Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Konsagrazzjoni Episkopali ta’ Mons. George Bugeja OFM


Omelija fil-Konsagrazzjoni Episkopali ta’ Mons. George Bugeja OFM
Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Għawdex
Il-Ġimgħa 4 ta’ Settembru 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-VJOLENZA TAL-IMĦABBA

Fil-Vanġelu għadna kemm smajna lil Ġesù jgħanni lill-imħabba tal-Missier – kif ħabbni l-Missier! (Ġw 15:9). Hekk jien illum inħoss li f’isem il-Knisja, partikularment f’isem il-Knisja f’Għawdex, nixtieq ngħanni lil din l-imħabba ta’ Alla. Għax fl-għażla tiegħek għall-ministeru ta’ isqof, għażiż Patri George, jien nara tilma l-imħabba ta’ Alla għall-Knisja universali, għall-Knisja fi Tripli (Knisja missjunarja), għall-Ordni Franġiskan, imma b’mod speċjali għall-Knisja f’din il-gżira, ċkejkna fid-daqs imma kbira fil-qalb.

Għal darba oħra Alla xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon ta’ din qaddejja tiegħu, il-Knisja f’Għawdex, u għażel lilek biex jaħtrek ħalli tmur tagħmel il-frott u l-frott tiegħek jibqa’ (ara Ġw 15:16). L-elezzjoni tiegħek biex bl-ordinazzjoni episkopali inti tissieħeb mal-Kulleġġ tal-Appostli – li fosthom hemm ħafna martri – hija konferma minn Alla li f’din id-djoċesi hawn ħafna u ħafna tajjeb, tant li jien inħossni kburi li nagħmel parti minnha. Anki jekk dak li huwa inqas tajjeb jagħmel aktar ħoss, huwa fatt li l-Knisja f’Għawdex hija Knisja ħajja u vibranti: biżżejjed wieħed jara l-għadd sabiħ ta’ vokazzjonijiet, is-saċerdoti qaddisa, żelanti u f’komunjoni mal-Isqof (darba l-Isqof Nikol Ġ. Cauchi kien qalli li ħafna mis-saċerdoti tagħna huma kanonizzabbli, u jien dan nissottokrivih!), – l-għożża tal-familja li għadha bejta ta’ ċittadini tajbin, l-imħabba ġeneruża lejn il-missjonijiet, għadd ta’ opri ta’ karità li jibqgħu wieqfa propju bil-ġenerożità tal-poplu. Jien konvint li f’din il-Knisja l-eżempju t-tajjeb ixejjen l-eżempju li jfixkel.

Għaliex iħobbna, Alla jixtieqna nkunu ferħanin u għalhekk jagħtina regola biex jiżguralna dan il-ferħ. Ġesù jgħidilna: “Ibqgħu fl-imħabba tiegħi… Dan hu li nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin” (Ġw 15:12). Billi l-imħabba hija ambigwa, Ġesù jagħtina l-mudell ta’ kif għandna nħobbu: “Kif Missieri ħabb lili, hekk ħabbejtkom jien… Ħadd ma għandu mħabba akbar minn dik li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:9,13).

Minn fuq l-għolja tal-Beatitudnijiet, Ġesù jindikalna diversi modi kif wieħed jagħti ħajtu: “Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħitkom, itolbu għal min iżeblaħkom. Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar [anki l-mantar tal-kredibbiltà u l-onestà], anqas il-libsa ma għandek iċċaħħadlu. Itolbu għal dawk li jippersegwitawkom. Fuq kollox ħennu bħalma huwa ħanin Missierkom. Tiġġudikawx u ma tkunux iġġudikati, tikkundannawx u ma tkunux ikkundannati, aħfru u ssibu l-maħfra” (ara Lq 6:27-38). Dan hu l-qofol tal-Vanġelu.

Dan jipprovdi l-ferħ veru – il-perfecta lætitia ta’ San Franġisk! Fil-fatt darba, f’lejl xitwi, San Franġisk imur iħabbat fuq bieb tal-kunvent tal-patrijiet tiegħu, imma ma fetħulux għax ma għarfuhx. Xi wħud fil-komunità ma jirrikonoxxuhx bħala “missierhom” u Franġisku jifraħ! Hekk jista’ jiġri wkoll lilna l-isqfijiet: meta xi wħud fil-komunità ma jirrikonuxxuniex bħala l-Isqof tagħhom, ma għandniex għax naqtgħu qalbna, imma nilqgħu din l-umiljazzjoni bil-ferħ!

Jekk dan kollu jgħodd għad-dixxipli tal-Mulej, bil-qawwa jgħodd għalik, Patri George, li l-Knisja qed tafdalek dak li fi kliem Santu Wistin huwa amoris officium – l-uffiċċju tiegħek bħala Isqof huwa minsteru tal-imħabba. Ma nafx x’inhuma l-kwalitajiet li fittxew fina l-Kongregazzjoni f’Ruma biex il-Knisja għażlitna biex inkunu isqfijiet, imma naf x’fittex Ġesù f’Pietru meta ġie biex jagħżlu u jafdalu l-merħla. Ġesù fittex fih kwalità singulari: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?” (Ġw 21:16). U llejla anki lilek, George, Ġesù qed jagħmillek l-istess mistoqsija: “George, tħobbni int?”. Dan ifisser li l-Mulej ma jistenniex minna l-isqfijiet li nkunu dutturi fit-teoloġija jew xi amministraturi straordinarji, lanqas jistenna li aħna nkunu professjonisti fil-pastorali u ninfnew bl-attiviżmu. Huwa jistenna biss li nħobbuh… u nħobbuh fil-proxxmu tagħna, għax dak kollu li nagħmlu mal-iżgħar fostna, inkunu nagħmluh miegħu (ara Mt 25:40).

Fi kliem ieħor, Ġesù qed jaħtrek Appostlu biex jibagħtek ixxandar il-Vanġelu tal-imħabba, mhux tant minn fuq il-pulptu jew bil-kitbiet, imma bil-ħajja sempliċi u umli tiegħek. It-triq minn fejn ngħaddu, anki jekk fiha nħabbtu wiċċna ma’ persuni li ma jifhmux il-piż kbir li qed inġorru fuq spallejna bħala isqfijiet, li mhux dejjem nistgħu nispjegawlhom ir-raġuni tal-azzjoni pastorali tagħna, – dik it-triq trid tkun il-katedra tagħna minn fejn bi mġibitna nitkellmu dwar l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu.

Neżortak biex tkun ministru straordinarju tal-miżerikordja anki billi ddewwaq il-maħfra ta’ Alla. Din hija l-aqwa espressjoni tal-imħabba. Sfortunatament is-soċjetà tagħna mhix ħanina biżżejjed. Ħafna għandhom idejhom miftuħa beraħ għax jistennew il-miżerikordja mingħand ħaddieħor, imma mbagħad huma xħaħ wisq u jagħlqu jdejhom ponn meta jiġu biex juru ħniena ma’ ħaddieħor. Kif għidt fl-aħħar Ittra Pastorali, għal Alla ħadd ma huwa mbarazz! Għalhekk lanqas dak li għas-soċjetà “pagana” huwa mbarazz ma għandu jitqies imbarazz fil-Knisja. Min għandu widnejn ħa jisma’.

Ġesù tant ħabb li ta ħajtu għall-merħla; anzi, ħalliehom iċarrtulu qalbu biex hekk seta’ juri l-kobor u l-fond tal-imħabba tiegħu għalina. Baqa’ jħobb sal-aħħar anki meta kien waħdu fuq is-salib.

Għażiż George, jekk nista’ nagħtik parir wara li ilni disa’ snin fil-ministeru ta’ isqof, inħeġġek tibqa’ tħobb anki meta tkun waħdek fuq is-salib. Ikollok kemm ikollok kollaboraturi ta’ fiduċja madwarek, ser ikun hemm mumenti fil-ministeru tiegħek meta ser tkun waħdek – is-solitudni tal-ministeru tant tista’ tkun kiefra, li saħansitra tkun ittentat tissuspetta li anki Alla jkun telqek waħdek! Imma propju għax tkun trid tħobb kif ħabb Kristu, trid issib il-qawwa biex tibqa’ tħobb anki kull xorta ta’ miżerja umana. Hemm ir-riskju li jikkalunjawk u jgħidu li int imniġġes għax tersaq lejn l-imniġġes. Ser ikun hemm ħwejjeġ li tkun tafhom int biss mill-ministeru tiegħek u ma tkunx tista’ tgħidhom lil ħadd u tibqa’ ġġorrhom f’qalbek sal-qabar. F’dawk il-mumenti waħħal għajnejk fuq il-Kurċifiss, li jaf xi tfisser l-imħabba mhux mifhuma, u hemm tifhem il-prezz li trid tħallas biex tkun isqof, għax inti msejjaħ biex bħalu tħobb. Imma bil-ħarsa tiegħek imsammra fuq Ġesù msallab, hemm ukoll issib il-faraġ, għax l-imħabba ta’ Kristu tirbaħ fuq il-mewt, li hija l-qofol tal-ħażen.

Fid-dinja ta’ madwarna hawn ħafna għamliet ta’ vjolenza – xejn inqas fil-pajjiż fejn sejjer, il-Libja. Nitlob lill-Madonna Ta’ Pinu li taħt il-ħarsien tagħha inti qiegħed tpoġġi ħajtek bħala isqof, biex tieqaf miegħek ħalli l-Ispirtu s-Santu jagħtik il-qawwa biex tirbaħ kull xorta ta’ vjolenza umana b’dik li ħuna fl-episkopat il-Beatu Oscar Romero jsejjaħ “il-vjolenza tal-imħabba”. Jekk bil-vjolenza tax-xabla l-bniedem jasal biex jaqta’ l-irjus tan-nies innoċenti, bil-vjolenza tal-imħabba nistgħu nibnu ċiviltà umana ġdida.

Ġorġ, aħna qed nimpenjaw ruħna li nakkumpanjawk f’din il-mixja u minn dan is-Santwarju għażiż, nibqgħu nsejħu lil Marija, Omm l-Imħabba, tinterċedi għalik u għall-Knisja fdata fil-kura pastorali tiegħek.