Lezzjoni II: San Ġużepp De Calasanz


25 ta’ Awwissu – San Ġużepp De Calasanz, Saċerdot

Tifkira

Twieled fl-Aragonja fl-1557. Wara edukazzjoni skolastika mill-aħjar, sar saċerdot fl-1583 u qeda l-ministeru tiegħu f’art twelidu. Imbaghad mar Ruma u ngħaqad ma’ San Kamillu de Lellis fil-kura tal-morda bil-pesta fl-1595. Beda jieħu ħsieb it-tfal tal-foqra biex jgħallimhom u waqqaf l-ewwel skola b’xejn għat-tfal ġo Ruma. Il-komunità tal-għalliema żviluppat f’ordni reliġjuż. Ra ħafna ma’ wiċċu u kien vittma ta’ gideb u akkużi foloz li ġarrab b’paċenzja u umiltà. Miet f’Ruma fl-1648. Hu patrun tal-iskejjel insara.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari minn ittra ta’ San Ġużepp de Calasanz, saċerdot.

(Memoriale al Card. M. A. Tonti, 1621)

Ningħaqdu ma’ Kristu u nogħġbu lilu waħdu

Żgur ma hemmx bniedem li ma jafx kemm hi ta’ ġieħ u mertu l-ħidma qaddisa li wieħed jagħmel fost it-tfal, l-iktar it-tfal il-fqar, biex jgħallimhom u jiksbu l-għerf li jiswielhom għall-ħajja ta’ dejjem. Dawk li jħabirku għall-ġid tat-tfal fir-ruħ u l-ġisem, billi jgħallmuhom u l-aktar billi jħarġuhom fit-tjieba u t-tagħlim nisrani, b’xi mod ikunu jaqdu l-istess uffiċju tal-anġli kustodji tat-tfal.

Barra minn dan, ikunu jagħtu għajnuna siewja ħafna biex iż-żgħażagħ mhux biss jitbiegħdu mill-ħażen iżda wkoll jitħajru u jitqanqlu aktar bil-ħeffa u bil-ħlewwa biex jagħmlu kull xorta  ta’ opri tajba. Kulħadd jaf li, b’għajnuna bħal din, fiż-żgħażagħ issir bidla għall-aħjar, għax minn tfal bla skola jsiru tant edukati li ma tagħrafhomx iżjed. Billi jkunu qishom xtieli torja, ma tridx wisq biex ittellagħhom kif trid, imma jekk jilħqu jixrafu, xi drabi anqas biss inkunu nafu x’naqbdu nagħmlulhom, jew tonqosna ħafna l-ħila – meta ma nitilfuhiex għal kollox – biex nagħmlulhom xi ħaġa.

Il-ħidma biex tingħata edukazzjoni tajba lit-tfal, l-iktar lill-foqra, hi ħidma li mhux biss tkattrilhom il-ġieħ tagħhom ta’ bnedmin iżda wkoll hi ta’ fejda kbira għal kulħadd fis-soċjetà umana u nisranija: tiswa lill-ġenituri, għax huma jifirħu aktar minn kulħadd meta jaraw ‘l uliedhom imrobbija hekk tajjeb; tiswa lill-mexejja ċivili, għax jiksbu sudditi mill-aħjar u ċittadini bil-għaqal; u tiswa fq kollox lill-Knisja, għax tiżdied b’ħaddiema mħarrġa u mhejjija aħjar għal kull xorta ta’ xogħol fil-ħajja u fil-ħidma tagħha, bħala wlied kollhom imħabba għal Kristu u kollhom qawwa fl-istqarrija tal-Evanġelju.

Dawk li jindaħlu għal dan ix-xogħol ta’ tagħlim, jekk iridu jagħmluh bil-ħsieb u l-ħerqa, jeħtieġ ikunu mżejnin b’imħabba kbira, b’ħafna sabar u fuq kollox b’umiltà tassew, biex bis-saħħa ta’ dawn il-virtujiet, u bit-talb umli tagħhom,  Alla jsibhom denji u jseħibhom miegħu bħala ħaddiema tajba fit-tixrid tal-verità, iwettaqhom fil-qadi ta’ uffiċċju hekk sabiħ, u fl-aħħar iħallashom bil-glorja tas-sema skont il-kelma tal-Iskrittura: Dawk li jkunu wassslu ‘l ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem.

U jaslu f’dan aktar malajr jekk jintrabtu ma’ Alla b’kelma li jagħtuh is-servizz tagħhom sal-aħħar, jingħaqdu ma’ Kristu u jfittxu dejjem li jogħġbu lilu waħdu, li qal: Kemm għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.

RESPONSORJU                                                                                                                  1 Tess. 2:8. Gal. 4:19

1.Aħna għożżejmiekom hekk li ridna naqsmu magħkom mhux biss l-Evanġelju ta’ Alla imma ħajjitna stess. * Daqskemm sirtu għeżież għalina.

2. Uliedi, minħabba fikom jien qiegħed inħoss mill-ġdid l-uġigħ tal-ħlas sakemm Kristu jissawwar ġewwa fikom. * Daqskemm sirtu għeżież għalina.

Talba

O Alla, int żejjint b’imħabba u sabar tal-għaġeb lis-saċerdot San Ġużepp de Calasanz biex jaħdem bla heda għall-ġid tat-tfal u jagħtihom trobbija tajba f’kull virtù; agħtina li bħalma lilu nagħtuh ġieħ ta’ edukatur għaref li kien, hekk ukoll inkunu dejjem nixbħuh fil-ħidma ħabrieka tiegħu għall-verità. B’Ibnek.