Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Klara

Fil-11 ta’ Awwissu l-Knisja tfakkar lil Santa Klara, Verġni li għexet bejn is-snin 1193 sa 1253.

Santa Klara twieldet f’Assisi, l-Italja, fl-1193. Meta kellha 18-il sena, semgħet lil San Franġisk jagħmel l-eżerċizzi tar-Randan. Il-prietki tiegħu ħassithom jolqtuha u jispirawha, u xtaqet tgħix ħajjitha skont il-Vanġelu, bħalu.

San Franġisk approva r-riżoluzzjoni tagħha. F’Ħadd il-Palm tal-1212, Klara flimkien ma’ waħda ħabiba tagħha telqet mid-dar bil-moħbi għax niesha ma kinux jaqblu magħha, u marret il-Porzjunkola, kilometru u nofs bogħod mill-belt, fejn San Franġisk kien jgħix ma’ sħabu.

San Franġisk laqagħha fil-kappella żgħira tal-Madonna u għamel ċerimonja qasira li fiha hu qatgħalha xagħarha u taha libsa griża, b’sinjal li hi kienet qed tħalli l-ħajja lussuża li kienet trabbiet fiha, u kienet ser tħaddan ħajja ta’ faqar u talb, maqtugħa mid-dinja. Minn dak il-waqt hi marret tgħix f’monasteru tas-Sorijiet Benedittini, f’Bastia, post żgħir fil-qrib. Wara ftit ġranet, marret f’monasteru ieħor tal-istess sorijiet.

Il-ġenituri tagħha mhux biss ma rnexxilhomx jibdlulha fehmitha, imma talli oħtha Anjeże ngħaqdet magħha.

Fl-1215, Klara marret tgħix f’dar qrib il-knisja ta’ San Damjan li San Franġisk kien irrestawra. Magħha marru oħrajn. San Franġisk għażilha biex tkun il-Badessa ta’ din il-Kongregazzjoni. Baqgħet f’din id-dar (monasteru) sakemm mietet. Ommha, wara l-mewt ta’ żewġha, u oħtha Beatrice, ingħaqdu magħha wkoll. Dan huwa kkunsidrat bħala l-bidu tal-Klarissi. F’qasir żmien, din il-Kongregazzjoni xterdet f’bosta monasteri oħra fl-Italja, fi Franza, u fil-Ġermanja.

Il-Klarissi addottaw ħajja iebsa ta’ povertà , silenzju u awsterità. Ma kinux jippossiedu propjetà. Kienu jgħixu bil-kontribuzzjonijiet. Fl-1228, il-Papa Girgor IX tahom il-Privilegium Paupertatis, li ma jkunu jippossiedu l-ebda propjetà. Mhux biss l-individwi iżda lanqas il-komunitajiet.

Santa Klara baqgħet Superjura għal erbgħin sena. Mietet fil-monasteru ta’ San Damjan fil-11 ta’ Awwissu, 1253. Il-Papa Alessandru IV, fl-1255, sentejn biss wara mewtha, iddikjaraha Qaddisa. Il-ġisem tagħha jinsab meqjum fil-bażilika ddedikata lilha, fil-belt t’Assisi, fejn qabel kien hemm il-knisja ta’ San Ġorġ. Il-Papa Piju XII ħatar lil Santa Klara patruna tat-televiżjoni fl-14 ta’ Frar, 1958.

Anke oħtha Anjeże (ara Santa Anjeże ta’ Assisi) hija meqjuma bħala Qaddisa. Interessanti l-ittri li Santa Klara kitbet lil Santa Anjeże ta’ Praga (ara Santa Anjeże ta’ Praga) dwar l-osservanza tal-vot tal-faqar.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply