Kuraġġ fit-tempesti tal-ħajja


Il-Ħadd, 9 ta’ Awwissu 2020: Omelija tal-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi f’Quddiesa tad-19-il Ħadd tas-Sena, fil-Parroċċa tal-Lunzjata, Balzan.

Capture.PNGa

Kuraġġ fit-tempesti tal-ħajja

Il-ġrajja tad-dixxipli fuq id-dgħajsa, li ltaqgħu ma’ Ġesù miexi fuq il-baħar, kienet ġrajja li lill-ewwel Insara kienet impressjonathom ħafna. Mhux biss għall-ġrajja fiha nnifisha, li kellhom esperjenza tagħha d-dixxipli li kienu fid-dgħajsa, imma għax fiha kienu jaraw xbieha ta’ dak li kienu qed jgħixu huma, l-Insara Nsara, u ta’ dak li kien ifisser Ġesù għalihom. Ħa nħarsu ftit l-ewwel lejn id-dgħajsa fil-baħar; imbagħad Ġesù miexi fuq il-baħar; imbagħad Ġesù u Pietru.

Jekk aħna naraw id-dgħajsa waħedha fil-baħar, bir-riħ kontra u bil-mewġ, mal-ewwel nieħdu ideja tas-sitwazzjoni diffiċli li kienu fiha d-dixxipli. Imma rridu niftakru xi ħaġa importanti: li l-baħar, filwaqt li għal ħafna minna jġib memorji sbieħ – mhux għal min kellu xi incident ikrah fil-baħar, imma għal ħafna minna – fl-Iskrittura l-baħar ħafna drabi hu xbieha ta’ diżordni, taħwid, ta’ dak li hu diffiċli fil-ħajja. Għahekk id-dgħajsa fuq il-baħar, bir-riħ il-kontra u l-mewġ, kienet tfisser li dawn kienu f’diffikultà kbira.

Imma meta raw lil Ġesù miexi fuq il-baħar – għall-bidu ħasbuh fantażma – u Ġesù qalilhom “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn”, għall-ewwel Insara x-xbieha ta’ Ġesù miexi fuq il-baħar kienet tfisser li Ġesù, li jemmnu fih, jissupera d-diffikultajiet u t-tfixkil tal-ħajja. Huwa dak li jegħleb il-biża’ li jiġi minn dawn id-diffikultajiet u l-problemi tal-ħajja. Għalhekk dak li kien ifisser għall-ewwel Insara għandu jfisser ukoll għalina: li Ġesù li nemmnu fih hu Ġesù li lilna jagħmlilna l-qalb, li hu jissupera d-diffikultajiet u l-problemi tal-ħajja, u għalhekk aħna għandna dejjem ikollna fiduċja sħiħa fih.

Innutaw x’jiġri ma’ Pietru, għax din għandha messaġġ importanti għalina. Meta Pietru kien fuq id-dgħajsa, hu li dejjem hu l-ewwel wieħed li jitkellem u jagħmel xi ħaġa, u ried jersaq lejn Ġesù, Ġesù qallu “ejja”, Pietru beda miexi, imma f’mument minnhom beda nieżel ’l isfel, se jegħreq. Xi ġralu Pietru? Meta ħares lejn Ġesù u qiegħed il-fiduċja fih, hemmhekk beda miexi. Meta neħħa ħarstu minn fuq Ġesù u ħares lejn il-mewġ, u ħass ir-riħ qawwi, u beda jħares lejh innifsu u lejn il-forzi tiegħu, hemmhekk qabdu ħafna biża’ u beda nieżel ’l isfel. Il-mument li reġa’ dawwar ħarstu lejn Ġesù, u talbu jsalvah, hemm sab l-id li taqbdu u li terfgħu mill-ilma.

Hawnhekk għandna tassew xbieha importanti għall-ħajja tagħna, bħalma kienet għall-ewwel Insara. Meta aħna nqiegħdu l-fiduċja tagħna f’Ġesù, hu jgħinna qalb il-problemi u d-diffikultajiet tal-ħajja. Jekk aħna ma nħarsux lejh, ninsew lilu, u nħarsu minflok lejn il-forzi tagħna jew lejn dak li qed jiġri madwarna, hemmhekk naħbtu neżlin ’l isfel. Jekk aħna nħarsu lejn Ġesù u nitolbuh isalvana, insibu l-id tiegħu li taqbadna u li terfagħna fid-diffikultajiet tal-ħajja ħalli nimxu ’l quddiem.

Dan hu messaġġ għalina, għall-ħajja tagħna. Ġesù hu dak li jagħmlilna kuraġġ fit-tempesti tal-ħajja. Il-kelma li qal lid-dixxipli “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn” jgħidha lilna wkoll. Aħna ngħaddu minn diversi diffikultajiet fil-ħajja tagħna – tbatija, mard, problemi, kultant diffikultajiet ukoll biex ngħixu tassew ta’ Nsara, f’mentalità li hi kontra, qisna qed naqdfu kontra l-kurrent. Ġesù hu dak li jagħtina l-għajnuna, li jagħmlilna l-qalb, li jagħtina idu biex tista’ tmexxina qalb id-diffikultajiet u l-problemi tal-ħajja.

Niftakru li Ġesù qatt ma qalilna li mhux se jkollna tfixkil, jew li mhux se jkollna problemi jew tbatija fil-ħajja. Hu qatt ma qalilna biex nagħlqu għajnejna u nippretendu li d-diffikultajiet u l-problemi mhumiex hemm. Ġesù qalilna: jien inkun magħkom, l-id tiegħi f’idkom biex timxu ’l quddiem b’kuraġġ qalb dak kollu li fil-ħajja hu tfixkil u tbatija. Għalhekk illum nitolbuh il-grazzja li aħna nħarsu dejjem lejh; li meta nagħrfu l-forzi dgħajfa tagħna qalb il-problemi u d-diffikultajiet, ħarsitna tibqa’ dejjem lejh biex hu jgħinna ħalli negħlbu l-biża’ u nistgħu, bl-id tiegħu fl-id tagħna, nimxu ’l quddiem b’kuraġġ fl-esperjenzi kollha speċjalment dawk l-aktar diffiċli tal-ħajja.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju