Illum il-Knisja tfakkar id-Dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore f’Ruma

Print Friendly, PDF & Email

Fil-5 ta’ Awwissu l-Knisja tfakkar id-Dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore f’Ruma.

Fis-sena 355, fi żmien il-Papa San Liberju (352-366), kienet inbniet knisja fuq il-għolja Eskwilin, f’Ruma, iddedikata lill-Madonna, li biż-żmien kienet saret magħrufa bħala l-“Bażilika Liberjana.”

Fis-sena 431, ftit wara l-Konċilju ta’ Efesu kien stqarr li Omm Ġesù hi Omm Alla, il-Papa Sistu III kabbar din il-knisja u kkonsagraha f’ġieħ l-Omm qaddisa ta’ Alla.

Din il-Bażilika hija l-iktar waħda antika fost il-knejjes tal-Punent li huma ddedikati f’ġieħ il-Madonna, taħt it-titlu ta’ Omm Alla. Biż-żmien saret magħrufa bħala ”Santa Marija Maggiore.” Ġieli tissejjaħ ukoll “Santa Maria ad praesepe” għax fiha hemm miżmuma s-suppost relikwija tal-maxtura ta’ Betlem.

Hi wkoll waħda mit-tliet knejjes patrijarkali, li fihom il-Papa jmexxi l-funzjoni f’ċerti okkażjonijiet. Iż-żewġ knejjes patrijarkali l-oħra huma ta’ San Pietru u ta’ San Ġwann Lateran.

Fis-seklu disgħa xterdet leġġenda li wasslet biex din il-festa tibda tissejjaħ “Il-Festa tal-Madonna tas-Silġ.” Li skont il-leġġenda, għatta l-post fejn il-Madonna riedet li tinbnielha knisja. Permezz ta’ dehra tagħha, lil wieħed għani jismu Ġanni, talbitu li tinbena knisja ddedikata lilha fuq il-post li kellha turih. B’hekk inbniet il-knisja fil-pontifikat tal-Papa Liberju fuq il-post muri mill-Madonna fuq il-għolja Esquilino. Fl-iskrizzjoni tad-dedika tal-Papa Sistu dan il-fatt mhux imsemmi. Ebda tifkira ma nsibu ta’ dan il-miraklu qabel xi mijiet ta’ snin wara, u issa hu magħruf bħala leġġenda.

Kummissjoni għar-riforma tal-Brevjarju rrikkmandat lill-Papa Benedittu XIV, fl-1742, biex din il-festa terġa’ tissejjaħ “Id-Dedikazzjoni ta’ Santa Marija” bħal qabel. Dan it-tibdil għadu ma sarx ħlief fil-kalendarju l-ġdid tal-Benedittini (1915).

Din il-knisja hi waħda mill-aktar magħrufa fid-dinja għad-devozzjoni tal-fidili lejn il-Madonna. Ġewwa l-Knisja hemm pittura tal-Madonna bit-tfajjel ċkejken li jingħad li kien ix-xogħol ta’ San Luqa. Din hija magħrufa bħala “Salus Populi Romani” jiġifieri l-protettriċi tal-poplu Ruman. Il-Papa Franġisku, l-għada li kien elett, kmieni filgħodu għamel viżta privata quddiem dan il-kwadru, poġġa bukkett ward u qagħad jitlob lill-Madonna.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading