Ġwanni Pawlu II dwar it-tbatija


Stampa id-dokument tal-Papa …

Motu Propriju tal-Papa Ġwanni Pawlu II

DOLENTIUM HOMINUM

11 ta’ Frar 1985

  1. Hu magħruf sewwa l-interess ħaj li l-Knisja dejjem uriet lejn id-dinja ta’ dawk li jbatu. Wara kollox, f’dan ma kenitx qed tagħmel ħaġ’ oħra ħlief li timxi fuq l-eżempju tant espressiv tal-Fundatur u l-Imgħallem tagħha. Fl-Ittra Appostolika “Salfivici Doloris” tal-11 ta’ Frar 1984 jien semmejt li “fil-ħidma messanika tiegħu fost il-poplu ta’ Israel, Kristu kien bla waqfien jersaq lejn id-dinja tat-tbatija umana. Għadda ‘jagħmel it-tajjeb’ u din il-ħidma tiegħu kienet tikkonċerna, qabel kollox, lil dawk li jbatu u lil dawk li kienu qed jistennew l-għajnuna.” (Salvifici Doloris, 16)

Fil-fatt, matul is-sekli l-Knisja għarfet bil-qawwa kollha li l-qadi tal-morda kien jagħmel parti integrali mill-missjoni tagħha, u hi mhux biss kienet favur li fost l-insara jiffjorixxu diversi opri ta’ ħniena, iżda ukoll ħarġet minn ħdanha ħafna istituzzjonijiet reliġjużi bil-għan speċifiku li jippromwovu, jorganizzaw, itejbu u jestendu l-għajnuna lill-morda. Il-missjunarji, minn-naħa tagħhom, fil-waqt li jwettqu l-opra ta’ l-evanġeliżżazzjoni, dejjem żammew flimkien il-predikazzjoni tal-Aħbar it-Tajba ma’ l-assistenza u l-kura tal-morda.

  1. Fil-mod kif tiffaċċja l-morda u l-misteru tat-tbatija, il-Knisja hija ggwidata minn konċezzjoni preċiża tal-persuna umana u tad-destin ta’ din il-persuna fil-pjan t’Alla. Hija temmen li l-mediċina u l-kuri terapewtiċi għandhom l-għan mhux biss il-ġid u s-saħħa tal-ġisem, imma ukoll il-persuna kollha kemm hi li f’ġisimha intlaqtet mill-ħażen. Fil-fatt, il-mard u t-tbatija mhumiex esperjenzi li jolqtu biss is-sotto-stat fiżiku tal-bniedem imma l-bniedem kollu kemm hu fl-unità tiegħu somatika-spiritwali. Wara kollox, nafu malli tfeġġ il-marda fil-ġisem li din ikollha l-bidu u l-vera kawza tagħha fil-qiegħ tal-psike umana.

Il-mard u t-tbatija huma fenomeni li, meta nagħrbluhom fil-fond, insibu li jqegħdulna kwistjonijiet li jmorru ’l hemm mill-istess mediċina u li jmissu l-essenza tal-kundizjoni umana f’din id-dinja (Gaudium et Spes, 10). Għaldaqstant bla dubbju ta’ xejn wieħed jifhem l-importanza tas-servizzi soċjio-sanitari, il-preżenza mhux biss tar-rgħajja ta’ l-erwieħ, iżda ukoll ta’ l-operaturi, li mmexxijin minn viżjoni integralment umana tal-marda, per konsegwenza jafu jħarsu lejn il-marid li jbati b’mod għal kollox uman. Għan-nisrani, ir-redenzjoni ta’ Kristu u l-grazzja salvifika tiegħu jilħqu il-bniedem kollu kemm hu fil-kundizzjoni umana tiegħu u għalhekk ukoll fil-marda, fit-tbatija u fil-mewt.

 

  1. Fis-soċjetà ċivili, is-settur tas-servizzi soċjio-sanitari fis-snin reċenti għaraf evoluzzjoni important u sinifikattiva. Minn-naħa l-waħda l-aċċess għall-assistenza u kuri sanitarji, meqjus bħala dritt taċ-ċittadin, sar ġeneralizzat, u għalhekk jiddetermina kemm ikunu kbar l-istrutturi u d-diversi servizzi sanitari. Minn-naħa l-oħra l-Istati, biex ikunu jistgħu ilaħħqu ma’ dawn il-bżonnijiet, waqqfu ministeri apposta, għaddew liġijiet “ad hoc” u ħaddnu politika bil-għan preċiż ta’ l-ordni sanitarju. Il-Ġnus Magħquda, minn-naħa tagħhom ħolqu l-Organiżżazzjoni Mondjali tas-Saħħa.

Dan is-settur wiesgħa ħafna u kumpless jikkonċerna direttament il-ġid tal-persuna umana u tas-soċjetà. Proprju għalhekk iqiegħed ukoll kwistjonijiet delikati u li ma nistgħux naħarbu minnhom, kwistjonijiet li jieħdu fuqhom mhux biss l-aspett soċjali u organiżżattiv imma wkoll dak delikatament etiku u reliġjuż. Dan għaliex fihom jidħlu ġrajjiet fundamentali “umani” bħalma huma it-tbatija, il-mard, il-mewt u l-mistoqsijiet magħquda magħhom dwar il-funzjoni tal-mediċina u l-missjoni tat-tabib quddiem il-marid. Umbagħad, il-fruntjieri ġodda miftuħin għall-progress tax-xjenza u għall-applikazzjonijiet possibbli tagħha tekniċi u terapewtiċi li jmissu l-limiti l-aktar delikati tal-ħajja fl-istess oriġinijiet tagħha u fit-tifsir tagħha l-aktar profond.

  1. Minn-naħa tal-Knisja tidher importanti fl-ewwel post riċerka organika aktar fil-fond tal-problemi li dejjem isiru aktar komplessi li l-operaturi tas-sanità jkollhom jiffaċċjasw fil-waqt li dawn huma aktar impenjati fil- kollaborazzjoni bejn il-gruppi u l-attivitajiet korrispondenti. Illum jeżistu ħafna organiżmi li jimpenjaw direttament l-insara fis-settur tas-sanità: barra mill-Kongregazzjonijiet u Istituzzjonijiet reliġjużi li għandhom l-istrutturi soċjio-sanitari tagħhom, hemm organiżżazzjonijiet ta’ tobba kattoliċi, assoċjazzjonijiet paramediċi ta’ infermjiera, spiżjara, voluntarji, organiżmi djoċeżani u interdjoċeżani, nazzjonali u internazzjonali li jeżistu biex isegwu l-problemi tal-mediċina u tas-saħħa. Ħa jkun hemm koordinament aħjar bejn dawn l-organiżmi. Fl-Allokuzzjoni tiegħi tat-3 t’ Ottubru 1982, lit-tobba kattoliċi, jien fissirt din il-ħtieġa: “Biex tagħmel dan mhux biżżejjed azzjoni ta’ individwu singolu. Tinħtieġ ħidma ta’ ħafna flimkien, ħidma intelliġenti, programmata, kostanti u ġeneruża, u dan mhux biss fil-limiti ta’ pajjiżi singoli, imma fuq medda internazzjonali. Fil-fatt, il-koordinazzjoni fuq livell mondjali tista’ tintlaqa’ aħjar u tkun ta’ difiża aktar effikaċi tal-fidi tagħkom, tal-kultura tagħkom, ta’ l-impenn nisrani tagħkom fir-riċerka u fil-professjoni.
  2. Wieħed għandu jifhem li dan il-koordinament għandu, qabel kollox, jiffavorixxi, jkabbar u dejjem itejjeb il-formazzjoni etiko-reliġjuża tal-operaturi sanitari nsara fid-dinja, waqt li jkunu kunsiderati s-sitwazzjonijiet differenti u l-problemi speċifiċi li dawn l-operaturi jiltaqgħu magħhom fit-twettiq tal-professjoni tagħhom. Dan umbagħad jisfa’ biex jinżammu aħjar, jittejbu u jkunu intensifikati l-attivitajiet meħtieġa ta’ studju, ta’ profondiment u ta’ suġġerimenti dwar il-problemi preċiżi tas-servizz sanitarju li semmejna, u dan fil-kuntest tal-viżjoni nisranija tal-veru ġid tal-bniedem. F’dan il-kamp illum tfaċċaw problem delikati u serji ta’ natura etika, li l-Knisja u l-insara għandhom bil-kuraġġ kollu u b’ċarezza jidħlu għalihom biex isalvaw il-valuri u d-drittijiet essenzjali tad-dinjità u d-destin suprem tal-persuna umana.
  3. Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, u mgħejjun bil-pariri ta’ esperti, saċerdoti, reliġjużi u lajċi, ddeċidejt li nwaqqaf Kummissjoni Pontifiċja għall-Pastorali ta’ l-operaturi sanitarji, li taħdem bħala organiżmu biex tikkoordina l-istituzzjonijiet kattoliċi, reliġjużi u lajċi kollha li huma mogħtija għall-pastorali tal-morda. Din tkun magħquda mal-Kunsill Pontifiċju għall-Lajċi, u tifforma parti organika minnu għalkemm iżżomm l-individwalità organiżżattiva u operattiva proprija tagħha.

Il-ħidmiet tal-Kummissjoni jkunu dawn li ġejjin:

  • Tqajjem u ġġib ’l quddiem l-opra ta’ formazzjoni ta’ studju u ta’ azzjoni kif qed jagħmlu d-diversi O.I.C. fil-kamp sanitarju, u kif qed jagħmlu ukoll gruppi, assoċjazzjonijiet u għaqdiet oħra li jaħdmu f’dan is-settur fuq livelli u b’modi diversi.
  • Tikkoordina il-ħidmiet magħmula minn Dikasteri divers tal-Kurja Rumana f’dak li għandu x’jaqsam mad-dinja tas-sanità u l-problemi tagħha.
  • Ixxandar, tfisser u tiddefendi t-tagħlim tal-Knisja dwar is-sanità u twettqu fil-prattika sanitarja.
  • Iżżomm kuntatt mal-Knejjes lokali, u speċjalment mal-Kummissjonijiet Episkopali għad-dinja tas-sanità.
  • Issegwi b’attenzjoni u tistudja l-orjentamenti tal-programmi u inizjattivi konkreti ta’ politika sanitarja, fuq livell internazzjonali u nazzjonali, sabiex tieħu minnhom dak kollu li għandu x’jaqsam u li jgħodd għall-pastorali tal-Knisja.

Il-Kummissjoni Pontifiċja jkollha l-president tagħha l-Kardinal President tal-Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi, u tkun imħeġġa minn grupp li jikkoordina u li jkollu bħala kap Pro-President (Arċisqof) u Segretarju (mingħajr ma jkun isqof).

Il-President għandu jmexxi l-Laqgħat Plenarji tal-Membri u Konsulturi. Barra minn hekk il-President għandu jkun mgħarraf minn qabel dwar id-deċiżjonijiet ta’ akbar importanza u jinżamm aġġjornat bil-ħidma ordinarja tal-Kummissjoni.

Ix-xogħol tal-Pro-President huwa li jippromwovi, iħeġġeġ, jippresjiedi u jikkoordina l-attivitajiet organiżżattivi u operattivi tal-Kummissjoni Pontifiċja.

Il-membri u l-Konsulturi, maħturin minni, jirrappreżentaw;

  1. Xi Dikasteri u Organiżmi tal-Kurja Romana (is-Segreteria ta’ l-Istat; il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, għall-Knejjes Orjentali, għar-Reliġjużi u għall-Istituti Sekolari, għall-Evanġeliżżazzjoni tal-Ġnus u għall-Edukazzjoni Kattolika; il-Kunsilli Cor Unum u għall-Familja; l-Akkademja Pontifiċja tax-Xjenzi).
  2. L-Episkopat (il-Kummissjonijiet Epikopali għad-dinja tas-sanità.)
  3. L-Ordnijiet reliġjużi Ospitaljieri.
  4. Il-lajkat (ir-rappreżentanti tal O.I.C., gruppi u assoċjazzjonijiet oħra li jaħdmu fil-kamp sanitarju u fid-dinja tat-tbatija).

Fit-twettiq tal-missjoni tagħha, il-Kummissjoni Pontifiċja tista’ titlob il-kollaborazzjoni ta’ esperti u tifforma gruppi ta’ xogħol “ad hoc” fuq kwistjonijiet determinati.

 

ĠWANNI PAWLU II

Miġjub għall-Malti minn Fr Anton Azzopardi SJ.

 

 

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.