Quddiesa u Rużarju mill-Kurja tal-Arċisqof – 24 ta’ Awwissu

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 24 ta’ Awwissu 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Festa ta’ San Bartilmew fil-Kurja tal-Arċisqof …

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Ma hemm ebda qerq fih

San Bartilmew hu wieħed mit-tnax-l Appostlu. Twieled f’Kana tal-Galilija, u hu indikat bħala dak li fl-Evanġelju ta’ San Ġwann jissemma bħala Natanael. Fil-fatt, San Ġwann isemmi lil Natanael filwaqt li l-evanġelisti l-oħra jsemmu lil Bartilmew bħala wieħed mill-appostli. Hawnhekk, kif rajna fl-Evanġelju, kien l-appostlu Filippu li ħajru biex imur għand Ġesù, u meta Ġesù rah, qal: “Hawn hu Israeli li jistħoqqlu dan l-isem. Ma hemm ebda qerq fih.”

X’nafu fuq dan l-appostlu? Ma tantx nafu dettalji, lanqas wara Għid il-Ħamsin meta l-appostli ħarġu biex ixandru l-Bxara t-Tajba. Hemm min jgħid li mar jippriedka l-Indja, li wasal ukoll sal-Armenja, flimkien ma’ San Ġuda Taddew, u wħud jaħsbu li sofra l-martirju l-Armenja. Anke fuq il-martirju tiegħu – nafu li miet biex jistqarr il-fidi, miet martri, imma dwar il-mod kif, hemm min jgħid li qatgħulu rasu, hemm min jgħid li qaxxrulu l-ġilda u sallbuh fuq is-salib, li sallbuh rasu ’l isfel. Michelangelo wkoll iġib lil San Bartilmew fix-xena tal-Aħħar Ġudizzju fil-Kappella Sistina.

X’jgħallimna San Bartilmew? F’dil-ġrajja tal-lum fl-Evanġelju nara żewġ punti importanti għall-ħajja tagħna.

L-ewwel nett innutaw x’qal fil-bidu meta Filippu qallu “Sibna lil Ġesù ta’ Nażaret”. Hu qal: “Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nażaret?” Kellu dan il-preġudizzju, kien xettiku dwar Ġesù. Innutaw il-kuntrast bejn dan il-kumment u dak li qal meta, fil-fatt, iltaqa’ miegħu. Meta ltaqa’ miegħu, anke għal ftit mumenti, seta’ jgħidlu: “Int l-Iben ta’ Alla, int is-Sultan ta’ Israel”. Kellu mbagħad isir jaf ħafna aktar lilu bl-esperjenza miegħu, imma dan jurina kemm hu importanti li aħna lil Ġesù mhux biss insiru nafu fuqu imma nsiru nafu lilu, ikollna esperjenza u relazzjoni personali miegħu. Din tgħinna biex nagħrfuh tassew bħala l-Iben ta’ Alla li jsalvana u tgħinna wkoll biex lilna tagħmilna xhieda tiegħu fil-ħajja tagħna. San Bartilmew għamel din l-esperjenza mhux biss f’dil-ġrajja, imma mbagħad f’ħajtu kollha – kif qallu Ġesù, “għad tara ħwejjeġ akbar minn dawn” – kompla jissaħħaħ f’din ir-relazzjoni personali ma’ Ġesù. Din lilna tgħallimna ħafna għall-ħajja tagħna.

Imbagħad hemm ħaġa oħra. Nixtieq li niffokaw fuq il-kliem li qal Ġesù: “ma hemm ebda qerq fih”. Hu ġudizzju sabiħ, wieħed mill-ġudizzji sbieħ fil-kliem ta’ Ġesù, għax hu kien jara l-qalb; u għax Ġesu kien jurta ruħu ħafna b’min ikun mhux sinċier imma jkun ipokrita u jqarraq. Li jgħid fuq dal-bniedem “ma hemm ebda qerq fih” hu ġudizzju tassew sabiħ! Ried jgħid: dan hu bniedem ta’ integrità, ta’ prinċipju. Nafu li fil-fatt hekk baqa’ sal-aħħar, għax miet biex jistqarr il-fidi, imma Ġesù mill-bidu qal: dan hu bniedem ta’ integrità. Din lilna wkoll tgħinna ħafna fil-ħajja tagħna. Kemm hu importanti li aħna nfittxu bil-grazzja ta’ Alla li nkunu hekk f’ħajjitna – mingħajr qerq u ta’ integrità – u kemm tgħin lis-soċjetà! Is-soċjetà tinbena meta jkun hemm nies ta’ integrità u ta’ prinċipju; u s-soċjetà titmermer meta jkun hemm ħafna li l-mentalità tagħhom tkun li nqarraq biex nistagħna jew inqarraq biex insalva ġildi, għax jaqbilli. Nafu aħna li anke jekk il-qerq fil-ħajja tagħna personali ma jsirx magħruf bħaż-żejt li jitla’ f’wiċċ l-ilma, imma quddiem Alla kollox hu magħruf, għal Alla ma hemm xejn mistur, għax hu jara l-qalb, bħalma rajna fl-Evanġelju.

Nitolbu illum din il-grazzja, fil-festa ta’ San Bartilmew, li aħna nsiru nafuh aktar lil Ġesù b’din ir-relazzjoni personali miegħu li lilna timlielna ħajjitna, u jgħinna biex inkunu nies ta’ integrità u li fuqna jkun jista’ jgħid l-istess kelma li qal fuq San Bartilmew “ma hemm ebda qerq fih”, b’mod li ma nkunux nies f’ħajjitna li nqarrqu bl-oħrajn u, bil-grazzja tiegħu wkoll, ma nħallux lil min iqarraq bina.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading