Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl


“JEĦTIEĠ IŻDA LI NAĦBTU MA’ GŻIRA”

Omelija tal-Isqof Mario Grech
fil-festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl,
Marsalforn, 25 ta’ Jannar 2010.

Biex iż-żjara pastorali ta’ Missierna Benedittu XVI fostna tkun esperjenza spiritwali u ekkleżjali, il-Knisja f’pajjiżna stednitna naħsbu fuq sentenza li nsibu fl-Atti tal-Appostli: “Jeħtieġ iżda li naħbtu ma’ gżira” (27,26). Għaliex kien meħtieġ li l-ġifen ta’ Pawlu jaħbat fuq ix-xtut tagħna?

Nifhem li l-gżejjer Maltin, li f’dik l-epoka kienu maħkuma mir-Rumani, kienu jeħtieġu li jasal fosthom xi ħadd li jagħtihom direzzjoni verament ħielsa minn kull interess politiku partiġġjan. F’dawk iż-żminijiet, il-Maltin kellhom jagħmlu ċerti għażliet soċjali, liema għażliet komplew jimmaturaw matul is-sekli sakemm bħala nazzjon ma bqajna taħt it-takkuna ta’ ħadd imma ħadna r-riedni f’idejna. Nistħajjel li taħt ir-Rumani, il-Maltin kellhom il-libertà mxekkla, u għalhekk, fit-tfittix ta’ toroq li jwasslu għall-ħelsien, huma kienu jfittxu wkoll lil xi ħadd li seta’ jindikalhom kif jużaw il-libertà b’responsabilità. Kienu mixtieqa li jirċievu dawl biex jagħrfu d-drittijiet ċivili veri tagħhom u kif dawn setgħu jeżerċitawhom filwaqt li jonoraw ukoll id-dmirijiet tagħhom. Kienet epoka fejn l-istess strutturi soċjali kellhom ħtieġa ta’ pedamenti umani sodi. Għalhekk, nara li dakinhar pajjiżna kien jeħtieġ li l-ġifen ta’ Pawlu jasal fostna!

Pawlu wasslilna l-imħabba ta’ Alla

Min-naħa l-oħra, nifhem li Alla wkoll kien jeħtieġ li l-Appostlu tal-Ġnus jieqaf f’pajjiżna fi triqtu lejn Ruma. Fl-imħabba kbira tiegħu lejn kull bniedem, Alla ried li jirrivela lilu nnifsu lil dan il-ġens Malti biex jibda miegħu esperjenza kollha mħabba. Dan hu dak li jissejjaħ “l-imperattiv teoloġiku”. Alla huwa mħabba. U billi Alla ma jistax iżomm għalih din l-imħabba, l-istess imħabba divina kellha l-ħtieġa li twassal lil Pawlu fuq dawn il-gżejjer.

Kienet ukoll il-Kelma esplossiva t’Alla li, ġaladarba dehret fost il-bnedmin fil-persuna ta’ Ġesù Kristu, riedet tasal sa truf l-art kollha – “morru xandru l-Evanġelju fid-dinja kollha”. Billi hija Kelma li tqawwi, tfejjaq u ġġedded lill-bniedem, kien meħtieġ li Pawlu l-missjunarju jmidd riġlejh fuq artna biex jevanġelizza l-poplu Malti. Hekk bil-Kelma tiegħu, Alla seta’ jdawwal il-moħħ u jsaħħan il-qalb tal-bniedem ġdid! Hija din il-Kelma, kollha ġmiel għax hija l-verità, li bid-dawl tagħha akkumpanjat lill-Maltin waqt li matul is-sekli għaddew minn sqaqien mudlama.

Fuq kollox kien Kristu nnifsu, uniku feddej tal-bnedmin, li ħtieġlu jiltaqa’ mal-poplu tagħna permezz ta’ Pawlu, il-maħtur tiegħu, biex lilna jdewwaqna l-benna u l-qawwa tal-grazzja miksuba bil-mewt u l-qawmien tiegħu. Kien għalhekk “meħtieġ” li dak Alla mhux magħruf li l-Maltin, bħan-nies tal-belt ta’ Korintu, kienu jemmnu fih, jikxef il-wiċċ moħbi tiegħu li deher f’Ġesù Kristu. Permezz tal-Knisja mwaqqfa fostna minn Pawlu, il-Maltin setgħu jixorbu mill-għejjun tal-grazzja li huma s-sagramenti mqaddsa.

Fid-dawl ta’ dan kollu, meta nara x’qed jiġri madwarna, nara li mhux biss kien meħtieġ li Pawlu jaġbat ma’ din il-gżira, imma llum ukoll huwa meħtieġ li Pawlu jerġa’ jżur lil dan il-poplu. Iż-żminijiet li qed ngħixu fihom juru biċ-ċar li fil-proċess ta’ globalizazzjoni, pajjiżna qed jissielet biex jibqa’ ħieles tassew. Illum ukoll neħtieġu direzzjoni minn xi ħadd għaref li jitkellem għax iħobb is-sewwa. Illum ukoll, il-poplu qed ifittex isaffi ċ-ċiviltà għanja ta’ żmienna minn dak kollu li jitqies bħala kisba mill-bniedem limitat u mħassar. Illum ukoll hawn għatx għal dak li huwa spiritwali, imma kemm l-iskandli li qed jagħti min jiftaħar li jemmen kif ukoll il-pluraliżmu reliġjuż, hemm min ma jafx fejn għandu jorbot.

Nawfraġji ta’ żminijietna

Infatti, quddiem ix-xena tan-nawfraġju ta’ San Pawl, jien nara li s-soċjetà tagħna, jekk ma tagħlaqax għajnejha u widnejja, għandha tintebaħ li qed nassistu għal nawfraġji oħra.

Nara n-nawfraġju tal-kuxjenza, kemm dik individwali kif ukoll dik kollettiva. Il-bniedem mingħajr kuxjenza qisu ġisem mingħajr ruħ. Għax il-kuxjenza hija dik il-fakultà li għandu l-bniedem biex jista’ jiżen u jiddeċiedi bejn dak li jiswa u dak li ma jiswiex. Permezz tal-kuxjenza li tħaddan il-prinċipji tal-moralità, il-bniedem jasal, mhux mingħajr diffikultà, biex fil-ħajja jagħraf il-moralità tal-azzjoni tiegħu. Dawn il-prinċipji tal-moralità ma joħloqhomx il-bniedem, imma l-bniedem isibhom għax jeżistu b’mod oġġettiv. Il-bniedem jista’ jasal għalihom bir-raġuni, aktar u aktar jekk ir-raġuni tkun imdawla mill-fidi. Meta l-kuxjenza tagħna tkun taħt “id-dittatura tas-suġġettiviżmu”, fis-sens li jidhrilna li kull wieħed u waħda minnu nkunu sirna għajn tas-sewwa u tat-tajjeb, allura joktor id-diżordni u nsiru theddida għal xulxin.

Ma nistgħux niċħdu li għandna nawfraġji taż-żwieġ u l-familja. M’humiex ftit dawk li b’għafsa ta’ qalb assistew għall-għarqa tal-ġifen taż-żwieġ jew tal-familja ta’ xi ħadd għażiż għalihom! Huwa l-qafas taż-żwieġ-ġifen li qed iċedi għax m’għadux jiflaħ għall-imbatt tal-ħalel tal-baħar? Jew aħna, meta qed nibnu dawn l-iġfna, m’aħniex inrażżnu tajjeb ma’ xulxin il-membri li jiffurmaw il-qafas? Jew forsi aħna llum qed nibnu u nvaraw mudelli ġodda ta’ iġfna li m’humiex kapaċi jirreżistu l-maltemp? Jekk il-familja tinżel, magħha tinżel is-soċjetà. Jekk il-familja tagħraf issalpa, allura hemm futur għall-membri tagħha u għas-soċjetà!

Imbagħad nilmaħ il-possibilità li anke l-Knisja lokali, bħala komunità li temmen, tista’ tegħreq. San Pawl innifsu jitkellem ma’ Timotju dwar “in-nawfraġju tal-fidi” (1Tim 1,19). It-telqa fil-ħeġġa għal Kristu, l-injoranza tal-Iskrittura, it-traskuraġni tas-sagramenti, ir-reliġjożità marida, in-nuqqas ta’ rieda soda biex niġġieldu d-dnub, l-inkapaċità biex nintroduċu l-Evanġelju fil-ħajja ta’ kuljum – dawn kollha huma sintomi li l-ġifen tal-Knisja qed jimtela bl-ilma u m’aħniex naqdfu flimkien biex noħorġu minn din iż-żona tal-maltemp! Huwa minnu li Kristu tana l-kelma li l-Knisja m’hix ser tiġi nieqsa; imma Kristu ma tana ebda garanzija li l-Knisja ser tibqa’ wieqfa f’pajjiżna!

Pawlu għadu jagħmel il-qalb lill-Knisja f’pajjiżna

Dakinhar tan-nawfraġju ta’ San Pawl, meta l-indikazzjonijiet kienu li kulħadd u kollox kien ser jinżel fil-qiegħ tal-baħar, Pawlu “għamel il-qalb lil kulħadd” (Atti 27,33). Hekk ukoll quddiem in-nawfraġji li semmejt aktar ’il fuq jeħtieġ li Pawlu jerġa’ “jaħbat” ma’ dan il-gżira biex jimlina bil-kuraġġ ħalli jkun hemm intervent fil-ħin biex insalvaw.

Huwa meħtieġ li Pawlu jerġa’ żurna biex iqajjem moviment ta’ evanġelizzazzjoni li jilħaq lil kulħadd – miż-żgħar sal-adulti. Fuq l-eżempju ta’ Pawlu, neħtieġu predikaturi li, f’waqtu u barra minn waqtu, jitkellmu dwar Kristu u dan imsallab għax fis-salib il-bniedem jista’ jagħraf il-kobor tal-imħabba t’Alla lejh. Mhux li kien li ninvestu fix-xandir tal-Kelma u fil-katekeżi daqskemm ninvestu fl-ispettakli reliġjużi. Forsi għadna ma nemmnux biżżejjed li “l-Evanġelju huwa l-qawwa t’Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk li jemmnu” (Rum 1,16). Hija din il-Kelma li tista’ ddawwal il-kuxjenza; li tiftaħ qalb il-bniedem li jixtieq jgħix l-imħabba vera fiż-żwieġ u l-familja.

Huwa meħtieġ li Pawlu jerġa’ jiġi biex ikollna “fundazzjoni mill-ġdid” tal-Knisja ta’ Kristu li tgħammar fost il-familji fil-parroċċi. Maż-żmien il-Knisja tagħna libbisniha libsa li m’hix tagħha; poġġejna fuq fommha kliem barrani; tajniha bixra ta’ argużin meta min-natura tagħha hija Omm li tħenn. Ħafna drabi donna nippreferu nilagħbu ta’ knisja milli nkunu Knisja. Aktar inkunu mħassbin kif ser nikkonservaw it-tradizzjonijiet tagħna milli naraw kif ser nindirizzaw l-isfidi emerġenti ta’ żminijietna. Hemm min jippreferi jħares lejn il-Knisja bħala blokk poltiku, kulturali jew etiku, milli bħala dak il-poplu t’Alla li jemmen u jiċċelebra lil Alla li jgħammar fostu – dak Alla li tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, Ġesù Kristu biex kull min jemmen fih isalva u ma jkunx ikkundannat! Jekk il-Knisja tibqa’ mlibbsa bil-kostum antik, tkun tirriskja li ddaħħak; jekk ma tagħmilx sforz biex, filwaqt li tibqa’ tgħożż il-verità li rċeviet, tfittex lingwaġġ b’idjoma moderna, tipperikola li ma tinftiehemx u ma tieħux sehem fid-djalogu; jekk l-enerġiji tagħha tapplikahom biex tkun mużew u m’hux biex iddawwal il-bniedem ta’ llum, titlef ir-relevanza tagħha!

Konvinti li nistgħu napplikaw għal Papa Benedittu XVI dak li jingħad għal Pawlu u sħabu: “nies li ddedikaw ħajjithom għall-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu” (Atti 15,26), nitolbu lil Alla biex din iż-żjara “meħtieġa” tas-suċċessur ta’ San Pietru fostna tkun barka għal pajjiżna.