinali għall-qadi ta’ l-evanġelizzazzjoni ġdida.

Il-ħsieb filosofiku hu spiss il-post waħdu, fejn jista’ jseħħ ftehim u djalogu ma dawk li ma jħaddnux il-fidi tagħna. Il-moviment filosofiku ta’ żmienna jitlob l-impen attent u kompetenti ta’ filosofi li jemmnu, kapaċi jagħrfu li qed jittamaw, huma miftuħin għalih, u qed jiddiskutu dan il-waqt storiku. Il-filosofu nisrani, huwa u jiddiskuti fid-dawl tar-raġuni u skond ir-regoli tagħha, immexxi dejjem minn dik l-intelliġenza ogħla li tagħtih il-Kelma ta’Alla, jista’ jiżviluppa riflessjoni li tiftiehem u tinħass ukoll minn min għadu ma għarafx il-verità sħiħa li turina r-Rivelazzjoni ta’ Alla. Okkażjoni bħal din fejn jista’ jkun hemm ftehim u djalogu, illum hu wisq aktar importanti għax il-problemi li hemm huma aktar urġenti għall-umanità – biżżejjed insemmu il-problema ekoloġiku, il-problema tal-paċi, u tal-ħajja flimkien ma’ razez u kulturi diversi – jistgħu jinħallu fid-dawl ta’ kollaborazzjoni ċara u onesta ta’ l-insara ma’ fidili ta’ reliġjonijiet oħra u ma’ dawk kollha li għalkemm ma jħaddnu ebda reliġjon, għandhom għal qalbhom it-tiġdid ta’ l-umanità. Dan qalu il-Konċilju Vatikan II, “min-naħa tagħna, ix-xewqa li jkun hemm djalogu, imqanqal biss mill-imħabba għall-verità u hu mmexxi bil-għaqal kollu, ma jwarrab lil ħadd: la lil dawk li jqimu l-ogħla valuri tal-bniedem, għalkemm ma jafux minn min ġejjin, u lanqas dawk li huma kontra l-Knisja u jippersegwitawha b’ħafna modi.”[126] Filosofija li fiha tiddi wkoll xi farka mill-verità ta’ Kristu, it-tweġiba finali definittiva tal-problemi tal-bniedem,[127] tkun għajnuna mill-aqwa għall-etika vera u universali, li l-umanità tant teħtieġ.

Jiena u nagħlaq din l-enċiklika il-ħsieb tiegħi, l-ewwelnett hu għat-teoloġi biex inħeġġighom juru attenzjoni speċjali għall-implikazzjonijiet filosofiċi tal-Kelma ta’ Alla, u jirriflettu b’mod li toħroġ sewwa fil-ħidma tagħhom l-qawwa spekulattiva u prattika tax-xjenza teoloġika. Nixtieq inroddilhom ħajr għas-servizz li jagħtu lill-Knisja. Ir-rabtaa intima bejn l-għerf teoloġiku u l-għerf filosofiku hu wieħed millaqwa teżori tat-tradizzjoni nisranija hija u tistudja fil-fond il-verità rivelata. Għalhekk inħeġġiġhom biex jerġgħu jiksbu u jagħtu xhieda mill-aħjar li jistgħu għad-dimensjoni metafisika tal-verità biex jibdew djalogu kritiku u esiġenti mal-ħsieb filosofiku ta’ żmienna u mat-tradizzjoni filosofika, fl-aspetti kollha tagħha wkoll, taqbel jew ma taqbilx mal-Kelma ta’ Alla. Ħa jiftakru dejjem it-teoloġi il-kliem li jgħid mgħallem kbir tal-ħsieb u ta’ l-ispiritwalità, San Bonaventura fl-Itinerarium mentis in Deum fejn jistieden il-qarrej jqis li “mhux biżżejjed il-qari mingħajr sogħba, l-għarfien mingħajr id-devozzjoni, ir-riċerka mingħajr il-ħeġġa ta’ l-istagħġib, l-għaqal mingħajr il-ħila li tintelaq għall-ferħ, il-ħidma miftuma mir-reliġjożità, l-għerf mifrud mill-mħabba, l-intelliġenza mingħajr umiltà, riflessjoni mingħajr l-għerf ispirat minn Alla.”[128]

Ħsiebi jmur ukoll lejn dawk li huma responsabbli tal-formazzjoni tas-saċerdoti, kemm akkademika u kemm pastorali biex inħeġġiġhom jieħdu ħsieb b’attenzjoni speċjali t-tħejjija filosofika ta’ dawk li jridu jħabbru l-Evanġelju lill-bniedem ta’ llum u wisq aktar ta’ dawk li jridu jiddedikaw ruħħom għar-riċerka u biex jgħallmu t-teoloġija. Ħa jħabirku biex jaqdu il-ħidma tagħhom fid-dawl ta’dak li jgħid il-Konċilju Vatikan II[129] u d-direttivi li ħarġu wara dawn iridu dmir urġenti li ma jistax jiġi bl-ebda mod injorat, minn dawk kollha li ġew imsejħin biex jagħtu sehemhom ħa titwassal tħabbira vera u għolja tal-verità tal-fidi. M’għandhiex titwarrab ir-responsabbiltà serja tat-tħejjija adatta minn qabel ta’ dawk kollha msejħin biex jgħallmu l-filosofija fis-seminarji u l-fakoltajiet ekklessjastiċi.[130] Dan it-tagħlim jitlob li jkun hemm tħejjija xjentifika minn qabel li b’mod sistematiku jitwassal il-wirt kbir tat-tradizzjoni nisranija u għażla bil-għaqal quddiem il-ħtiġijiet ta’ issa tal-Knisja u tad-dinja.

Nappella wkoll lill-filosofi u lil dawk li jgħallmu li jiksbu mill-ġdid, fid-dawl ta’ tradizzjoni dejjem valida, dik id-dimensjoni ta’ l-għerf awtentiku ta’ verità, metafisika wkoll li hi proprja tal-ħsieb filosofiku. Ħa jagħtu widen għal dak li qiegħda titlobhom il-Kelma ta’ Alla, u jkollhom il-ħila li jwieġbu għaliha bir-raġuni u l-argumenti tagħhom. Ħa jkunu dejjem ħerqana għall-verità u attenti għall-ġid li jinsab f’dak li hu veru. B’dan il-mod ikunu jistgħu ixandru etika vera, tant meħtieġa mill-umanità llum. Il-Knisja tħares b’simpatija u b’attenzjoni lejn ir-riċerki tagħhom, u għalhekk jistgħu jkunu żguri li mir-rispett li għandha l-Knisja għall-awtonomija ġusta tax-xjenza tagħhom. B’mod speċjali rrid inħeġġeġ lil dawk li jemmnu u qegħdin jaħdmu fil-qasam tal-filosofija biex idawwlu fil-ħafna oqsma ta’ l-attività tal-bniedem, bit-tħaddim tar-raġuni li dejjem aktar tkun żgura u qawwija għax imwettqa mill-fidi.

Fl-aħħarnett ma nistax ma ngħidx kelma wkoll lix-xjenzjati li bir-riċerka tagħhom qegħdin iżidu l-għarfien tal-univers kollu kemm hu fih innifsu, u tal-varjetà tassew ta’ l-għaġeb tal-ħlejjaq ħajjin u m’humiex li jagħmlu parti mill-univers bl-istrutturi komplessi tagħhom atomiċi u molekulari. Il-progress li sar mix-xjenza, b’mod speċjali f’dan is-seklu, li dejjem aktar qed jgħaġġibna. Jiena u nuri l-apprezzament u l-inkoraġġament tiegħi li dawn il-qalbiena tar-riċerka xjentifika li lilhom taf l-umanità il-progress tal-lum, inħeġġiġhom biex ikomplu l-isforzi tagħhom waqt li ma jitbegħdux mil-ambjent ta’ l-għerf fejn dak li jiksbu xjentifikament u teknoloġikament huwa msieħeb ma’ dawk il-valuri filosofiċi u etiċi li huma manifestazzjoni karatteristika tal-persuna umana, li ma tista’ qatt titwarrab. Ix-xjenzjat jaf sewwa li “ir-riċerka tal-verità”, ukoll jekk limitata għal xi realtà tad-dinja jew tal-bniedem, ma tintemm qatt: imma dejjem turi xi ħaġa li hi aktar ′il fuq min dak li jkun qed jiġi studjat, lejn dawk il-mistoqsijiet li jwasslu għall-Misteru.”[131]

Lil kulħadd nitlob biex iħares aktar fil-fond tal-bniedem, li Kristu salva fil-misteru tal-mewt tiegħu u tar-riċerka dejjem sejra tiegħu tal-verità u tat-tifsir. Ħafna sistemi filosofiċi, tqarrqu bih, u ġiegħluh jaħseb li hu sid assolut tiegħu nnifsu u għalhekk jista’ jiddeċiedi hu stess dwar id-destin u l-ġejjieni tiegħu bla indħil ta’ ħadd, jafda biss fih innifsu u fil-kapaċitajiet tiegħu. Mhux dan huwa l-kobor tal-bniedem. Dak li żgur iwassal għall-kobor sħiħ tal-bniedem hu biss l-għażla li jidħol fil-verità, huwa u jibni l-għamara tiegħu għad-dell ta’ l-għerf u jgħammar fih. Hekk biss f’dan l-ambjent tal-verità, jista’ jifhem l-iżvilupp sħiħ tal-libertà tiegħu u s-sejħa tiegħu għall-imħabba u l-għarfien ta’ Alla bħala sbuħija kollha tiegħu nnifsu.

L-aħħar ħsieb tiegħi hu għal dik li l-Knisja fit-talb tagħha ssejħilha Tron ta’ l-Għerf. Ħajjitha hi vera parabbola kapaċi titfa’ dawl fuq ir-riflessjoni li għamilt hawn. Dan għaliex nistgħu naraw qbil perfett mal-vokazzjoni tal-Verġni Marija u l-filosofija vera. Kif il-Verġni Marija ġiet imsejħa biex toffri lilha nfisha bl-umiltà u l-femminilità kollha tagħha, ħalli l-Verb ta’ Alla jsir bniedem bħalna, hekk il-filosofija hi msejħa biex tagħti sehemha, raġjonevoli u kritiku lit-teoloġija li tkun għarfien effikaċi tal-fidi li jagħti kotra ta’ frott. U kif Marija aċċettat it-tħabbira ta’ l-Arkanġlu Gabrijel mingħajr ma naqset xejn mil-libertà u l-umanità tagħha, hekk il-filosofija, hija u tilqa’ s-sejħa li tiġiha mill-Evanġelju, ma titlef xejn mill-awtonomija tagħha imma tara li kull riċerka tagħha tikseb realizzazzjoni aktar għolja. Din il-verità kienu fehmuha sewwa l-irħieb ta’ l-ewwel sekli tal-Knisja meta sejħu lil Marija “il-mejda intellettwali tal-fidi.”[132] Fiha kienu jaraw x-xbieha tal-filosofija vera u kienu żguri li dmirhom kien philosophari in Maria.

Jalla it-Tron ta’ l-Għerf tkun il-port żgur għal dawk kollha li ddedikaw ħajjithom għar-riċerka tal-għerf. Jalla l-mixja lejn l-għerf, li hu l-għan aħħari ta’ kull xjenza, ikun ħieles minn kull tfixkil bl-interċessjoni ta’ dik li nisslet il-Verità, għożżitha f’qalbha u tatha lill-umanità kollha għal dejjem.

Minn Ruma, minn San Pietru, fl-14 ta’ Settembru 1998, festa ta’ l-eżaltazzjoni tas-Salib, tas-Sena 1998, fl-għoxrin sena tal-Pontifikat.

Ioannes Paulus pp II

[1]. Fl-enċiklika Redemptor hominis kont ktibt: “mseħbin fil-missjoni tal-profeta Ġesù u minħabba din il- missjoni miegħu aħna qed naqdu l-verità divina tal-Knisja. Din ir-responsabbiltà dwar il-verità tfisser ukoll li wieħed irid iħobbha u jifhimha dejjem aħjar, ħa jġibha dejjem aktar qrib tiegħu u ta’ l-oħrajn bil-qawwa kollha tagħha għas-salvazzjoni, bid-dija kollha tagħha, fl-għoli u s-sempliċità kollha tagħha (n. 19).

[2]. Gaudium et spes, 16.

[3]. Lumen gentium, 25.

[4]. Veritatis splendor, 4.

[5]. Dei Verbum, 2.

[6]. Dei Filius, 3.

[7]. Ibid. 4; Gaudium et spes, 59.

[8]. Dei Verbum, 2.

[9]. Tertio Millenio Adveniente, 10 Novembru 1994, 10.

[10]. N. 4.

[11]. N. 8.

[12]. N. 22.

[13]. Dei Verbum, 4.

[14]. Ibid. 5.

[15]. L-ewwel Konċilju Vatikan jgħallem li l-ubbidjenza tal-fidi titlob l-impenn ta’ l-intellett u tar-rieda.

Għax il-bnedmin jiddependu għal kollox minn Alla bħala l-Ħallieq u s-Sid tagħhom, u r-raġuni maħluqa hi soġġetta għal kollox għall-verità mhux maħluqa, aħna obbligati nuru permezz tal-fidi, sottomissjoni sħiħa ta’ l-intellett u tar-rieda lil Alla, (Konċ. Vat. I, Dei Filius, III).

[16]. Sekwenza tas-solennità ta’ Corpus.

[17]. Pensѐes, 789.

[18]. Gaudium et spes, 22.

[19]. Dei Verbum, 2.

[20]. Proslogion, premium, u n. 1 u 15.

[21]. De vera religione, XXXIX, 72.

[22]. Missal Ruman.

[23]. Aristotele, Metafisika I, 1.

[24]. Confessiones X, 23, 33.

[25]. Veritatis splendor, n. 34.

[26]. Ara Salvifici doloris (11 ta’ Frar 1984), 427. Ara Nostra aetate, n. 2.

[27]. Ara Nostra aetate, 2.

[28]. Din hi materja li ili nistudja u tkellimt fuqha bosta drabi: @X’inhu l-bniedem u x’inhu s-siwi tieghu?

X’hemm tajjeb fih u x’hemm ħażin?” (Sirak 18, 8) … dawn huma mistoqsijiet fil-qalb ta’ kull bniedem, kif il-poeta ta’ kull żmien u ta’ kull poplu tennew kemm-il darba qishom il-leħen profetiku ta’ l-umanità , il-mistoqsija serja li tagħmel il-bniedem dak li hu. Huma mistoqsiiet li juru l-ħerqa ħa tinsab fit-tweġiba għalfejn l-eżistenza, f’kull mument, fil-mumenti l-aktar importanti u deċisivi tal-ħajja kif ukoll fil-mumenti l-aktar komuni. Dawn il-mistoqsijiet juru kemm hi raġjonevoli l-eżistenza tal- bniedem , għax jistiednu l-intelliġenza u r-rieda tal-bniedem biex ifittxu b’mod ħieles soluzzjoni li turihom it-tifsira sħiħa tal-ħajja. Dan l-istħarriġ għalhekk hu l-ogħla eapressjoni tan-natura umana, hekk li t-tweġiba għalihom turi l-ogħla ta’ l-impenn tal-bniedem ma l-eżistenza tiegħu. B’mod partikulari meta tiġi mistħarreġ l-għaliex ta’ kull ħaġa f’arminija sħiħs ma’ l-istħarriġ dwar id-destin, ir-raġuni tal-bniedem tilħaq il-qofol tagħha u tinfetaħ għall-influwenza reliġjuża. Din hi l-ogħla espressjoni tal-persuna umana għax hi l-quċċata tan-natura tiegħu. Toħroġ mill-ħerqa għolja għall-verità tal-bniedem u hi l-bażi ta’ l-istħarriġ ħieles u personali tal-bniedem għal dak li hu divin (Udjenza

General, 19 ta’ Ottubru 1982, 1-2).

[29]. Galileo qal ċar u tond li ż-żewġ veritajiet, tal-fidi u tax-xjenza, ma jistgħux ikunu kontra xulxin. L-Iskrittura u d-dinja naturali joħorġu l-istess mill-Verb ta’ Alla, l-ewwel hi dettata mill-Ispirtu s- Santu l-oħra bħala esekutur fidil ta’ l-ordnijiet ta’ Alla”, kiteb fl-ittra tiegħu lill-P. Benedetto Caselli fil-21 ta’ Diċembru 1613. Il-Konċilju Vatikan II jgħid l-istess ħaġa u juża l-istess kliem fit-tagħlim tiegħu. “Ir- riċerka metodika fl-oqsma kollha ta’ l-għerf, jekk tħares in-normi morali ma tkunx tassew kontra l-fidi; ir-realtà tad-dinja u dik tal-fidi ġejjin mill-istess Alla” (Gaudium et spes, 36). Galileo ħass il-preżenza tal-Ħallieq fir-riċerka xjantifika tiegħu, il-preżenza tal-Ħallieq liqanqlu fil-fond ta’ l-ispirtu tiegħu, imbuttah, antiċipalu u għenu fl-intwizzjonijiet tiegħu” (Ġwann Pawlu II, Diskors lill-akkademja Pontifiċja tax-Xjenzi, 10 ta’ Novembru 1979.

[30]. Ara Dei Verbum, 4.

[31]. Origene, Contra Ċelsum, 3, 55.

[32]. Dialogus cum Tryphone Iudaeo, 8, 1.

[33]. Stromata, 1, 18. 90, 1.

[34]. Ara ibid. 1, 16, 80, 5.

[35]. Ara ibid. 1,5, 28, 1.

[36]. Ibid. VI, 7, 35, 1-2.

[37]. Ibid. 1, 20, 100, 1.

[38]. S. Wistin, Confessiois, VI, 5, 7.

[39]. Ara ibid. VII, 9, 13-14.

[40]. De praesriptione haereticorum, VII, 9.

[41]. Kong. Għall-edukazzjoni kattolika, instruzzjoni dwar l-istudju ta’ Missirijiet il-Knisja fis-Seminarji (10 ta’ Novembru 1989), 25.

[42]. San Anselmu Proslogion, 1.

[43]. Monologion, 64.

[44]. Ara Summa contra Gentiles, I, VII.

[45]. Ara Summa Theologiae, I, i, 8 ad 2um: cum enim gratia non tollit naturam sed perficiat.

[46]. Ara Diskors ta’ Ġwanni Pawlu II lil dawk li ħadu sehem fid-IX Kungress Tomistiku Internazzjonali (29 ta’ Settembru, 1990).

[47]. Ittra Appostolika Lumen Ecclesiae (20 ta’ Novembru, 1974), 8.

[48]. Ara ibid. I, 1, 16: Praetetea, haec doctrina per stadium acquiritur. Sapientia autem per infusionem

habetur, unde inter septem dona Sancti Spiritus connumeratur.

[49]. Ibid. II. II, 45, 1 ad 3; ara wkoll II.II, 45, 2.

[50]. Ibid. I, II, 109 1 ad 1 fejn ifakkar frasi ta’ l-Ambrosiater f’1 Kor 12, 1.

[51]. Ljun XIII, enċikl. Aeterni patris (4 ta’ Awissu 1879).

[52]. Pawlu VI, Ittra app. Lumen Ecclesiae (20 ta’ Novembru 1974), 8.

[53]. Enċikl. Redemptor hominis (4 ta’ Marzu, 1979) 15.

[54]. Humani generis (12 ta’ Awissu, 1950).

[55]. Ara Konċ. Vat. I Pastor aeternus u Konċ. Vat II Lumen gentium 25c.

[56]. Ara Synodus Constantinopolitanus.

[57]. Ara Concilium Toletanum I; Concilium Bracarense I: Papa Sistu V, bulla Caeli et terra Creator (5 ta’ Jannar 1586); Papa Urbanu VIII Inscrutabilis iudiciorum (1 ta’ April 1631).

[58]. Konċ. Ta’ Vienna, digriet Fidei catolicae; Konċ Lateran V, bulla Apostoliċi regiminis.

[59]. Ara Theses a Ludovigo Eugenio Bautain iussu sui Episcopi subscriptae (18 ta’ Settembru 1850);

Theses a Ludovigo Eugenio Baudain ex mandato S. Congr. Episcoporum et Regiosorum subscriptae

(26 ta’ April 1840).

[60]. Ara S. Kongr. Ta’ l-Indiċi, digriet Theses contro Tradizzjonalismi Augustini Bonnett (11 ta’ Ġunju

1850).

[61]. Ara Papa Piu IX brevi Eximium tuam (15 ta’ Ġunju 1857) breve Gravissimas inter (11 ta’ Diċembru

1862).

[62]. S. Kongr. Sant’Uffiċċju, digriet Errores ontologistarum (18 ta’ Settembru 1861).

[63]. Ara Konċ. Vat. I Dei Filius II.

[64]. Ibid. IV; imsemmi f’Gaudium et spes (Konċ. Vat. II, 5).

[65]. Konċ. Vat. I Dei Filius IV.

[66]. Ara enċl. Pascendi dominiċi gregis (8 ta’ Settembru 1907).

[67]. Ara Piju XI enċikl. Divini Redemptoris (19 ta’ Marzu 1937)

[68]. Enċikl. Humani generis (12 ta’ Awissu 1950).

[69]. Ibid l.c.563-564.

[70]. Ara Kost. App. Pastor Bonus (28 ta’ Ġunju 1988); Kong. għad-Duttrina tal-Fidi, Instructio de ecclesiali theologi vocatione, Donum veritatis (24 ta’ Mejju 1990).

[71]. Ara Instr. de quibusdam aspectibus theologiae “liberationis”, Libertatis numtius (6 ta’ Awissu 1984).

[72][72]. Il-Konċ. Vat I bi kliem ċar u bl-awtorità kollha kkundanna dan l-iżball. Dwar din il-fidi … Il-Knisja kattolika tistqarr li hi l-virtù soprannaturali li permezz tagħha, b’ispirazzjoni mis-sema u bl-għajnuna tal-grazzja, aħna nemmnu li huwa vera dak li ġie rivelat minn Alla, mhux għax naraw il-verità intrinsika tiegħu bid-dawl naturali tar-raġuni, imma minħabba l-awtorità ta’ Alla nnifsu, li jirrevelahom u li la jitqarraq u lanqas jista’ jqarraq, Dei Filius III u kan. 23 u 2. Min-naħa l-oħra l-Konċilju tenna li r-raġuni qatt ma tista’ tidħol fil-fond (ta’ dawn il-misteri) bħalma tista’ tidħol fil-fond tal-veritajiet li huma oġġett proprju tagħha; (ibid IV). Imbagħad ħarġet konkluzzjoni prattika: “L-insara mhux biss ma għandhomx id-dritt jiddefendu bħala konklużjoni xjentifiċi leġittimi dawk li huma kuntrarji għad-duttrina tal-fidi, speċjalment jekk ikkundannati mill-Knisja, imma huma strettament obbligati jqisuhom bħala żbalji li ma għandhomx ħlief sura qarrieqa ta’ verità” (ibid IV)

[73]. Ara n. 9. 10.

[74]. Ibid . 1075. Ib.

[75]. Ibid. 21.

[76].Ara ibid. 10.

[77]. Ara enċikl. Humani generis (12 ta’ Awissu 1950).

[78]. Ara enċikl. Aeterni patris (4 ta’ Awissu 1879).

[79]. Ibid. 109.

[80]. Ara n. 14-15.

[81]. Ara ibid. 20-21.

[82]. Ibid. 22; enċikl. Redemptor hominis, 8 (4 ta’ Marzu 1979).

[83]. Digriet Optatam totius, 15.

[84]. Ara kost. app. Saptientia Christiana, (15 ta’ April 1979), art 79-80; eżort. Post-sinodali Pastores Dabo Vobis, (25 ta’ Marzu1992), 52; Ara wkoll il-ħafna osservazzjonijiet fuq il-filosofija ta’ San Tumas; Diskors lill-parteċipanti għat-VIII Kungress Tomistiku (13 ta’ Settembru 1980) Diskors lill-Università Pontifiċja Anġelicum (17 ta’ Novembru 1979); Diskors lill-parteċipanti għall-Kungress Internazzjonali tas-Soċjetà San Tumas dwar id-duttrina fuq r-ruħ f’San Tumas (14 ta’ Jannar 1986); Ara wkoll Kong. għall-Edukazzjoni Kattolika, Ratio Fundamentalis institutionis sacerdotalis (6 ta’ Jannar 1970), 70-76; Digriet Sacra Theologia, (20 ta’ Jannar 1972).

[85]. Ara Gaudium et spes, 57, 62,

[86]. Ibid. 44.

[87]. Konċ. Lateran V, bulla Apostolici Regimini sollicitudo, sessio VIII.

[88]. Ara Dei Verbum, 10.

[89]. San Tumas, Summa Theologiae II-II, 5, 3 ad 2.

[90]. “Il-bidu mwħtieġ tat-teoloġija fondamentali hu t-tfixxija ta’ dawk il-kondizzjonijiwt li fihom il-bniedem.Minn rajh jibda jagħmel mistoqsijiet fondamentali bħal: x’inhi l-ħajja, għalfejn ngħixuha, x’hemm wara l-mewt: għalhekk illum ukoll il-fidi tista’ turi t-triq lir-raġuni fit-tfittix sinċier tagħha għall-verità: (Ittra tal-Papa Ġwanni Pawlu II lil dawk li ħadu sehem fil-Kungress Internazzjonali tat-Teoloġija fondamentali fl-125 anniversarju tad-Dei Filius (30 ta’ Settembru 1995).

[91]. Ibid.

[92]. Gaudium et spes, 15; Ad gentes, 33.

[93]. San Tumas, De caelo, I, 22.

[94]. Ara Gaudium et spes, 53-59.

[95]. S. Wistin, De praedewtinatione sanctorum, 2, 5.

[96]. S. Wistin, De fide, spe et caritate, 7.

[97]. Ara Konc. Ta’ Kalċedonja, Symbolum. Definitio.

[98]. Ara enċikl. Redemptor hominis (4 ta’ Marżu, 1979) 15.

[99]. San Tumas, Summa Theologiae I, 16, I San Bonaventura Coll. In Hex. 3, 8. 11.

[100]. Gaudium et spes, 15.

[101]. Ara enċikl. Veritates Splendor ( 6 ta’ Awissu 1993), 57-61.

[102]. (Konċ. Vat. I) Ara Dei Filius IV.

[103]. Ara Konċ. Lateranense IV De errore abbatis Ioachim, II.

[104]. Ara Dei Verbum, 24;Optatem totius, 16.

[105]. Ara Evangelium vitae (25 ta’ Marzu 1995), 69.

[106]. Hekk kont ktibt ukoll fl-ewwel enċiklika tiegħi b’kumment għall-espressjoni ta’ l-Evanġelju ta’ San

Ġwann “Tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom” (Ġw 8, 32). Dawn il-kelmiet fihom esiġenza fondamentali u twissija fl-istess waqt, l-esiġenza ta’ relazzjoni onesta mal-verità, bħala kondizzjoni ta’ libertà vera, twissija wkoll, biex tiġi evitata kull sura ta’ libertà taparsi, superfiċjali u unilaterali, kull libertà li ma tidħolx fil-verità kollha fuq il-bniedem u fuq id-dinja. Illum ukoll, wara elfejn sena, Kristu jidhrilna bħala Dak li jwassal il-bniedem il-libertà mibnija fuq il-verità, bħala dak li jeħles lil bniedem minn kull ma jillimitah, inaqqsu u kważi ikissirlu l-għeruq ta’ din il-libertà f’ruħu, f’qalbu, fil-kuxjenza tiegħu. Enċikl. Redemptor hominis, $ ta’ Marzu 1979), 12.

[107]. Diskors fil-ftuħ tal-Konċilju, 11 ta’ Ottubru, 1962.

[108]. Kong. għad-Duttrina tal-Fidi, fuq il-vokazzjoni ekklesjali tat-teologu, Donum veritatis (24 ta’ Mejju

1990), 7-8.

[109]. Fl-enċiklika Dominum et vivificantem jiena u nikkommenta fuq Ġw 16,12-13, ktibt “Ġesù wera d-

Difensur, l-Ispirtu tal-verità, bħala dak “li jgħallem u jfakkar kollox” bħala dak “li jixhed” u issa jurih bħala dak “li jwassal għall-verità kollha”. Il-kliem “iwassalkom għall-verità kollha” b’riferenza għal dak li l-Appostli ‘ma jifilhux għalih” hu l-ewwelnett marbut mal-passjoni u s-salib li bihom Kristu xejjen lilu nnifsu, ħaġa li kienet għadha trid isseħħ meta Kristu qal dan il-kliem. Aktar tard imbagħad deher aktar ċar il-kliem “iwassalkom għall-verità kollha” ma kienx marbut biss ma’ l-iskandlu tas-salib imma wkoll ma’ dak kollu li għamel Kristu “għamel u għallem”. Għaliex tassew il-misteru ta’ Kristu kollu kemm hu, jitlob il-fidi, għaliex din twassal lil bniedem fir-“realtà” tal-misteru li ġie rivelat. Mela l-kliem “inwassalkom għall-verità kollha” iseħħ bil-fidi u fil-fidi, dan jagħmlu l-Ispirtu s-Santu li hu frott tal-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu fil-bniedem. F’din il-ħaġa l-Ispirtu s-Santu hu l-aqwa mgħallem tal-bniedem. F’din il-ħaġa l-ispirtu s-Santu hu l-aqwa mgħallem tal-bniedem, hu dawl għall-ispirtu tal-bniedem” (Redemptor hominis, 6).

[110]. Ara Dei Verbum, 13.

[111]. Ara Pont. Kummisjoni Biblika, Istruzzjoni dwar il-verità “Storja. Ta’ l-Evanġelji”, (2 ta’ April, 1964).

[112]. “Hi ħaġa ċara li l-Knisja ma tistax tkun marbuta ma’ xi sistema filosofiku jkun li jkun; iżda l-fehmiet u l-espressjonijiet li bi qbil bejn kulħadd tfasslu tul il-mijiet tas-snin minn għorrief kattoliċi biex jaslu ħa jagħrfu u jifhmu b’xi mod id-domma żgur m’humiex mibnijin fuq pedament hekk dgħajjef. Iżda huma mwettqin minn prinċipji u fehmiet li ħarġu mill-għarfien tal-ħolqien; u biex waslu għal dawn il-konklużjonijiet il-verità rivelata bħala kewkba , dawwlet, permezz tal-Knisja, il-moħħ tal-bniedem. Għalhekk m’hemmx għalfejn nistgħaġbu li jekk xi waħda minn dawn il-fehmiet mhux biss ġiet użata mill-Konċilji Ekumeniċi , iżda wkoll ġiet approvata b’mod li m’hux permess li titwarrab.”

Enċikl. Humani generis (12 ta’ Awissu, 1950), ara Komm. Teoloġika Internazzjonali, nterpretationis problema (Ott. 1989).

[113]. L-istess tifsir tal-formuli dommatiċi jibqa’ dejjem veru u koerenti fil-Knisja, ukoll meta jiġi ċċarat aħjar u miftiehem aktar. L-insara għalhekk għandhom iwarrbu dik il-fehma li tgħid li l-formuli dommatiċi (jew xi wħud minnhom) ma jistgħux jagħtu il-verità b’mod determinat, iżda biss approssimattiv u għalhekk b’xi mod igħawġuha u jbidluha. S.Kong. għad-Duttrina tal-Fidi, Dikjarazzjoni fuq/għall-ħarsien tad-duttrina dwar il-Knisja, Mysterium fidei (24 ta’ Ġunju, 1973), 5).

[114]. Ara Kong. Sant’Uffiċċju, digriet Lamentabili (3 ta’ Lulju, 1907), 26.

[115]. Papa Ġwanni Pawlu II, Diskors fl-“Angelicum” (17 ta’ Novembru, 1979), 6.

[116]. N. 32.

[117]. Ara Eżort. ap.Catachesi tradendae (16 ta’ Ottubru, 1979) 30; Kong. Għad-Duttrina tal-Fidi Istr. Dwar il-vokazzjoni ekklesjali tat-teologu, Donum veritatis ( 24 ta’ Mejju 1990), 7.

[118]. Eżort. ap. Catechesi tradendae (16 ta’ Ottubru,1979), 30.

[119]. Ibid. n.22.

[120]. Ibid. n. 7.

[121]. Ibid. n. 59.

[122]. Konċ. Vatikan I, Kost. domm. Dei Filius, IV.

[123]. Ħadd ma jista’ jqies it-teoloġija bħallikieku kienet sempliċi ġabra ta’ fehmiet personali, iżda kulħadd għandu jifhem li jibqa’ marbut sewwa ma’ dik il-missjoni tat-tagħlim tal-verità, li tagħħa hi responsabbli l-Knisja. Ġwanni Pawlu II, enċikl. Redemptor hominis (4 ta’ Marzu, 1979, 19.

[124]. Ara Dignitatis humanae, 1-3.

[125]. Ara eżort. ap. Evangelii nuntiandi (8 ta’ Diċembru 1975), 26.

[126]. Gaudium et spes, 92.

[127]. Ara ibid. 10.

[128]. Prologus, 4.

[129]. Ara Optatam totius, 15.

[130]. Ara Ġwanni Pawlu II, Kost. ap. Sapientia christiana, (15 ta’ April, 1979), 67-68.

[131]. Ġwanni Pawlu II, Diskors fl-Università ta’ Krakow, fis-600 sena ta’ l-Alma mater Jallonica ( 8 ta’

Ġunju, 1997), 4.

[132]. “he noera’ tes pisteos trapeze” psewdo-Epifanju, Omelija f’ġieħ Santa Marija, Omm Alla.

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.