Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-festa ta’ Santa Luċija

Print Friendly, PDF & Email

ĦTIEĠA TA’ RIKONĊILJAZZJONI TAL-BNEDMIN MAL-ĦAJJA

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech fil-Festa ta’ Santa Luċija, Santa Luċija, Il-Ħadd, 13 ta’ Diċembru 2009

Ftit aktar minn 40 sena ilu, fi tmiem il-Konċilju Vatikan II, fil-messaġġ tagħhom lill-umanità, l-isqfijiet appellaw lin-nisa biex jagħtu sehemhom ħalli “il-bnedmin jirrikonċiljaw ruħhom mal-ħajja”. Meta tqis kemm illum il-ħajja tal-bniedem hija vulnerabbli, inħoss li għandi nagħmel eku ta’ dik il-vuċi profetika tal-Konċilju u mill-ġdid nappella lin-nisa biex b’mod attiv jirrikonċiljaw lill-bniedem mal-ħajja.

Femminiżmu ġdid

L-esperjenza tal-maternità tnissel sensibilità qawwija favur il-ħajja. Il-maternità ġġorr magħha rabta speċjali mal-misteru tal-ħajja umana li titnissel fi ħdan il-mara. Dan il-kuntatt uniku mal-bniedem li jissawwar fil-ġuf, inissel fil-mara atteġġjament għal kollox uman mhux biss lejn il-wild li jitwieled mill-mara, imma lejn kull bniedem. Dan jagħti timbru speċjali favur il-ħajja lill-personalità tal-mara.

Biex f’din is-siegħa li qed ngħixu l-kultura tagħna ma tibdilx id-direzzjoni tagħha favur il-ħajja, hemm bżonn li l-mara ssib spazju fejn bil-ħsieb u bl-azzjoni tagħti kontribut li jkun determinanti. Hija s-siegħa li l-mara tippromovi femminiżmu ġdid li jkun kapaċi jħalli marka fil-kultura. Sfortunatament fis-snin li għaddew f’ħafna każi l-emanċipazzjoni tal-mara issarfet billi l-mara ppruvat tħaddan mudelli maskili. Konsegwenza ta’ dan, dak li hu speċifiku tal-femminilità ġie traskurat jew baqa’ mhux magħruf. Għalhekk, il-mara għandha bżonn toħroġ aktar fil-beraħ l-ġenju feminili u tesprimih fl-isfera kollha tal-ħajja ċivili u ekkleżjali. Waħda mill-karatteristiċi ta’ din il-ġenjalità tal-mara hija proprju r-rispett assolut tal-ħajja.

Il-Mara ħabbara tal-ħajja

Il-komunità Nisranija sa mill-bidu kienet temmen fid-dinjità tal-mara u fil-ħila tagħha li “tirrikonċilja l-bnedmin mal-ħajja”. Infatti, kif insibu fl-Evanġelju, meta Kristu qam mill-mewt, huwa l-ewwel wera ruħu lil Marija ta’ Magdala, lil Ġwanna, lil Marija omm Ġakbu u lil nisa oħra (Lq 24,11). B’dan il-mod, Kristu ried jafda l-aħbar li hu kien ħaj lil dawn in-nisa biex huma mbagħad jikkomunikaw din l-aħbar it-tajba lill-appostli.

Għaliex Ġesù rxuxtat jidher l-ewwel lin-nisa u jafdalhom dan il-messaġġ favur il-ħajja? Skont Ruman il-Melodi, wieħed mill-missirijiet tal-Knisja, Kristu għażel lin-nisa għal din l-esperjenza għax kienet mara, Eva, li għamlet l-ewwel dnub. Imma naħseb li t-tweġiba tista’ tkun xorta oħra! Dawn in-nisa, li huma l-ewwel xhieda li Kristu huwa ħaj, kienu l-istess persuni li ħallewh meta miet; kienu dawk li marru fuq il-qabar tiegħu bil-fwejjaħ (Mk 16,1). Wieħed jifhem għaliex Marija, Omm Ġesù ma tabbandunax lil binha fuq is-salib – l-ommijiet jibqgħu ma’ wliedhom anke meta dawn ikunu ikkundannati għall-mewt. Imma għaliex Marija ta’ Magdala, Ġwanna, Marija omm Ġakbu u n-nisa l-oħra baqgħu miexja wara Ġesù sa fuq il-Golgota meta l-ħajja ta’ Ġesù kienet sfigurata, milquta mill-qilla umana, mgħajra u kkundannata għal mewt? X’kienet ir-raġuni li dawn in-nisa sfidaw il-perikli li kien hemm biex juru li huma favur il-ħajja?

It-tweġiba hija waħda: għax ħabbew ħafna. Marija ta’ Magdala, bħall-mara midinba ta’ Luqa (Lq 7,47), imxiet wara Ġesù għax “ħabbet ħafna” Ġesù ried li n-nisa jkunu l-ħabbara tar-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt għax dawn kellhom qalb kbira.

Għax il-mara taf tħobb u għandha qalb kbira, il-Knisja tafdalha din il-missjoni li “tirrikonċilja l-bnedmin mal-ħajja”.

Santa Luċija tagħżel il-“ħajja”

Fil-fehma tiegħi Santa Luċija (AD 283-304) għandha postha f’dan il-kwadru. Bħan-nisa tal-Vanġelu, hija kienet thobb il-ħajja. Għax kienet taf tħobb, il-Mulej għażilha biex bil-martirju tagħha hija mhux biss tħabbar il-misteru paskwali imma wkoll tagħti xhieda li hi kellha rieda soda li tidħol fil-ħajja eterna.

Biex tikseb il-fejqan t’ommha, Ewtikja, Luċija tagħmel pellegrinaġġ fuq il-qabar ta’ Sant’ Agata u twiegħed lil Alla li jekk ommha tfiq u tgħix, hija tikkonsagra ħajjitha għaliH.

Għalkemm ommha kienet wegħiditha lil raġel li riedha b’martu, Luċija thassar din l-għerusija u tiddeċiedi li tfassal ħajjitha hija stess u ma tħalli lil ħadd jiddeċiedi għaliha. Hija tassew ħajja miskina jekk tkun nieqsa mil-libertà! Luċija tieħu ħajjitha f’idejha. Għażlet li aħjar tmut bħala mara ħielsa milli tgħix ħajja determinata minn ħaddieħor.

Din id-determinazzjoni Luċija turiha wkoll quddiem it-theddida tal-martirju. Hija kienet tant soda li ma ċaħditx it-twemmin Kristjan, anke jekk dan swielha prezz għoli!

Fil-martirju, Luċija ma ratx it-tmiem ta’ ħajjitha, imma l-passaġġ għall-ħajja eterna. Bħan-nisa tal-Vanġelu, Luċija rreżistiet l-iskandlu tas-salib! Hija kienet temmen li l-vjolenza, it-tbatija u l-mewt ma kienux l-aħħar kelma la għal Kristu u anqas għaliha. Imma kif għal Kristu s-salib kien glorjuż għax permezz tiegħu huwa rebaħ il-mewt bil-qawmien, għal Luċija l-martirju kien opportunità biex tgħix ħajjitha fil-milja tagħha.

Għalhekk, kif f’Sirakuża ta’ żmienha Luċija għarfet tagħti xhieda biex tirrikonċilja l-bnedmin mal-ħajja, hekk ukoll hi għandha messaġġ attwali għalina. Huwa fid-dawl ta’ dan kollu li nagħmel stedina lin-nisa biex l-imħabba li għandhom lejn il-ħajja jittraduċuha f’azzjoni favur il-ħajja fil-fażijiet kollha tagħha, partikularment meta hija dgħajfa.

Il-ħajja fil-ġuf

Infatti xi drabi jiġri f’pajjiżna li l-kultura tal-mewt tgħammad il-bniedem fl-imġieba tiegħu fil-konfront tal-ħajja umana, anke meta din tkun għadha fil-ġuf. Proprju meta l-ħajja għandha bżonn li tiġi mħarsa u mgħejjuna għax tkun għadha f’fażi li ma tistax tiddefendi lilha nnifisha, issib min jirrifjutaha u joqtolha fil-ġuf. Hija offiża gravi liċ-ċiviltà li fostna hawn min jippropaga dan l-att kriminali. L-abort huwa qtil u abbuż ta’ poter. Ħadd ma għandu d-dritt li jissopprimi l-ħajja ta’ ħaddiehor. Hija anomalija kbira li l-“gwardjani tad-demokrazija” jagħmlu liġijiet u jaqtgħu sentenzi li jmorru kontra l-prinċipji ewlenin tad-demokrazija, fejn suppost iċ-ċittadini kollha għandhom garantit il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tagħhom, l-ewwel fosthom id-dritt għall-ħajja! Xejn ma jista’ jiġġustifika li tqala mhix mixtieqa, kemm fiż-zwieġ kif ukoll barra miż-żwieġ, tiġi mwaqqfa. L-abort qatt ma jista’ jkun soluzzjoni biex nassiguraw li jkollna razza pura!

Dan it-tagħlim hemm bżonn jasal għand iż-żgħar, li effett tar-relattiviżmu fit-tagħlim li jingħata minn fuq il-kattedra kif ukoll mill-midja huma konfużi dwar il-valur tal-ħajja.

Dan it-tagħlim jeħtieġuh mhux biss dawk li għal xi raġuni jew oħra jistgħu jikkontemplaw li jneħħu t-tarbija qabel titwieled, imma wkoll il-ġenituri ta’ dawn il-persuni. Huwa fatt li ċerti deċiżjonijiet kontra l-ħajja jsiru bil-barka tal-ġenituri!

Għandhom bżonn jiftakru fid-dmir li jiddefendu l-ħajja t-tobba, l-infermieri u l-operaturi sanitari kollha li jaħdmu fl-isptarijiet u l-kliniċi.

F’dan il-kuntest irridu niftakru f’dawk li fl-imgħoddi moħħhom iddallam u b’xi mod jew ieħor taw il-kooperazzjoni tagħhom biex sar abort. Qed nirreferi kemm għall-ommijiet li neħħew il-frott ta’ ġufhom, il-familjari tagħhom li sostnew din l-għażla, it-tobba u l-infermiera li taw servizzi bħal dawn. L-azzjoni diretta kontra l-ħajja qatt ma hija tajba; imma lil min huwa responsabbli ta’ din ix-xorta ta’ azzjoni, għandna nħobbuh u ngħinuh ifejjaq din il-ġerħa. Anke għal dawn in-nies hemm it-tama li jibdew fażi ġdida ta’ ħajja favur il-ħajja.

Il-ħajja mnissla fil-laboratorju

Kamp ieħor fejn il-mara tista’ tgħin biex ikun hemm rikonċiljazzjoni mal-ħajja huwa fil-laboratorju fejn isir tbagħbis mal-ħajja. Ix-xjenza għamlet avvanzi kbar u lill-bniedem tista’ tgħinu ħafna biex jikseb kwalità ta’ ħajja aħjar. Illum ix-xjenza tassisti fit-tnissil tal-ħajja. Żgur li mhux il-każ li l-ħajja umana għandha titnissel akkost ta’ kollox! Jekk ikunu rispettati ċerti regoli u ċerti valuri, allura x-xjenza hija għajnuna f’waqtha. Imma xi drabi x-xjenza tintuża b’mod li fl-istess waqt li tnissel il-ħajja, tkun tarmi ħajjiet oħra! Dan huwa ħażin. Mhux dak kollu li jista’ jsir xjentifikament huwa etikament leċitu. Ix-xjenza hija bla ruħ. Huma n-nies “tekniċi” u dawk li jirrikorru għall-għajnuna tagħhom li għandhom id-dmir li jagħtu ruħ lix-xjenza.

Missjoni lin-nisa

Wara l-esperjenza tal-qawmien ta’ Kristu, Marija ta’ Magdala u n-nisa sħabha saru appostli tal-appostli. Infatti, waqt li fl-Iskrittura Alla dejjem jibgħat lill-irgiel b’xi missjoni, proprju dakinhar li deher lin-nisa, għandna l-unika darba fejn l-anġlu t’Alla jagħti mandat dirett lin-nisa: “Morru malajr għidu lid-dixxipli tiegħu li hu qam mill-imwiet” (Mt 28,8). Illum l-Knisja qed tafda missjoni preċiza lin-nisa: “Irrikonċiljaw lill-bnedmin mal-ħajja”. Jekk in-nisa jgħixu b’mod ġdid il-femminalità tagħhom imdawla minn Kristu u jaħdmu favur il-ħajja, huma jsiru appostli tal-appostli – isiru kooperaturi tal-Isqof u l-presbiteri tagħhom.

Fit-tieni Ħadd ta’ wara l-Għid, il-Knisja Biżantina tagħmel festa lil dawk in-nisa li marru bil-fwejjaħ hdejn il-qabar ta’ Ġesù – lil dawk in-nisa li ħabbew il-ħajja u ġew afdati b’messaġġ favur il-ħajja. Billi fil-kalendarju liturġiku tagħna ma għandniex festa simili, nistgħu ngħidu li l-festa ta’ Santa Luċija tista’ tissupplixxi għax hija għandha messaġġ favur il-ħajja li jgħodd ħafna għal żmienna. Għalhekk ma’ Santa Luċija nistgħu nassoċjaw mhux biss il-festa tad-dwal, imma wkoll il-festa tal-fwieħa tal-ħajja.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading