Qari tal-Quddies tat-Tlieta tal-V ġimgħa tar-Randan


Stampa t-test tal-qari …

Il-Ħames Ġimgħa tar-Randan
It-Tlieta

QARI I
Alla tagħna ġej biex isalvana.
Num 21, 4-9

Qari mill-Ktieb tan-Numri

F’dak iż-żmien, l-Iżraelin telqu minn ħdejn il-muntanja Hor mat-triq tal-Baħar tal-Qasab biex jeħduha bid-dawra mal-art ta’ Edom. Imma l-poplu ddejjaq jimxi, u beda jgerger kontra Alla u kontra Mosè: “Għala tellajtuna mill-Eġittu biex immutu fid-deżert? M’hawnx ħobż u lanqas ilma; aħna xbajna b’dan l-ikel ħafif”.

U l-Mulej bagħat sriep velenużi f’nofs il-poplu u bdew jigdmuhom; u mietu ħafna mill-poplu ta’ Iżrael. U l-poplu mar għand Mosè, u qalulu: “Dnibna għax tkellimna kontra l-Mulej u kontra tiegħek. Itlob lill-Mulej ħa jwarrab is-sriep minn fostna”. U Mosè mar jitlob għall-poplu. U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: “Agħmel serp tal-bronż, u arbulah bħal stendard; u kull min jingidem u jħares lejh ifiq u jgħix”.

U Mosè għamel serp tal-bronż, u arbulah bħal stendard. U ġara li kull min kien jigdmu s-serp kien iħares lejn is-serp tal-bronż, u kien ifiq u jgħix.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 101 (102, 2-3.16-18.19-21

R/. (2): Mulej, isma’ t-talba tiegħi

Mulej, isma’ t-talba tiegħi,
ħa tasal għandek l-għajta tiegħi.
Taħbix wiċċek minni
f’jum id-dwejjaq tiegħi;
ressaq widintek lejja,
meta nsejjaħlek fittex weġibni! R/.

Ħa jkollhom il-ġnus il-biża’ ta’ ismek, Mulej,
u s-slaten kollha tal-art il-biża’ tas-sebħ tiegħek,
meta l-Mulej jerġa’ jibni lil Sijon,
u jidher fis-sebħ tiegħu.
Hu jisma’ t-talb tal-mitluqin,
ma jistmellx it-talb tagħhom. R/.

Jinkiteb dan għan-nisel li għad jiġi,
u poplu ġdid għad ifaħħar lill-Mulej.
“Il-Mulej iħares ’l isfel mill-għoli tas-santwarju tiegħu,
u jittawwal mis-sema lejn l-art,
biex jisma’ l-krib tal-ilsiera,
biex jeħles ’il dawk li huma għall-mewt”. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Iż-żerriegħa hi l-kelma ta’ Alla,
il-bidwi hu Kristu:
min isib lilu jkollu l-ħajja ta’ dejjem.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
Meta terfgħu ’l fuq lil Bin il-bniedem, imbagħad tagħrfu li jiena hu.
Ġw 8, 21-30

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Fariżej: “Jiena mmur, u intom għad tfittxuni, imma għad tmutu fid-dnub tagħkom. Fejn sejjer jien intom ma tistgħux tiġu”. Qalu l-Lhud: “Jaqaw se jneħħi ħajtu b’idejh dan? Għax qal: “Fejn sejjer jien intom ma tistgħux tiġu”.

Ġesù qalilhom: “Intom minn hawn isfel, u jiena ġej minn hemm fuq. Intom nies ta’ din id-dinja, imma jien m’iniex ta’ din id-dinja. Kif għedtilkom jien, intom tmutu fi dnubietkom. Għax jekk intom ma temmnux li jiena hu, tmutu fi dnubietkom”. “U int min int?”. staqsewh. Weġibhom Ġesù: “Dak li ili ngħidilkom sa mill-bidu. Għandi ħafna xi ngħid fuqkom u x’nikkundanna fikom; iżda dak li bagħatni, jgħid il-verità, u jiena ngħid lid-dinja dak li smajt mingħandu”. Huma ma ntebħux li kien qiegħed ikellimhom fuq il-Missier. Għalhekk Ġesù qalilhom: “Meta terfgħu ’l fuq lil Bin il-bniedem, imbagħad tagħrfu li jiena hu u li minn rajja ma nagħmel xejn, imma li nitkellem skont ma għallimni l-Missier. U min bagħatni huwa miegħi, ma telaqnix waħdi, għax jiena dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu”. Meta tkellem hekk, kienu ħafna dawk li emmnu fih.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu