Konċelebrazzjoni b’suffraġju ta’ Vittorio Bachelet


OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Is-Sibt, 23 ta’ Frar 1980

  1. Aħna lkoll llum ħassejna l-bżonn ta’ din il-laqgħa, li hija laqgħa fil-preżenza ta’ Kristu, mal-għażiż ħuna, li l-firda minn magħna – umanament hekk traġika u krudila – għandha elokwenza tagħha partikolari, nhux tas-soltu. L-elokwenza ta’ din il-mewt tikkonsisti fix-xhieda. Il-mejjet għadu jistà jagħti xhieda? Iva, jagħtiha permezz ta’ dak li kien, il-mod li bih għex, il-kif ta’ kif opera. Jagħtiha wkoll permezz tal-ħajjin: li kienu jagħmlu parti minn ħajtu. Permezz ta’ dawk li ħalla ltiema. Permezz tal-familja. U wkoll permezz tal-ambjent li għalih kien jappartieni. Permezz tagħna lkoll.

Propju minħabba dan ninsabu hawn miġburin illum, aħna lkoll: id-diversi organizzazzjonijiet u gruppi, l-Azzjoni Kattolika, bosta rappreżentanti ta’ Ruma u tal-Italja kollha, biex nirriflettu mill-ġdid għal darb’oħra fuq din ix-xhieda li Vittorio Bachelet ta lill-Knisja u lis-soċjetà, xhieda li huwa ta lill-epoka diffiċli tagħna.

Inġbarna hawn sabiex huwa jkun jistà jirrendi “mill-ġdid għal darb’oħra” din ix-xhieda permezz tagħna lkoll.

2.Aħna marbutin miegħu b’irbit multiplu. Tul il-korsa ta’ dawn is-snin, huwa kien president tal-Azzjoni Kattolika Taljana f’livell nazzjonali.

Jien iltqajt miegħu personalment wara l-Konċilju, fl-ewwel grupp tal-kunsill tal-lajċi; sirt naf lilu u wkoll lil martu u lil uliedu. U issa li, wara dak iż-żmien ikolli niċċelebra din il-liturġija funebri wara mewtu, inħoss mill-ġdid li din kienet persuna qariba, għalkemm suċcessivament qatt iktar ma rajna lil xulxin għal serje ta’ snin.

Multiplu huwa l-irbit li miegħu jorbotna u li jidher illum, f’ċertu sens, mill-ġdid iktar qawwi. Niskopru li dan l-irbit li rabatna u għadu wkoll issa jorbotna miegħu, jgħaqqadna kontemporanjament ma’ Kristu. Aħna ltqajna hawn biex nistqarru u nuru dan l-irbit tagħna fi Kristu, li jakkumunana lkoll fit-tifkira ta’ min ħalliena. U għalhekk, forma unika adegwata ta’ espressjoni huwa dan is-sagrifiċċju: l-ewkaristija, li, f’għaqda ma’ Kristu, noffru flimkien, miġbura fit-tifkira tal-għażiż u ndimentikabbli Vittorio Bachelet.

Ejjew nitolbu mill-ġdid għal darb oħra lil dawk li sfaw maġgorment weħedhom: lil martu, is-Sinjura Marija Teresa, u lil uliedu Marija Grazia u Ġovanni, li jilqgħu mingħandna din il-manifestazzjoni kollha tas-sehem tagħna fin-niket, li huma qegħdin jgħixu b’mod hekk edifikanti. Nitolbuhom li jaċċettaw din l-espressjoni tal-ħbiberija tagħna lejn ir-raġel u l-missier tagħhom.

3.Is-sagrifiċċju.

Kull darba li niltaqgħu biex nieħdu sehem fl-Ewkaristija, nafu li jkellmuna t-testi spirati tal-Iskrittura Mqaddsa, is-siltiet magħżula mit-Testment il-Qadim u l-Ġdid; li xuftejna se jippronunzjaw il-kliem tat-talb liturġiku ta’ adorazzjoni, ta’ ringrazzjament, ta’ propizjazzjoni u ta’ interċessjoni. Madankollu, ‘il fuq minn dan kollu, jitkellem is-salib inviżibbli tal-Kalvarju u s-sagrifiċċju offrut fuqu Il-kliem tat-transustanzjazzjoni jirreferi b-mod dirett għal dak is-sagrifiċċju u mhux biss iqanqal it-tifkira, imma jtenniha mill-ġdid, iwettaq mill-ġdid, mingħajr tixrid ta’ demm, taħt l-ispeċi tal-ħobż u tal-imbid: “…ġismi offrut b’sagrifiċċju għalikom…” / “… il-kalċi ta’ demmi …imxerred għalikom u għal kulħadd”.

Sagrifiċċju.

Is-sagrifiċċju huwa Kristu: “Dak li ma kienx jaf dnub” (2Kor 5,21), innoċenti u pur, “Il-Qaddis ta’ Alla” (Lq 4,34): Kristu l-Ħaruf ta’ Alla.

Kristu kien jaf li għall-fidwa tad-dinja kien meħtieg is-sagrifiċċju tiegħu:

“ikun aħjar għalikom li jiena nmur” (Ġw 16,7), “Bin il-bniedem jeħtieġ li jbati” (Mt 17,12), “Bin il-bniedem se jkun mogħti f’idejn il-bnedmin li joqtluh, imma fit-tielet jum huwa jerġà jqum mill-imwiet” (Mt 17,22-23), “…hemm bżonn li jkun mgħolli Bin il-bniedem, sabiex kull min jemmen fih ikollu  l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3,14).

Fil-pjan ta’ Alla kien stabbilit li ma setax isalva b’mod ieħor lill-bniedem.Għal dan ma kien ikun biżżejjed ebda kelma oħra, ebda att ieħor.

Kienet meħtieġa l-kelma tas-salib: kienet meħtieġa l-mewt tal-Innoċenti, bħala att definittiv tal-missjoni tiegħu. Dan kien meħtieġ biex “jiġġustifika l-bniedem…” biex jixxokkja l-qalb u l-kuxjenza, biex jibni l-argument definittiv f’dik il-konfrontazzjoni bejn it-tajjeb u l-ħażin, li timxi tul l-istorja tal-Bniedem u l-istorja tal-popli…

Kien meħtieġ is-sagrifiċċju. Il-mewt tal-Innoċenti.

  1. Kristu ħalla dan is-sagrifiċċju tiegħu lill-Knisja bħala l-ikbar don tiegħu. Ħallieh fl-Ewkaristija. U mhux biss fl-Ewkaristija: ħallieħ fix-xhieda tad-dixxipli u l-konfessuri tiegħu.

Waqt li aħna nitgezzu b’mod ideali madwar il-katavru ta’ ħuna, ejjew niftakru li ninsabu f’Ruma, li fl-ewwel sekli kienet spettaklu tar-ripetizzjoni kontinwa tal-persekuzzjonijiet imdemma tal-konfessuri ta’ Kristu.

U dan beda kollu minn Pietru.

Filwaqt tal-arrest ta’ Kristu fil-Ġetsemani, Pietru kien xeħet idu fuq ix-xabla. Din kienet reazzjoni naturali. Kulmin jiġi aggredit b’mod inġust, għandu dritt jiddefendi ruħu. U għandu dritt ukoll li jiddefendi innoċenti ieħor. Bdanakollu Kristu qal lil Pietru: “Erġa daħħal lura x-xabla fil-għant, għaliex dawk kollha li jmiddu jdejhom fuq ix-xabla bix-xabla jmutu” (Mt 26,52).

U Pietru fehem, Fehem darba għal dejjem, Fehem sa tmiem ħajtu, li la hu u linqas ħutu ma setgħu jikkumbattu bix-xabla, għaliex is-saltna li għaliha kien imsejjaħ, kellha tiġi kkonkwistata bil-qawwa tal-imħabba u bil-qawwa tal-verità. U hekk biss. Dan fehmu Pietru. U fehmuh dawk kollha li hawn f’Ruma, mietu għal din l-imħabba u għal din il-verità  .

“Aħna nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja, għaliex ħabbejna lil ħutna. / Minn ma jħobbx jibqà fil-mewt” (1Ġw 3,14).

Hija diffiċli din il-ħajja, li tgħaddi għal għonq l-istorja tal-Appostli, tal-martri u tal-konfessuri. Iridu jirbħu bil-verità u bl-imħabba, iridu jirbħu bix-xhieda u bis-sagrifiċċju.

Naħseb għeżież ħuti rġiel u nisa, li propju f’dan il-waqt ahna ninsabu fuq l-istess linja ta’ din it-triq.

5.“Min ma jħobbx jibqà fil-mewt”.

F’dan jikkonsisti l-kobor tal-vokazzjoni tal-bniedem, imma wkoll it-traġedja tiegħu.

Dawk li jħobbu jaċċettaw il-mewt bħala bidu tal-ħajja: tal-ħajja l-ġdida (“Aħna nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja) (1Ġw 3,14).

U minn dan il-fatt tikber il-Knisja – ġisem Kristu – fil-forma u dimensjoni definittiva tagħha. F’dan jiżviluppa u jimmatura ruħu simultanjament dak kollu li huwa denn tal-bniedem, dak kollu li huwa ġust, li huwa veru, li huwa tajjeb u sabiħ. Il-ħajja tħaddan dan kollu u tmexxih, bħal mewġa kbira u għolja, lejn Alla.

It-traġedja mill-banda l-oħra tikkonsisti fil-fatt li tagħżel il-mewt, Tagħżel il-mewt ta’ bniedem innoċenti. Tagħżel il-mewt ta’ missier ta’ familja, ta’ studjuż, ta’ qaddej tal-komunità nazzjonali, ta’ għassies tal-kultura, ta’ promutur tal-ġid komuni.

Għaliex tagħżel il-mewt?

Il-pjan li tagħżel il-mewt ta’ bnedmin innoċenti, jewwilla ma jagħtix ix-xhieda lilha nfisha li m’għandha xejn xi tgħid lill-bniedem ħaj? Li ma tippossiedi ebda verità li biha tistà tirbaħ? Li biha tistà tirbaħ il-qlub u l-kuxjenzi – u taqdi l-progress veru tal-bniedem?

  1. Kristu għallem li hemm bżonn nirbħu bil-verità u bl-imħabba. Kristu għallem, ukoll, li wieħed jistà – u kultant għandu – jaċċetta l-mewt, li hemm bżonn jagħmel sagrifiċċju tal-ħajja biex jagħti xhieda għall-verità u għall-imħabba.

“Minn dan għarafna l-imħabba: huwa ta ħajtu għalina, mela aħna wkoll għandna nagħtu l-ħajja għal ħutna” (1Ġw 3,16).

Ippermettuli, għeżież ħuti, irġiel u nisa, u speċjalment intom, għeżież familjari tal-indimentikabbli  Professur Bachelet, ippermettuli li jiena naqra mill-ġdid hekk, flimkien magħkom, din il-mewt ta’ ħuna. U hekk noffriha lil Kristu. Lil Kristu stess: bħala sagrifiċċju u bħala vittma! Waqt li nitlob li huwa jaċċettaha għas-salvazzjoni tad-dinja; biex jiġbed lejn ir-raġuni retta l-kuxjenzi tal-bnedmin, biex jiddritta t-toroq tal-ħajja soċjali, għar-rebħa ta’ dik il-verità u ta’ dik l-imħabba, li biha biss tinkiteb l-istorja tas-saltna…

Tiġi saltnatek.

Amen.

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.