Qari tal-Quddies tas-Sitt Ħadd tal-Għid. Sena “B”


Stampa t-test tal-qari …

Is-Sitt Ħadd tal-Għid

QARI I
Id-don tal-Ispirtu s-Santu ssawwab fuq il-pagani wkoll.
Atti 10, 25-26.34-35.44-48

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Xħin daħal Pietru fid-dar ta’ Kornelju, dan mar jilqgħu u ntefa’ f’riġlejh jagħtih qima. Imma Pietru qajmu u qallu: “Qum. Jien bniedem ukoll”.

Pietru qabad jitkellem u qal: “Issa tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqa’ lil kull min għandu l-biża’ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun”.

Meta Pietru kien għadu qiegħed jgħid dan, l-Ispirtu s-Santu niżel fuq dawk kollha li kienu jisimgħuh. Dawk li kienu marru ma’ Pietru, Lhud li kienu emmnu, stagħġbu kif Alla sawwab id-don tal-Ispirtu s-Santu fuq il-pagani wkoll. Għax semgħuhom jitkellmu bl-ilsna u jfaħħru l-kobor ta’ Alla.

Imbagħad Pietru qal: “Jista’ xi ħadd jiċħad l-ilma tal-magħmudija lil dawn in-nies, li ħadu l-Ispirtu s-Santu bħalma ħadnieh aħna wkoll?”. U ordna li jitgħammdu fl-isem ta’ Kristu. Imbagħad huma talbuh jibqa’ għal ftit jiem magħhom.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 97 (98), 1.2-3ab.3ċd-4

R/. (ara 2b): Il-Mulej wera l-ġustizzja tiegħu lill-ġnus

jew

R/. Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.
Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,
u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,
f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
Ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu
mal-poplu ta’ Iżrael. R/.

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,
rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.

QARI II
Alla hu mħabba.
1 Ġw 4, 7-10

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

Għeżież, ejjew inħobbu ’l xulxin, għax l-imħabba ġejja minn Alla, u kull min iħobb hu mwieled minn Alla u jagħraf lil Alla. Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba.

B’dan dehret l-imħabba ta’ Alla fina, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu bih.

U hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 14, 23

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej;
u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.
Ġw 15, 9-17

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed f’imħabbtu. Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.

Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom. Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom.

Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’, ħalli kulma titolbu lill-Missier f’ismi, huwa jagħtihulkom. Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu