Qari tal-Quddies tat-Tlieta tat-XI ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Il-Ħdax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta

QARI I
Kristu ftaqar minħabba fikom.
2 Kor 8, 1-9

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Aħna għarrafnielkom, ħuti, il-grazzja ta’ Alla li ngħatat lill-knejjes tal-Maċedonja, għaliex fil-prova l-kbira tas-sofferenza, il-ferħ tagħhom kien kbir u l-faqar bla tarf tagħhom safa ta’ għana kbir biex taw minn qalbhom. Għaliex taw minn rajhom kemm setgħu, u, nixhidhulkom jien, aktar milli setgħu.

Talbuna b’ħeġġa kbira din il-grazzja, jiġifieri, li jissieħbu f’dan il-ministeru ta’ għajnuna lill-qaddisin, u aktar milli ttamajna aħna, huma taw ruħhom l-ewwel lill-Mulej, imbagħad lilna bir-rieda ta’ Alla. U hekk tlabna lil Titu, li beda dan ix-xogħol, biex itemm din il-ħidma ta’ ħniena fostkom.

Iżda bħalma intom għonja f’kollox, fil-fidi u fil-kelma, fl-għerf u fiż-żelu kollu, fl-imħabba li aħna rawwimna f’qalbkom, hekk għandkom tistagħnu f’din il-ħidma ta’ ħniena. M’iniex nordnalkom; iżda permezz tal-ħerqa li wera ħaddieħor, irrid nipprova kemm hi sinċiera l-imħabba tagħkom. Intom tafu l-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, li għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom, sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 145 (146), 1b-2. 5-6.7.8-9a

R/. (1b): Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!

Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!
Infaħħar il-Mulej tul ħajti kollha;
ngħanni lil Alla tiegħi kemm indum ħaj. R/.

Hieni min f’Alla ta’ Ġakobb isib l-għajnuna tiegħu,
min għandu t-tama fil-Mulej, Alla tiegħu,
li għamel is-sema, l-art u l-baħar,
u kulma jinsab fihom;
hu li jżomm kelmtu għal dejjem. R/.

Il-Mulej jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.
Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin. R/.

Il-Mulej li jiftaħ għajnejn l-għomja;
il-Mulej li jerfa’ lill-milwijin;
il-Mulej li jħobb lill-ġusti;
il-Mulej li jħares lill-barranin. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 13, 34

Hallelujah. R/. Hallelujah
Nagħtikom kmandament ġdid, jgħid il-Mulej:
bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ħobbu lill-għedewwa tagħkom.
Mt 5, 43-48

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Smajtu x’intqal: ‘Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek’. Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex.

Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? Mhux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan? U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? Mhux il-pagani wkoll jagħmluh dan? Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu