Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Quddiesa tat-Tmien Anniversarju tal-Ordinazzjoni Episkopali


Omelija fil-Quddiesa tat-Tmien Anniversarju tal-Ordinazzjoni Episkopali
Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, il-Belt Victoria, Għawdex
L-Erbgħa 22 ta’ Jannar 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

L-Isqof ħabbar tal-Qawmien ta’ Kristu

Fil-Vanġelu li tħabbrilna (Mk 3:1-6) smajna li kien il-jum tas-Sibt meta Ġesù daħal fis-Sinagoga u fejjaq raġel li kellu idu niexfa. Dan ifisser li għal Ġesù l-jum tas-Sibt kien jum li fih ħeles lill-bniedem. Il-messaġġ li jaslilna permezz tal-fejqan ta’ din il-persuna huwa li propju fil-jum tas-Sibt, Alla juri lilu nnifsu bħala dak li jrodd lura l-ħajja u li lil dak li kien imġenneb jerġa’ jpoġġih fiċ-ċentru. Barra minn hekk, ir-rakkont ta’ San Mark jurina li fil-jum tas-Sibt seħħ miraklu mal-komunità, għax jekk ir-raġel kien b’idu niexfa, il-komunità kellha “qalb iebsa” biex tilqa’ l-qawwa ta’ Alla li dehret fi Kristu.

Dan huwa Vanġelu li jgħinna nirriflettu dwar is-sejħa u l-missjoni kemm tal-Knisja u kemm tiegħi bħala Isqof tagħkom. Aħna msejħin biex kontinwament ngħixu bħala “in-nies tas-Sibt”, li mhuwiex biss il-jum tal-mirakli imma l-jum tal-ikbar miraklu. Fis-sens Bibliku, is-Sibt għandu tifsira li tmur ’l hinn mid-dimensjoni kronoloġika. Għal-Lhud il-jum tas-Sibt huwa sagru għax ifakkarhom fix-Shabbat, il-jum li fih Alla lesta l-ħolqien (Ġen 2:2). Għalhekk il-poplu Lhudi ried li ż-żmien tiegħu jkun imqassam b’mod li jkun hemm waqtiet fejn mhux biss jammira l-ġmiel tal-ħolqien imma wkoll jieħu sehem fil-ħidma kreattiva ta’ Alla.

Kif insibu fil-Levitiku, is-Sena Sabbatika sservi biex wara sitt snin li matulhom kien ikun hemm il-ħsad u ġbir tal-għeneb, fis-seba’ sena mbagħad il-bniedem kien jistrieħ hu u jħalli kemm il-bhejjem u kemm l-art jistrieħu. Biex jagħmlu esperjenza ta’ xi jfisser li Alla huwa s-Sid taż-żmien u tal-istorja u għajn ta’ kull ġid, il-Lhud kienu jafdaw fil-Providenza divina. Barra minn hekk, matul is-Sena Sabbatika kienet terġa’ tiġi stabbilita l-ordni f’soċjetà mgerfxa. Din is-sena kienet isservi wkoll biex jiġi stabbilit ċertu ekwilibriju fil-ħajja u hekk kienu jiġu evitati ċerti qagħdiet estremi u ċerti żbilanċi fis-soċjetà. Fil-fatt il-bniedem kien iħalli l-art tistrieħ u terġa’ tiġġenera lilha nfisha, kienet issir il-ġustizzja u l-ħwejjeġ misruqa jintraddu lura, kien ikun hemm maħfra tad-djun, u fuq kollox l-iskjavi kienu jingħataw il-ħelsien. Dan kollu kien jgħin biex ikun hemm “ħolqien” ta’ soċjetà ġdida!

Huwa evidenti li llum għandna bżonn nerġgħu nqiegħdu lil Alla fiċ-ċentru tal-istorja tagħna, li jerġa’ jkollna aktar ordni morali fil-ħajja personali, familjari u soċjali, u fuq kollox li jerġa’ jkollna aktar armonija bejnietna u bejnna u l-ambjent. Kemm hemm bżonn li l-Knisja bħala “il-poplu tas-Sibt” toffri s-sehem tagħha biex illum ukoll ikun hawn “art ġdida u smewwiet ġodda”! Nara l-ħtieġa li nerġgħu nibdew nemmnu fil-Providenza, mhux biss biex nintebħu li, tajbin kemm huma tajbin il-ħiliet umani, qatt ma huma biżżejjed, imma wkoll biex ħadd ma jaqta’ qalbu minn xejn, għax Alla li jieħu ħsieb l-għasafar tal-ajru u jlibbes lill-ġilji tal-widien, jieħu ħsieb tagħna wkoll. Nara wkoll il-ħtieġa li nagħtu s-sehem tagħna biex fit-taħwid ta’ madwarna, speċjalment fil-ħajja tal-familja, fil-qasam tax-xogħol u fil-ħajja soċjali, nistinkaw biex il-bniedem jerġa’ jwaqqaf l-ordni li jkun iserraħ fuq il-ġustizzja u l-karità. Fuq kollox huwa urġenti li bħala Knisja nwieżnu lill-bniedem ta’ żmienna biex jagħraf isib rimedju għal ċertu nuqqas ta’ bilanċ li qed jirrendi tqila l-ħajja ta’ ħafna – bejn min mejjet fis-sakra u min mejjet għal qatra, bejn min jiekol b’żewġt ixduq u min hu bla xogħol, bejn min irċieva livell ta’ edukazzjoni u min baqa’ sajjem, u oħrajn. Il-komunità Nisranija twettaq dan kollu biex il-ħolqien jerġa’ jilbes il-ġmiel originali tiegħu; meta l-komunità Nisranija tagħżel li tibqa’ gallarija u ma tintervjenix, din tkun tonqos gravament.

Bil-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tiegħu, Ġesù Kristu jagħti tifsira aktar profonda lis-Sibt, għaliex għalkemm il-Ġimgħa hu kien maqtul, bil-Qawmien tiegħu mill-mewt mat-tbexbix tal-Ħadd, Ġesù inawgura ħolqien ġdid fejn Hu jixxotta kull demgħa li tinżel fuq ħaddejn il-bniedem, partikularment il-bniedem dgħajjef. F’dan is-sens is-Sibt tal-Lhud isib il-milja tiegħu fil-Ħadd Nisrani, il-jum li fih Kristu rebaħ fuq il-mewt u d-dnub.

Għalhekk ma hemmx lok għal dawk l-Insara li għal xi raġuni jew oħra jkollhom qalbhom tqila u jieħdu l-bixra li kellhom id-dixxipli nhar is-Sibt qabel il-Għid; dawn ħasbu li Alla kien miet, ġarrbu t-toqol tas-skiet ta’ Alla, tnikktu minħabba li ħasbu li Ġesù ħareġ tellief. Billi l-Imgħallem ma kienx magħhom, huma ħallew il-biża’ jaħkimhom, tferrxu, inħbew u abbandunaw it-toroq tal-bliet u l-irħula tagħhom. Xi drabi din hija l-attitudni ta’ diversi Nsara llum: minħabba ċerti żviluppi li qed iseħħu fis-soċjetà tagħna, huma ttentati jaħsbu li Alla għeb u siket, u għalhekk jagħżlu li jirtiraw mill-kamp pubbliku. Għal Insara bħal dawn, il-jum tas-Sibt (il-Ħadd) għadu mhux jum ta’ dawl imma jum ta’ dlam, mhux jum li fih tfeġġ il-ħajja imma huwa jum b’riħa ta’ mewt.

Dan mhux atteġġjament ekkleżjali – mhix imġiba ta’ poplu li jemmen fis-“Sibt il-ġdid” bħala l-jum li fih seħħ il-miraklu tal-Qawmien ta’ Ġesù mill-mewt. Aħna rridu nistinkaw biex ikollna l-attitudni li kellha Marija, Omm Ġesù u Ommna. Għalkemm l-għada tal-mewt ta’ Kristu, mhux biss l-arja imma anki l-qalb tad-dixxipli kienet tqila, Marija baqgħet wieqfa u sħiħa fil-fedeltà u tittama fl-assigurazzjoni li kien ta Ġesù meta qal li hu ser joħroġ rebbieħ fuq il-vjolenza, it-tbatija, il-mibegħda u saħansitra fuq il-mewt. Hekk bil-ġrajja tar-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt, dak li l-Lhud kienu jġarrbu fil-jum tas-Sibt, aħna ngħixuh fl-ewwel jum tal-ġimgħa, il-Ħadd.

Fid-dawl ta’ dan kollu, jidher b’mod ċar x’inhi s-sejħa u l-missjoni tagħna bħala Knisja: li ngħinu lill-bniedem jiskopri din id-dimensjoni Kristoloġika taż-żmien fid-dawl tal-Misteru tal-Għid, biex hekk min hu qalbu maqtugħa, jimtela bit-tama, noffru futur lil min hu nieqes minn viżjoni. F’soċjetà fejn kuljum tixref xi forma ta’ għawġ, huwa dmir tagħna li ngħixu din id-dimensjoni Kristjana tal-jum tas-“Sibt il-ġdid” biex fis-“sinagoga” tagħna jirnexxielna nfejqu lill-bniedem li għandu idu niexfa. Min għandu idu niexfa jfisser li għandu diffikultà biex jibni relazzjoni mal-oħrajn; ifisser li fl-egoiżmu tiegħu għandu idu magħluqa ma’ Alla u mal-bnedmin.

Imma biex dan il-miraklu jitwettaq ukoll illum, ma rridux nagħmlu l-iżball li għamlet is-sinagoga li fiha daħal Ġesù, fis-sens li rridu naċċertaw ruħna li m’aħniex ninterpretaw il-Kelma ta’ Alla b’mod legalistiku u formali – nuru attenzjoni biex ma mmorrux nagħtu aktar importanza lil-liġi milli lill-bniedem. Bħalma fiċ-ċentru tal-knejjes tagħna normalment insibu l-Ewkaristija, fiċ-ċentru tas-sinagoga kien ikun hemm il-Kotba Mqaddsa. Għalhekk meta Ġesù jordna lil dak il-bniedem b’idu niexfa (mela bniedem imniġġes, vulnerabbli u emarġinat) biex joħroġ fin-nofs, Ġesù kien qed jgħidlu biex jieħu post il-Kelma ta’ Alla għax issa Alla ried ikellemna permezz tiegħu! Dawn huma xi wħud mis-sorpriżi ta’ Alla!

Għalhekk hija l-missjoni tal-Isqof li bħala ragħaj tal-merħla jistinka biex il-komunità Nisranija tkun komunità li tgħix dan l-ispirtu tax-Sabbath fid-dawl tal-ġrajja tal-Qawmien ta’ Ġesù mill-mewt. Dan huwa l-jum li fih seħħ l-ikbar miraklu u għadhom iseħħu l-mirakli. Itolbu għall-Isqof biex, kif fil-lejl tal-Għid huwa l-ewwel ħabbar tal-Qawmien ta’ Kristu għall-Knisja tiegħu, hekk huwa jsib il-qawwa li matul iż-żmien jibqa’ jsus mal-komunità ekkleżjali biex, imsaħħra u mdakkra mill-Misteru tal-Għid ta’ Kristu, hija ma tehdiex tkun komunità li tqawwi t-tama f’min hu dgħajjef u tagħti viżjoni u futur lil min ma għandux.