Lezzjoni II: San Ġwann Leonardi

Print Friendly, PDF & Email

9 ta’ Ottubru – SAN ĠWANN LEONARDI, SAĊERDOT    

TIFKIRA

San Ġwann Leonardi twieled f’Lucca, it-Toscana, għall-ħabta tas-sena 1541; sar spiżjar, imbagħad ġie ordnat saċerdot u ta ruħu għall-predikazzjoni, l-aktar bit-tagħlim tal-katekiżmu lit-tfal. Fl-1574 waqqaf l-Ordni tal-Kjeriċi Regolari ta’ Omm Alla, kif ukoll għaqda ta’ saċerdoti biex ixerrdu l-fidi, u għalhekk bil-ħaqq kollu jista’ jissejjaħ l-awtur ta’dak l-istitut li aktar tard, il-Papiet kabbruh u sar magħruf bl-isem ta’ ‘’De propagande fide’’. Bl-imħabba u d-dehen ħabrek ukoll għat-tiġdid tal-ħajja ta’ diversi Kongregazzjonijiet. Miet Ruma fl-1609. Il-Papa Ġwann Pawlu II ħatru patrun tal-ispiżjara.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari minn ittra ta’ San Ġwann Leonardi, saċerdot lil l-Papa Pawlu V

(Epistula de totius Ecclesiӕ reformatione )

Ħa nurik x’jistenna minnek il-Mulej

Dawk li jridu jġeddu l-bnedmin fl-imġiba tagħhom għandhom ifittxu l-ewwel u qabel kollox il-glorja ta’ Alla, biex mingħand Dak, li minnu jiġi kull ġid, jitolbu u jistennew l-għajnuna kollha li jeħtieġu għal xogħol hekk iebes u hekk qaddis. Imbagħad għandhom ifittxu li jidhru quddiem il-bnedmin li jridu jġeddu bħala mera ta’ kull virtù, bħala msiebaħ fuq l-imnara, biex bid-dija tal-imġiba tagħhom idawlu lil kull min hu fid-dar ta’ Alla: b’hekk huma aktar iħajru bil-ħlewwa, milli jġiegħlu bil-fors, lill-bnedmin biex iġeddu l-imġiba tagħhom. Dan hu meħtieġ biex ma jiġrix dak li jwissi kontrih il-Konċilju ta’ Trento, jiġifieri li nfittxu fil-ġisem tal-Knisja dak li hu nieqes f’min imexxiha, u b’hekk jiġu fix-xejn l-ordni u l-qagħda tal-familja kollha ta’Alla. Jeħtieġ ukoll li, bħal tobba tassew bil-għaqal, iħabirku biex ifejqu l-mard kollu li bih hi mġarrba l-Knisja, billi jfittxu li jkunu jafu sewwa x’inhi l-kura ta’ kull marda, u jkollhom id-duwa meħtieġa għal kollox.

Jekk inqisu l-kura meħtieġa mill-Knisja kollha f’daqqa, it-tiġdid irid jibda minnufih fil-kbar u fiż-żgħar, fil-kapijiet u fit-tfal; anzi l-ewwel ħsieb tagħna għandu jkun it-tiġdid ta’ dawk li huma aqwa mill-oħrajn u li minnhom imbagħad irid jgħaddi fl-oħrajn kollha.

Għandna nħabirku bla heda biex il-kardinali, il-patrijarki, l-arċisqfijiet u l-kappillani, f’kelma waħda dawk kollha li għandhom f’odejhom il-kuratal-erwieħ, ikunu tassew nies li tista’ tfdalhom f’idejhom, bla biża ta’ xejn, it-tmexxija tal-merħla tal-Mulej. Imma ħa ngħaddu wkoll mill-kbar għaż-żgħar, mill-kapijiet għat-tfal: għaliex m’għandniex inwarrbu fil-ġenb ‘il dawk li, fl-aħħar mill-aħħar, minnhom irid jibda tiġdid tal-imġiba nisranija. Ma għandna nittraskuraw ebda mezz tajjeb għall-edukazzjoni tat-tfal sa minn ċkunithom biex iħaddnu l-fidi nisranija bis-sinċerità kollha u jiksbu drawwiet tajba u qaddisa. Biex dan iseħħm’hemmx mezz aħjar minn xi istitut għat-tagħlim tad-duttrina nisranija, fejn l-edukazzjoni tat-tfal hi fdata f’idejn nies tajba, mimlijin bil-biżà ta’ Alla.

Santità, dan hu kulma l-Mulej nebbaħni biex ngħidlek f’dan iż-żmien hekk kritiku fil-ħajja tal-Knisja, għalkemm mal-ewwel daqqa t’għajn dan kollu jidher tqil biex tagħmlu, jekk tqabblu mal-kobor tal-kriżi tal-Knisja, għandu jidher ħafif; fl-aħħar mill-aħħar ebda bidla kbira qatt ma seħħet mingħajr meżżi kbar, u min hu kbir jixraqlu jagħmel ħwejjeġ kbar.

RESPONSORJU 

1 Dan il-bniedem għamel sewwa kulma Alla ordnalu; għalhekk il-Mulej qallu: * Idħol fil-mistrieħ tiegħi, għax lilek rajt ġust quddiemi fost il-popli kollha.

2 Huwa maqdar il-ħajja tad-dinja u kiseb is-saltna tas-sema. * Idħol fil-mistrieħ tiegħi, għax lilek rajt ġust quddiemi fost il-popli kollha.

Talba

O Alla, li tqassam kull ġid b’idek miftuħa, int qanqalt is-saċerdot San Ġwann Leonardi biex ixandar il-Bxara t-tajba lill-popli kollha; bit-talb tiegħu, agħtina li l-fidi vera tinxtered dejjem u tilħaq kullimkien. B’Ibnek.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading