Lezzjoni II: San Dijonisju, Isqof

Print Friendly, PDF & Email

9 ta’ Ottubru – SAN DIJONISJU (ISQOF), U SĦABU MARTRI

TIFKIRA

Skont San Girgor ta’ Tours, fis-seklu tlieta Djonisju kien mibgħut Franza mill-Papa u sar l-ewwel isqof ta’ Pariġi, fejn sofra l-martirju fuq l-għolja ta’ Montemartre, flimkien ma’ San Rustiku, saċerdot, u San Elewterju, djaknu, għall-ħabta tas-sena 285.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mit-tifsir tal-isqof San Ambroġ fuq is-salm mija u tmintax.

(Sermo 20: 47-50)

Kun xhud fidil u qawwi.

Bħalma hemm ħafna pesrekuzzjonijiet, hekk hemm ħafna martirji. Int xhud ta’ Kristu kuljum. Inti kont imġarrab bl-ispirtu taż-żina; bżajt minn Kristu, li għadd jagħmel ħaqq minnek, u ma ridtx ittebba’ s-safa ta’ ruħek u ġismek: sirt martri, jiġifieri xhud, ta’ Kristu. Ġie jġarrbek l-ispirtu tar-rebgħa, biex taħtaf il-ġid ta’ min ma jiflaħx għalik, biex tirfes il-jeddijiet ta’ l-armla li ma għandhiex min jaqbeż għaliha; ftakart fil-kmandamenti ta’ Alla, u rajt li aħjar tagħti għajnuna milli tagħmel ħsara: sirt xhud ta’ Kristu. Għax, wara kollox, Kristu lil xhieda bħal dawn irid jgħin, kif hemm miktub: Iddefendu l-iltim, aqbżu għall-armla; imbagħad ejjew nirraġunaw flimkien, jgħid il-Mulej. L-ispirtu tas-suppervja qiegħed iġarrbek; ħarist lejn il-fqir u l-imsejken, ġietek ħniena minnu, u għażilt li tiċċekken, mhux titkabbar: int xhud ta’ Kristu. U dak li hu l-aqwa, tajt xhieda għal Kristu mhux bil-kliem biss, iżda bl-għemil ukoll.

Għax min hu xhud aktar għani minn dak li jistqarr li Ġesù Kristu sar bniedem u jħares il-kmandamenti tal-Evanġelju? Għax min jisma’ u ma jġibx ruħu skont ma jisma’, dan ikun jiċħad lil Kristu; jistqarr bil-kliem, u jiċħad bl-għemil. Għad ikun hemm ħafna li f’dak il-jum jgħidu: Mulej, Mulej, mhux f’ismek ħabbarna aħna?  U mhux f’ismek keċċejna x-xjaten u f’ismek għamilna ħafna mirakli? Imma hu jweġibhom: Warrbu minn quddiemi intom li tagħmlu l-ħażen. Mela x-xhud tassew huwa dak li jwettaq bl-għemil ix-xhieda tiegħu għall-kmandamenti ta’ Sidna Ġesù.

Min jaf kemm kuljum hemm fil-moħbi martri ta’ Kristu li jistqarru lil Sidna Ġesù! L-Appostlu kien jaf x’inhu dan il-martirju u din ix-xhieda tajba għal Kristu, għax qal: Il-ftaħir tagħna hu x-xhieda tal-kuxjenza tagħna. Kemm bnedmin stqarrew minn barra u ċaħdu minn ġewwa! Għalhekk qal: Mhux lil kull xorta ta’ spirtu għandkom temmnu, iżda mill-frott tagħhom tagħrfu lil min għandkom temmnu. Mela ibqa’ fidil u qawwi fil-persekuzzjonijiet li jkollok minn ġewwa, biex titwettaq ukoll għal dawk li jiġuk minn barra. Għax ukoll f’dawk ta’ ġewwa ssib slaten u gvernaturi u mħallfin ta’ setgħa tal-biża’. Għandek eżempju fit-tiġrib li għadda minnu l-Mulej.

X’imkien ie]or naqraw: Tħallux li d-dnub isaltan fuq il-ġisem tagħkom li jmut. Ara min huma s-slaten, min huma l-gvernaturi tad-dnub li tieqaf quddiemhom jekk tħalli d-dnub isaltan fuqek! Daqs kemm ikunu d-dnubiet u l-vizzji, daqshekk ieħor ikunu s-slaten; quddiem dawn itellgħuna, u quddiemhom nieqfu. Dawn is-slaten ukoll għandhom il-qrati tagħhom fil-fehmiet ta’ ħafna. Iżda min jistqarr lil Kristu, minnufih iwaqqa’ lil dan is-sultan minn fuq it-tron tiegħu u jitfgħu fil-jasar. Għax kif tista’ l-qorti tax-xitan toqgħod f’dak li għandu fih il-qorti ta’ Kristu?

RESPONSORJU

1 Il-qaddisin ta’ Alla kellhom jitqabbdu ħafna. Għaddew min-nar u l-ilma, imma salvaw * U l-Mulej Alla qegħdilhom il-kuruna fuq rashom.

2 Dawn il-qaddisin taw ġisimhom għall-mewt minħabba r-rabta tagħhom ma’ Alla. * U l-Mulej Alla qegħdilhom il-kuruna fuq rashom.

Talba

O Alla, int bgħatt lil San Dijonisjuu ‘l sħabu biex ixandru l-glorja tiegħek lill-pagani, u qawwejthom sal-aħħar fil-martirju tagħhom; agħtina li bħalhom immaqdru d-dinja u r-riżq tagħha, u li ma nibżgħu minn ebda taħbit li hija tqanqal kontra tagħna. B’Ibnek.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading