Qari tal-Quddies ta’ San Ġorġ Preca, Presbiteru u Fundatur tas-Soċjeta’ tad-Duttrina Nisranija


Stampa t-test tal-qari …

San Ġorġ Preca, Saċerdot
Festa

QARI I
Sir 21, 11-17, 21

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak.

Min iħares il-Liġi jegħleb il-ġibdiet,
Imma l-biża’ tal-Mulej iwassal għall-għerf sħiħ.
Ma jitgħallimx min m’għandux għaqal,
Imma hemm għaqal li jkattar l-imrar.
Tagħlim l-għaref jikber bħal għargħar,
U t-twissija tiegħu bħal għajn ta’ ilma ġieri.
Qalb l-iblah bħal vażett imxaqqaq,
ebda tagħlim ma żżomm.
Jekk jisma’ kliem għaref min għandu t-tagħlim,
Ifaħħru u jżid miegħu;
jisimgħu min ħajtu jgħaddiha fix-xalar,
Imma ma jogħġbux, u jitfgħu wara dahru.
Diskors l-iblah hu bħal tagħbija fi vjaġġ,
Imma fuq fomm bniedem li jifhem tinsab il-ħlewwa.
Dak li jgħid l-għaqli hu mfittex fil-laqgħat,
U f’qalbhom jibqgħu jaħsbu fuqu.
Bħal tiżjin tad-deheb hu t-tagħlim għall-għaqli,
U bħal brazzuletta fi driegħu l-lemini.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
119, 32-42

R/. Għallimni Mulej, it-triq tal-kmandamenti tiegħek.

Għallimni, Mulej, it-triq tal-kmandamenti tiegħek;
jiena rrid nibqa’ fiha sa l-aħħar.
Fehemni biex inħares il-liġi tiegħek
u nagħmilha b’qalbi kollha. R/.

Mexxini mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek,
għax fiha nsib l-għaxqa tiegħi.
Iġbidli qalbi lejn il-preċetti tiegħek,
u mhux lejn ir-regħba. R/.

Tħallix lil għajnejja jħarsu lejn il-frugħa;
agħtini l-ħajja bil-kelma tiegħek.
Żomm il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek,
Ii int għamilt ma’ dawk Ii jibżgħhu minnek. R/.

Warrab minni l-għajb li nibża’ minnu,
għax tajbin huma d-digrieti tiegħek.
Ara kif jiena mxennaq għall-preċetti tiegħek;
fil-ġustizzja tiegħek agħtina l-ħajja. R/.

Ħa tinżel fuqi tjubitek, Mulej,
u s-salvazzjoni tiegħek skond il-wegħda tiegħek.
Mbagħad nagħti tweġiba lil min jgħajjarni
għax jien nafda fil-kelma tiegħek. R/.

QARI II
2 Tim 2, 1-11

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju.

Int mela, ibni, qawwi ruħek fil-grazzja li hi fi Kristu Ġesù, u kull ma smajt mingħandi quddiem ħafna xhieda, għaddih Iil nies ta’ fiduċja, li huma stess ikollhom il-ħila jgħallmuh ukoll lill-oħrajn. Bati inti wkoll miegħi bħala suldat tajjeb ta’ Kristu Ġesù.

Ebda suldat taħt l-armi, jekk irid jogħġob lil min daħħlu fis-servizz, ma jindaħal f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħajja ċivili. Hekk ukoll l-atleta ma jihux il-premju jekk ma jkunx mexa skond ir-regoli. Il-bidwi li jitħabat għandu jkun l-ewwel wieħed li jieħu mill-frott. Ifhem x’qiegħed ngħidlek; il-Mulej jagħtik li tifhem kollox.

Ftakar f’Ġesù Kristu, li qam mill-imwiet, li hu min-nisel ta’ David, skond l- Evanġelju li ħabbart jien. Għalih jien qiegħed inbati sa l-irbit tal-ktajjen bħallikieku għamilt xi delitt. Imma l-Kelma ta’ Alla m’hijiex marbuta. Għalhekk kollox nieħu bis-sabar għall-imħabba ta’ dawk li Alla għażel, biex huma wkoll jiksbu s-salvazzjoni, Ii hi ta’ glorja għal dejjem fi Kristu Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI GĦALL-EVANĠELJU
Mt 16:18

R/. Hallelujah
Min iħares il-kmandamenti u jgħallimhom lill-oħrajn
dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Mk 16, 14a. 15-20

Qari mill-Evanġelju skont San Mark.

Fl-aħħar Ġesù wera ruħu lill-ħdax stess waqt li kienu fuq il-mejda, u qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat. U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu idejhom fuq il-morda u dawn ifiqu.”

U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla. Huma mbagħad marru jippriedkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.