Illum il-Knisja tagħmel il-Festa ta’ San Lawrenz

Print Friendly, PDF & Email

Fl-10 ta’ Awwissu l-Knisja tagħmel il-Festa ta’ San Lawrenz, Djaknu u Martri li ħa l-martirju fis-sena 258.

Il-kelma “Djaknu” tfisser “Qaddej.”

Wara l-appostli San Pietru u San Pawl, San Lawrenz l-aktar martri Ruman magħruf ta’ Ruma. Ma għandniex wisq dettalji ċerti fuqu ħlief li kien djaknu tal-Knisja ta’ Ruma. Jingħad li hu kien minn Huesca t’Aragona (Spanja) u ħadu miegħu Ruma l-arċidjaknu Sistu meta dan kien għaddej fuq qadja minn Huesca t’Aragona.

Meta aktar tard Sistu sar papa bl-isem ta’ Sistu II, fil-257 għażel lil Lawrenz bħala djaknu, u għalkemm kien għadu żagħżugħ, qiegħdu l-ewwel wieħed mis-seba’ djakni li kienu jservu lill-Knisja ta’ Ruma.

Fis-6 ta’ Awwissu, 258 il-Papa Sistu, waqt li kien fiċ-ċimiterju ta’ San Kallistu ma’ xi djakni tiegħu, ġie maqbud u kkundannat għall-mewt. Jingħad li Lawrenz mar jilħqu u staqsieh kif kien sejjer għall-aħħar sagrifiċċju tiegħu mingħajr id-djaknu tiegħu. Papa Sistu jingħad li ħabbar lil Lawrenz li kellu jmut mewta ħarxa ftit jiem wara. Fil-fatt Lawrenz ġie hu wkoll maqbud mis-suldati Rumani.

San Ambroġ ħalla miktub li, skont tradizzjoni orali, Lawrenz qabel ma arrestawh, ġie mogħti tlett ijiem żmien biex inewwel lill-imperatur Valerjanu t-teżori tal-knisja, iżda d-djaknu biegħhom biex jiġu mgħejjuna l-foqra u ppreżenta lill-imperatur dawn l-istess foqra bħala teżori tal-knisja.

Lawrenz ġie għalhekk ikkundannat għal mewta l-aktar ħarxa billi jkun mixwi fuq gradilja. Il-qaddis ingħata difna xierqa fuq il-Via Tiburtina.

Prudentius, madwar is-sena 400, jgħid li l-konverżjoni ta’ Ruma saret minħabba t-talb ta’ San Lawrenz u jgħid ukoll li folol kbar kienu jmorru fil-knisja ta’ dan il-qaddis f’Ruma u li ħafna grazzji kienu jinqalgħu bl-interċessjoni tiegħu. Fis-seklu erbgħa dan il-qaddis mhux biss kellu festa iżda wkoll vġili.

Wara l-martirju, il-fdal tal-Qaddis indifen fiċ-ċimiterju ta’ Ċirijaka ħdejn it-triq Tiburtina fil-Verano. Kostantinu l-Kbir bena bażilika fuq il-qabar tiegħu, li waqgħet u nbniet kemm-il darba. Il-knisja li hemm illum iġġib l-isem ta’ San Lorenzo Fuori le Mura, u tinsab f’idejn il-patrijiet Kapuċċini.

Imfaħħar mill-aqwa dutturi tal-Knisja, fosthom Santu Wistin, Sant’Ambroġ, u San Leone Manju, wara l-Appostli San Pietru u San Pawl, hu l-iktar martri meqjum ġewwa Ruma.

Il-Papa tal-Immakulata, il-Beatu Piju IX, ried jindifen ħdejn il-qabar ta’ San Lawrenz, u hemm jinsab tassew. Lil San Lawrenz, huma ddedikati mijiet kbar ta’ knejjes, fosthom f’Ruma, San Lawrenz “In Lucina,” “In Damaso,” mibnija mill-Papa San Damaso (366-384), “In Paneperna” u “In Miranda”.

Lilu huma ddedikati l-Katidrali ta’ Genova, Perugia, Grosseto, Trapani, Lugano u oħrajn. Il-Knisja tiċċelebra l-festa tiegħu bl-istess grad liturġiku daqs tal-festi tal-Appostli.

San Lawrenz huwa l-Patrun tal-Birgu u tar-raħal li jġib ismu ‘San Lawrenz,’ Għawdex.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply

%d bloggers like this: