Qari tal-Quddies tat-Tnejn tat-XIV-il ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

L-Erbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn

QARI I
Ra sellum wieqaf fl-art bil-quċċata tiegħu fis-sema.
Ġen 28, 10-22a

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

F’dak iż-żmien, Ġakobb ħareg minn Birsaba u telaq lejn Ħaran. U wasal f’post sagru, u waqaf biex jgħaddi l-lejl, għax ix-xemx kienet niżlet, u ħa waħda mill-ħaġar li kien hemm u għamilha mħadda għal rasu, u raqad f’dak il-post sagru.

U ħolom, u ra sellum wieqaf fl-art bil-quċċata tiegħu fis-sema; u beda jara l-anġli telgħin u niżlin miegħu. U lemaħ il-Mulej wieqaf ħdejh, u dan qallu: “Jien il-Mulej, Alla ta’ Abraham, missierek, u Alla ta’ Iżakk. L-art li int rieqed fuqha lilek nagħtiha u lil nislek. U jkun nislek bħat-trab tal-art, u int għad tinfirex lejn il-Punent u lejn il-Lvant, lejn it-Tramuntana u lejn in-Nofsinhar u jitbierku bik u bin-nisel tiegħek it-tribujiet kollha tal-art. Arani, jien miegħek u nħarsek kull fejn tmur, u nerġa’ nġibek f’din l-art, għax jien ma nitilqekx qabel ma ntemm kulma għedtlek”.

Imbagħad stenbaħ Ġakobb mir-raqda tiegħu u qal: “Tassew hawn Alla f’dan il-post, u jien ma ntbaħtx”. U beża’ u qal: “Kemm hu tal-biża’ dan il-post sagru! Dan mhux ħlief dar Alla, u dan bieb issmewwiet!”.

U Ġakobb qam kmieni filgħodu, u ħa l-ħaġra li kien qiegħed taħt rasu, u waqqafha bħala plier, u sawwab iż-żejt fuq rasha. U semma dak il-post Betel, dar Alla, waqt li qabel il-belt kien jisimha Luz. U Ġakobb għamel wegħda u qal: “Jekk Alla jkun miegħi, u jħarisni fit-triq li jien qbadt, u jipprovdili ħobż x’niekol u lbies x’nilbes, u nerġa’ lura bis-sliema lejn dar missieri, Alla tiegħi jkun il-Mulej. U din il-ħaġra, li jien waqqaft bħala plier, tkun Dar Alla, u minn kulma tagħtini, nagħtik l-għexur”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 90 (91), 1-2.3-4.14-15ab

R/. (2b): Alla tiegħi, jien fik nittama

Int li tgħix għall-kenn tal-Għoli,
li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,
għid lill-Mulej: “Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int,
Alla tiegħi, jien fik nittama”. R/.

Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab,
u mill-mard tal-mewt.
Bir-rix tiegħu jgħattik,
u taħt ġwenħajh tistkenn,
għax tarka u kurazza l-fedeltà tiegħu. R/.

“La tħabbeb miegħi, jien neħilsu;
la għaraf ismi, jiena nħarsu.
Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu;
miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu”. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara 2 Tim 1, 10

Hallelujah. R/. Hallelujah
Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt,
u dawwal il-ħajja permezz tal-EVANĠELJU.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Binti iss’issa għadha kemm mietet. Imma int ejja u hija tgħix.
Mt 9, 18-26

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, resaq lejn Ġesù wieħed mill-kapijiet, inxteħet f’riġlejh u qallu: “Binti iss’issa għadha kemm mietet. Imma int ejja qiegħed idek fuqha u hija tgħix”. Ġesù qam u mar warajh flimkien mad-dixxipli tiegħu.

Mela waħda mara, li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm, resqet lejh minn wara u messitlu t-tarf tal-libsa, għax bejnha u bejn ruħha qalet: “Imqar jekk immiss il-libsa tiegħu, infiq”.

Ġesù dar, lemaħha, u qalilha: “Agħmel il-qalb, binti; il-fidi tiegħek fejqitek”. U minn dak il-ħin stess il-mara fieqet.

Meta daħal għand il-kap, Ġesù ra d-daqqaqa tal-flawt u folla nies jagħmlu storbju sħiħ; u qalilhom: “Warrbu, għax it-tifla mhijiex mejta, imma rieqda”. U qabdu jiddieħku bih. Iżda hu keċċa n-nies ’il barra, daħal, qabad id it-tifla u din qamet. U din l-aħbar xterdet ma’ dak il-pajjiż kollu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu