L-għerf


Kont qiegħed isfel, fil-foyer tar-reception, fl-Isptar Mater Dei. Mela, f’dak il-waqt persuna kienet qed tkellimni dwar oħtha li kienet pazjenta. Milli tagħtni x’nifhem din oħtha tabilħaqq li kellha bżonn it-talb. Għalhekk, misjuq minn dan il-bżonn, stedintha biex nitolbu għaliha flimkien. Issa, sewwasew waqt it-talba, qbadtu jħares u jħares lejna. Mill-ħarsa tiegħu bdejt nintebaħ li kien ħerqan li jkellimni.

Il-ħerqa tiegħu ġagħlitni aktar nikber fil-ħerqa tiegħi, ħafna aktar milli kurżità li ma twassal għall-imkien, ħa nara x’ried tassew jgħidli. Iżda irrid ngħid ukoll li għal għodu għodu rajtu wisq ħerqan biex ikellimni. Mill-bixra tiegħu deher li bħal donnu kellu xi ħaġa fuq l-istonku tiegħu li ried itajjarha minn hemm malajr kemm jista’ ikun. Intant… Mat-temmija tat-talba bqajna li kellhom jagħtuni aħbar din il-persuna. Xejn xejn nara ftit kif kienet għaddiet issa li konna tlabna għaliha. X’ħin il-persuni li kelli quddiemi telqu mill-ewwel għajjatli biex immur sa ħdejh. Ma kontx għadni wasalt daqs żewġ passi ‘il bogħod minnu li ma bediex jitħaddet. Daqskemm kien ħerqan li jiftaħ qalbu miegħi. Għalhekk qalli: Patri! Xi jfisser meta l-Bibbja titħaddet dwar l-għerf? Għax din hi kelma li aqta’ kemm titla’ f’moħħi u emminni li lanqas art ma nista’ naqbdilha!

Ammirajtu! Il-mistoqsija tiegħu kienet għal kollox f’postha. L-għaliex kienet mistoqsija ta’ xi ħadd li tassew iħobb il-fidi tiegħu. Kienet mistoqsija ta’ xi ħadd li tant kemm jgħożż il-fidi tiegħu li jibqa’ jaħseb dwarha bejnu u bejn ruħu. Għax, min tabilħaqq jirrifletti fuq il-fidi, mistoqsijiet bis-sens jaf jagħmel. U mhux tiċpis ta’ kliem fil-vojt u mħawwad li jbattal u jwaħħad lil min, miskin, jaħsel ikun qed iħokk miegħu! Għalhekk, dlonk weġibtu: Ħabib, taf li int seħħlek taqrali moħħi mingħajr ma taf? Għax anki jien, għodu għodu, kont qed immaħmaħ fuq li mmaħħmaħ fuq dan il-għerf. U, bħalek, kont qed nistaqsi lili nnifsi dwar x’jista’ ikun dan l-għerf.

Biex ma ntawwalx, ma nġebbidx u ma nkarkarx, għalija, dan il-fatt waħdu tal-mistoqsija ta’ dan ir-raġel b’qalb kbira għall-Mulej, kien sinjal ċar kristall li l-Imgħallem iridni naqsam ftit magħkom dwar x’inhu, u tabilħaqq, l-għerf tal-Mulej. Tgħid, l-għerf tal-Mulej, biex tiksbu, hemm bżonn tabilħaqq tmur l-università? Biex tagħrfu hemm bżonn li tistudja fuq li tistudja għalih? U trid tarma r-racer b’qiegħ ta’ flixkun biex tarah? Taqrah? U tifhmu? Jewwilla trid tkun edukat? Hemm bżonn li tkun infurmat u mrassas b’partita informazzjoni? U, nerġa’ nistaqsi, dan il-għerf tal-Mulej minfejn jiġi? Hemm xi għajn li minnha nistgħu nixorbuh? U, f’dak il-każ, kemm nistgħu tabilħaqq nixorbu minnu?

Dan l-aħħar kelli l-grazzja li nittawwal naqra fil-maħżen bla qjies ta’ għerf li għandhom ħutna l-Lhud. Il-poplu ta’ Alla u li minnu ħriġna aħna, l-Insara, Iżrael il-ġdid. Il-Knisja. Il-poplu l-ġdid ta’ Alla bis-saħħa tal-passjoni, tal-mewt, u tal-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu. M’għandniex xi ngħidu, b’riħet l-għotja tal-Ispirtu s-Santu, l-istess Spirtu tiegħu fuqna. Li nemmnu! Meta qbadt nara ftit dawn ħutna x’jitolbu bqajt tassew impressjonat! U mimli għaġeb!

Fit-talb tagħhom ħutna l-Lhud ibierku ħafna. Tant hu hekk li kull filgħodu għandhom mat-tmintax-il barka xi jbierku! Dan biex ma nsemmux il-barkiet li għandhom għal, prattikament, kull ħaġa li jaraw! Magħhom il-Mulej jaħdem fuq li jaħdem! Għax jitolbuH biex iberikhom u jberkilhom! U mhux biex ivenvnu xi żewġ dagħwiet meta lanqas ikunu għadhom kemm fetħu għajnejhom! Minflok ma jindenjaw ruħhom jiżżuĦ ħajr li qajjihom qawwijin u sħaħ!

Issa dawn ħbieb għadhom qiegħdin jistennew lill-Messija mwiegħed! U dan it-tberik kollu! Aħseb u ara aħna l-Insara mela, li ngħatatilna l-grazzja li nemmnu bis-sħiħ li Ġesù hu l-Messija, l-Iben ta’ Alla l-Ħaj, Alla magħmul bniedem għalina, li ġie tassew fostna, Dak li ħabbna, u li ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu (Apk 1:5), kemm aktar għandna l-għaliex nitolbu lill-Mulej biex iberikna u jberkilna? U jbierek lil min jaħbat magħna?

F’waħda mill-barkiet li jitolbu fil-Birchot HaShachar, jiġifieri fit-talb tal-barkiet ta’ filgħodu, ħutna l-Lhud għandhom barka tabilħaqq sabiħa u mimlija għerf. Bl-Ilsien Lhudi din il-barka tgħid hekk: Baruk attah Adonai eloheinu melekh ha-olam, asher natan lasekhvi vina l’havchil bein yom u’vein lailah. F’ilsienna, il-Malti, tfisser hekk: “Imbierek int, Mulej Alla tagħna, Sid tal-univers, li ta lill-qalb l-għarfien biex tagħżel bejn il-jum u illejl”.

Xi ġmiel ta’ kliem hemm f’din il-barka! U kemm, fi ftit kliem, fiha hemm maħżun għerf li jibqa’ għal dejjem! Dan l-għaliex, f’din il-barka, għandna mfisser quddiem għajnejna x’inhu dan l-għerf! L-għerf tal-Mulej! Dak l-għerf li tant għandna bżonnu! Aktar mill-arja li jieħdu mnifsejna u li biha jħaddmu l-pulmuni tagħna ħa ngħixu. U ngħixu bil-kotra. Kif iridna Dak Alla li jagħti bil-kotra jaf u mhux bix-xiber. Għax Hu tassew għani fid-doni tiegħU!

L-għerf (chokhmah) hu t-tweġiba għat-tagħlim (torah) ta’ Alla li hu personali (YHVH). U, dan Alla, il-Mulej, hu qaddis u sewwa. Għalhekk jistenna li dawk li jafuh juru l-karattru tiegħu fil-ħwejjeġ kollha ta’ din l-art li fihom huma jkunu. L-għerf, kif tippreżentahulna din il-barka, m’huwiex le minn dak l-għerf li dejjem ħa jara kif se jirraġuna. Tant li jispiċċa li jqabbel fejn iqabbel għax, u dejjem, skont kif jaqbillu kif kien mill-bidu issa u dejjem u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem, amen. Dan l-għerf mhuwiex dak li jgħid li t-tagħrif hu virtù. Dan l-għerf ma jgħidx, kif kien jgħid Platun, ngħidu aħna, li jekk persuna għandha tagħrif perfett din se tgħix ħajja tajba. Għax l-għerf, fil-qjies Lhudi, ma nsibuhx le fil-moħħ. Bil-maqlub! L-għerf tassew, skont il-ħsieb Lhudi, jinstab fil-qalb u fir-rieda. U, dan l-għerf, hu suġġett għall-kmandamenti ta’ Alla (mizvot).

F’kelma waħda, l-għerf skont il-Lhud m’huwiex teoretiku u ta’ ħafna taħbil il-moħħ. Iżda huwa għerf prattiku għall-aħħar għax imsejjes fuq il-prinċipji rivelati ta’ x’inhu t-tajjeb u l-ħażin bil-għan li jingħex fil-ħajja ta’ kuljum. Għalhekk min jagħmel dan kollu, bir-raġun kollu, jista’ jitqies bħala chakham, jiġifieri għaref.

Mela, skont il-fergħa Ħassidika tal-ġudajiżmu, l-għerf (chokhmah) hu l-ħila tal-moħħ li jagħti tnebbieħ u jiffurmahom fi ħsibijiet. It-tieni ħaġa, l-għerf fil-qjies Lhudi u Bibbliku, hu binah. Jiġifieri, dik il-ħila tal-moħħ li jieħu tnebbiħa ġdida, jara ftit il-konsegwenzi tagħha u jsaffi t-tifsira tagħha f’mod li dak li jkun jifhmu aħjar u mill-ewwel. Għalhekk, binah hi l-ħila li wieħed jifhem ħaġa li qiegħdha f’ħaġa oħra, li jagħraf, li jagħmel differenza, li jiddixxerni u l-bqija. Fl-aħħar nett, l-għerf, fil-qjies Lhudi, hu da’at. Jiġifieri dik il-ħila ta’ moħħ li tiffoka u li żżomm il-konċentrazzjoni tagħha u anki li tuża l-memorja. Fi kliem ieħor, li tibqa’ tiftakar.

Biex niftehmu aħjar: min minna m’għandux bżonn li dak li joħlom bih jew li jiġih f’moħħu, ifissru fi ħsieb? Ħalli dak li jkun qed jisimgħu ikun jista’ jifhmu? U hekk iseħħ chokhmah (għerf)? Daqstant ieħor, min minna ma jarax il-ħtieġa li meta tiġina xi ħaġa f’moħħna aħna naraw il-konsegwenzi tagħha? U hekk, wara li nsiqu l-konsegwenzi tagħha, inkunu nistgħu nintebħu x’inhi eżatt l-għaliex naraw li dik il-ħaġa tkun qed tagħmel parti minn xi ħaġa oħra? U b’riħet hekk nibdew nagħrfuha u narawha aktar ċara l-għaliex mhux bħal ħwejjeġ l-oħra? Mela, nibdew niddixernuha? F’kelma waħda, binah? U, fl-aħħar nett, min minna m’għandux bżonn li moħħu jibqa’ jiffoka u li jżomm il-konċentrazzjoni tiegħu fuq it-tajjeb li għandu f’moħħu? Min minna m’għandux bżonn li jibqa’ jiftakar f’dak li hu tajjeb ħalli hekk jgħaddih lil ħaddieħor?

Din il-barka lili għallmittni li l-Mulej għandu l-ħila jagħtini dawn il-ħiliet f’moħħi. Imma, biex jagħtihomli, irrid nitlobhomlu. U nitlobhomlu ta’ kuljum. Għalhekk mela huwa għaqli li nibda’ il-jum tiegħi billi nitolbu jberikni b’dan il-mod. Għax, meta jpoġġi idejH fuq moħħi, bis-saħħa tal-barka li nitolbu jagħtini, jien inkun nista’ nikkomunika aħjar, mal-oħrajn, dak li jgħaddili minn moħħi. U, meta nikkomunikah ma’ ħaddieħor nista’ nagħrblu ħa nara jekk hux tajjeb. U jekk ikun tajjeb aktar nagħmel ħilti kollha ħa nibqa’ niftakru ħa ngħaddih lill-oħrajn.

L-għerf veru mela, fis-sens Bibliku Lhudi, qatt m’hu moħbi u mistur. Imma miġjub għad-dawl. Biex jiġi analizzat. Biex jitneħħa l-qerq minnu. Biex tinstab is-sewwa fih. Hu wara li tinstab is-sewwa u l-qdusija tal-Mulej fih li dan il-għerf jista’ imbagħad jinżamm fil-memorja ħa jibqa’ jiġi mfakkar. U hekk mgħoddi lil ħaddieħor. Għax, kull darba li jitfakkar, dan l-għerf iwettaq ħafna u ħafna ġid!

Sieħbi, nistiednek tibda’ l-jum tiegħek b’din il-barka tabilħaqq speċjali u li tagħti togħma u direzzjoni għal kollox differenti lill-jum tiegħek. Minn sbieħ il-jum. Għodu għodu. Għax timliek bl-għerf tal-Mulej! L-għerf li, int u jien, u jien u int, għandna bżonn daqs in-nifs li nieħu ta’ kuljum. U ta’ kull ħin.

Imbierek int, Mulej Alla tagħna, Sid tal-univers u Missierna, li tagħti lill-qalbna l-għarfien biex tagħżel bejn il-jum u illejl. Amen.

Patri Mario Attard OFM Cap