It-Twemmin tal-Knisja f’Ġesù Kristu skont id-definizzjonijiet konċiljari


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 16 ta’ Marzu 1988

47. It-Twemmin tal-Knisja f’Ġesù Kristu skont id-definizzjonijiet konċiljari

  1. Mill-Konċilji l-kbar kristoloġiċi ta’ Niċea u Kostantinopli ġiet ifformulata l-verità fundamentali tal-fidi tagħna, iffissata wkoll fis-Simbolu: Ġesù Kristu tassew Alla u tassew bniedem, konsustanzjali mal-Missier fejn tidħol id-divinità, tal-istess natura tagħna fejn tidħol l-umanità. F’dan il-punt tal-katekeżi tagħna hemm bżonn ninnutaw li wara l-ispjegazzjonijiet konċiljari dwar il-verità rivelata dwar il-vera divinità u l-vera umanità ta’ Kristu, qamet il-mistoqsija dwar fehim korrett tal-unità ta’ dan il-Kristu, li huwa fl-istess ħin pjenament Alla u pjenament bniedem.

Il-kwstjoni kienet tirrigwarda l-kontenut essenzjali tal-misteru tal-inkarnazzjoni u allura tal-konċepiment u tat-twelid uman ta’Kristu mill-Verġni Marija. Sa mit-III seklu kien drawwa  l-użu li tkun imsejħa “Theotokos” = Omm Alla: espressjoni li tinsab, fost oħrajn, fl-eqdem talba marjana, is- “Sub tuum praesidium”: “Taħt il-protezzjoni tiegħek nistkennu, qaddisa Omm Alla . . .”. Din hija antifona ta’ spiss irreċitata mill-Knisja sallum: L-eqdem test li juriha jinsab fuq papiru li ġie mill-Eġittu, iddatat għall-perijodu bejn it-III u r-IV sekolu.

  1. Imma propju din l-invokazzjoni “Theotokos” ġiet ikkontestata fil-bidu tal-V sekolu minn Nestorju u s-segwaċi tiegħu. Huwa kien isostni li Marija tistà tkun imsejħa biss Omm ta’ Kristu u mhux Omm Alla (Ġenitriċi ta’ Alla). Din il-pożizzjoni reġgħet feġġet fl-atteġġjament ta’ Nestorju dwar il-problema tal-unità ta’ Kristu. Skont Nestorju d-divinità u l-umanità ma kinux magħqudin bħal f’suġġett personali wieħed, fl-esseri terren li kien beda jeżisti fil-ġuf tal-Verġni Marija fil-waqt tal-annunzjazzjoni. F’kuntrast għall-arjaniżmu, li kien jippreżenta lill-Iben ta’ Alla bħala inferjuri għall-Missier, u għad-doċetiżmu, li kien jirriduċi l-umanità ta’ Kristu, għal sempliċi  sembjanza, Nestorju kien jitkellem dwar preżenza speċjali ta’ Alla fl-umanità ta’ Kristu bħallikieku kien esseri qaddis, bħal f’tempju, hekk kien jeżisti fi Kristu duwaliżmu mhux biss ta’ natura, imma wkoll ta’ persuna, dik divina u dik umana, u l-Verġni Marija billi kienet l-Omm ta’ Kristu-bniedem, ma setgħetx titqies u linqas tissejjah Omm Alla.
  2. Il-Konċilju ta’ Efesu (431), kontra l-ideat nestorjani, ikkonferma l-unità ta’ Kristu li rriżultat mir-rivelazzjoni u kienet twemmnet u ddikkjarata mit-tradizzjoni nisranija “sancti patres” – (cf. Denz.-Schönm., 250-266), u ddefiniet li Kristu huwa l-istess Verb divin etern, Alla minn Alla, li bħala Iben huwa dejjem “iġġenerat” mill-Missier, u skont il-ġisem huwa mwieled fiż-żmien mill-Verġni Marija. Għalhekk billi Kristu huwa esseri wieħed, Marija għandha d-dritt sħiħ li tgawdi t-titlu ta’ Omm Alla, hekk bħal ma issa għal żmien huwa espress fit-talb nisrani u fil-ħsibijiet tal-“missirijiet” (cf. Denz.-Schönm., 251).
  3. Id-duttrina tal-Konċilju ta’ Efesu kienet suċċessivament espressa fl-hekk imsejjaħ “simbolu tal-unjoni” (433) Li temm il-kontroversji residwi post-konċiljari bil-kliem li ġej: “Aħna nistqarru li l-Mulej tagħna Ġesù Kristu, Iben uniġenitu ta’ Alla, Alla perfett u bniedem perfett, magħmul minn ruħ razzjonali u minn ġisem, ikkonċeput mill-Missier qabel is-sekli fejn tidħol id-divinità tiegħu, huwa l-istess li fl-aħħar żmenijiet għalina u għall-fidwa tagħna twieled mill-Verġni Marija fejn tidħol l-umanità tiegħu: l-istess li huwa konsustanzjali mal-Missier skont id-divinità, huwa konsustanzjali wkoll magħna skont l-umanità: infatti twettqet l-għaqda taż-żewġ naturi (umana u divina). Għalhekk nistqarru Kristu wieħed, Iben wieħed, Mulej wieħed” (Denz.-Schönm., 272).

“Grazzi għal din l-unjoni, aħna nistqarru l-beata Verġni Omm Alla, għaliex il-Verb-Alla inkarna ruħu u sar bniedem, u permezz tal-istess konċepiment (f’Marija) għaqqad miegħu t-tempju minnha meħud” (Denz.-Schönm., 272). Kunċett stupend tal-umanità-tempju tassew meħud mill-Verb f’għaqda ta’ persuna fil-ġuf ta’ Marija!

  1. Id-dokument li jġib l-isem ta’ “formula unionis”, kien ir-riżultat ta’ rapport ulterjuri bejn l-Isqof Ġwanni ta’ Antijokja u San Ċirillu ta’ Lixandra, li minħabba dan il-mottiv irċivew il-kongratulazzjonijiet tal-Papa San Sistu III (432-440). It-test diġa kien jitkellem dwar l-għaqda taż-żewġ naturi fl-istess u l-uniku suġġett, Ġesù Kristu. Imma billi kienu qamu kontroversji ġodda, b’mod speċjali minn Ewtiku u tal-monofiżiti, li kienu jsostnu l-unifikazzjoni u kważi l-fużjoni taż-żewġ naturi fl-uniku Kristu, ftit snin wara reġà ltaqà l-Konċilju ta’ Kalċedonja (451) li f’armonija mat-tagħlim tal-Papa San Iljun il-Kbir (440-461), għal preċiżazzjoni aħjar tas-suġġett ta’ din l-għaqda ta’ naturi, introduċa it-terminu “persuna”. Kienet ġebla tax-xewka ġdida fil-mixja tad-domma kristoloġika.
  2. Fil-formula tad-definizzjoni dommatika l-Konċilju ta’ Kalċedonja tenna dik ta’ Niċea u ta’ Kostantinopli, u għamel tiegħu d-duttrina ta’ San Ċirillu ġo Efesu u dik miġbura fl-“ittra lil Flavjanu tal-prelat Ljun, beatissmu u santissmu arċisqof tal-ikbar u l-iktar antika belt ta’ Ruma . . . f’armonija mal-istqarrija tal-kbir Pietru . . . u għalina kolonna sikura” (cf. Denz.-Schönm., 300), u fl-aħħar ippreċiża: Waqt li nsegwu, mela, lis-santi padri, aħna b’mod unanimu ngħallmu li nistqarru wieħed u l-istess Iben: il-Mulej tagħna Ġesù Kristu . . . wieħed u l-istess Kristu mulej uniġenitu: li għandu jingħaraf f’żewġ naturi, bla ebda konfużjoni, immutabbli, indiviżi, inseparabbli, imma billi kienet, anzi, salvagwardata l-propjeta ta kull natura, u waqt li kkontribwiet biex tifforma persuna u lividità waħda biss; huwa mhuwiex maqsum jew separat f’żewġ persuni, imma huwa l-uniku u l-istess Iben, uniġenitu, Alla, Verb u Mulej Ġesù Kristu, bħal ma l-ewwel il-profeti u mbagħad l-istess Ġesù Kristu għallmuna dwaru, u bħal ma ttrasmettilna s-Simbolu tal-Missirijiet” (cf. Denz.-Schönm., 301-302).

Kienet sintesi ċara u qawwija tal-fidi fil-misteru ta’ Kristu, mogħtiha mill-Iskrittura Mqaddsa u mit-Tradizzjoni sagra (“sanctos Patres sequentes”), li nqdiet b’kunċetti u espressjonijiet razzjonali: B’tali mod kienu elevati għad-dinjità tat-terminoloġija filosofika u tejoloġika, bħal ma seħħ b’mod speċjali wara dik id-definizzjoni konċiljari. Il-Konċilju iżda assuma dawk il-kunċetti u dawk it-termini tal-lingwa kurrenti, mingħajr referenza għal Sistema filosofika partikolari. Huwa wkoll ta’ min jinnota il-preokkupazzjoni tal-preċiżjoni fl-għażla tal-vokaboli li kellhom dawk il-Missirijiet konċiljari. Fit-test Grieg, il-kelma  [terminu Grieg] korrispondenti għal-“persuna”, kienet tindika pjuttost il-lat estern, fenomenoloġiku (letteralment: il-maskra fit-tejatru) tal-bniedem u għalhekk il-missirijiet inqdew b’terminu ieħor, maġemb din il-kelma: “ipostasi” [terminu Grieg], li tindika l-ispeċifità ontika tal-persuna.  (Ontika: Fil-filosofija tirreriri għall-eżistenza partikulari tal-oġġett jew tal-persuna f’dak li huwa kif hu.)

Inġeddu wkoll aħna l-professjoni tal-fidi fi Kristu, feddej tagħna, bil-kliem ta’ dik il-formula venerabbli, għal liema saru mill-ġdid ġenerazjonijiet bla numru ta’ nsara, waqt li minnha nisiltu dawl u qawwa għal xhieda  kultant imbuttatha sal-prova suprema tad-demm.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb