Ittra lit-tfal tal-Isqof Mario Grech


MARIO GRECH ISQOF TA’ GĦAWDEX

Ittra lit-Tfal
fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ta’ Talb għall-Ħarsien tal-Ħolqien
(1 ta’ Settembru 2015)

Għeżież tfal,

Il-vaganzi tas-sajf waslu biex jintemmu u dalwaqt terġgħu tiltaqgħu ma’ sħabkom u mal-għalliema fl-iskejjel tagħna.

Mela dan l-aħħar kont qiegħed inżur familja u l-kliem waqa’ fuq l-iskola. F’din il-familja hemm żewġ ulied: tifel u tifla. Jiena se nsemmihom Matthew u Francesca biex ma nikxifx min huma tassew. Matthew kien qed jgħid lill-mamà u l-papà tiegħu li din is-sena jrid basket tal-iskola li jkun l-isbaħ wieħed tal-klassi. Qabżet Francesca u qalet lill-mamà li hi ma riditx basket ġdid għall-iskola. Ommha stagħġbet! Ta’ kull sena, bħal dan iż-żmien, Francesca kienet titlobha basket ġdid tal-iktar karattru famuż ta’ Disney fil-mument. Francesca weġbitha hekk lil ommha: “Matul dan is-sajf kont qiegħda l-Museum. Il-katekista qaltilna li l-Papa Franġisku għadu kemm bagħat ittra lin-nies tad-dinja kollha li fiha kellimna fuq il-ħtieġa li nibżgħu għall-ambjent. Il-katekista għallmitna li skont il-Papa d-dinja hija d-dar ta’ kull min jgħix fiha. Imma aħna l-bnedmin l-iktar li nagħmlulha ħsara u hemm bżonn li ma nibqgħux sejrin hekk”. Matthew ddeffes u qal: “Mela jien il-Gvern biex noqgħod responsabbli tal-ambjent?”. Francesca weġbitu bil-kalma kollha: “Matthew, kieku kulħadd jagħti s-sehem żgħir tiegħu, kieku l-ambjent ikun ħafna aħjar! Fost l-oħrajn il-katekista qaltilna li għandna nużaw l-affarijiet sakemm ikunu għadhom tajbin biex ma narmux oġġetti li għadna nistgħu nużaw”. Francesca kompliet tirrakkonta kif hi kienet diġà tefgħet għajnejha fuq basket ġdid tal-iskola. Imma meta filgħaxija, wara l-Museum, kienet qed titlob, ħasset lil Ġesù jgħidilha f’qalbha li l-basket li għandha għadu tajjeb u m’għandhiex għalfejn tixtri ieħor.

X’jidhrilkom, tfal? Jiena bqajt mistagħġeb bi Francesca. Mhux ta’ b’xejn hija msemmija għal qaddis li tant kien iħobb l-ambjent! Fil-fatt, l-ittra tal-Papa li fuqha tkellmet Francesca jisimha Laudato Si’, għax tibda b’żewġ kelmiet (Tkun imfaħħar) minn għanja li dan il-qaddis kien kiteb biex ifaħħar lil Alla għall-ħolqien.

Jiena ċert li ħafna minnkom it-tfal jaħsbuha bħal Francesca; iżda xorta waħda ħassejt li għandi nibagħtilkom dan il-Messaġġ biex infakkarkom fuq xi ħwejjeġ żgħar li tistgħu tagħmlu biex l-ambjent jibqa’ sabiħ. Qed nibagħtu issa għax fl-1 ta’ Settembru l-Papa jixtieqna ningħaqdu ma’ ħutna Nsara oħra, u nies oħra li jixtiequ, u nitolbu biex il-bnedmin tad-dinja kollha jifhmu aħjar ir-responsabbiltà tagħhom lejn il-ħolqien.

Intom tafu li aħna xxurtjati ħafna li noqogħdu fi gżira tassew sabiħa. Għalhekk l-ewwel dmir tagħna hu lejn gżiritna stess, Għawdex tagħna. Waħda mill-ikbar sfidi ambjentali tal-gżira tagħna hija n-nuqqas ta’ ilma. Meta kull wieħed u waħda minnkom, kull darba li taħslu snienkom, ma tħallux il-vit tal-ilma miftuħ għalxejn, tkunu qegħdin tnaqqsu mill-ħela tal-ilma.

Tkun ħaġa xierqa wkoll li tidraw mil-lum, li għadkom żgħar, tnaqqsu kemm tistgħu mill-użu tal-karozzi. Id-dħaħen tagħhom jagħmlu ħafna ħsara lill-ambjent. Kemm hu sabiħ li bil-permess tal-ġenituri tagħkom tużaw iktar ir-rota jew il-karozza tal-linja! Kemm tkun ħaġa sabiħa jekk, meta tkunu tistgħu, minflok ma toqogħdu mwaħħlin quddiem il-kompjuter jew it-tablet, tmorru passiġġata fil-kampanja!

Xi ngħidu għall-ħela tal-ikel? Kemm hija ħaġa kerha li narmu l-ikel meta nafu kemm hemm tfal fid-dinja li qegħdin imutu bil-ġuħ! Jiena nkwetat l-iktar fuq xi studenti li jattendu fl-iskejjel sekondarji li jarmu l-lunch biex imorru jixtru xi ħaġa mill-canteen. Minbarra li dan hu nuqqas ta’ rispett lejn il-ġenituri tagħna, dan huwa wkoll serq mill-ħluq ta’ dawk it-tfal li bilkemm għandhom biex jitrejqu.

La semmejt l-iskejjel, nixtieq nifirħilkom għall-impenn tagħkom favur l-ambjent fl-iskejjel tagħna permezz ta’ EkoSkola. Smajt li kważi l-iskejjel kollha ta’ Għawdex qed jieħdu sehem f’dan il-proġett u l-parti l-kbira tagħhom għandhom il-Bandiera l-Ħadra. Ta’ dan ħaqqkom prosit tassew kbir, kif ħaqqhom prosit ukoll l-għalliema tagħkom u l-Kunsilli Lokali li jgħinukom. Importanti ħafna li lkoll kemm intom tibqgħu tagħtu s-sehem tagħkom f’EkoSkola. Bħalma jgħid il-Malti, “kull laqxa tirfed l-imramma”. Mela, jekk ikollok il-batteriji wżati u teħodhom l-iskola biex jinġabru f’kontenitur apposta, tkun qed tagħti sehmek biex insalvaw il-ħamrija tal-gżejjer tagħna, kif ukoll l-ilma tal-pjan li tant hu prezzjuż. Jekk inti, taħt id-direzzjoni tal-għalliema, tieħu ħsieb ix-xtieli u s-siġar li hemm fl-iskola, tkun qed toħloq atmosfera sabiħa u żżid dik it-tikka ta’ ossiġnu fl-arja. Bil-ħidma ta’ kulħadd gżiritna tista’ ssir dejjem isbaħ.

Kif tafu, f’pajjiżna issa ilna mhux ħażin li bdejna s-separazzjoni tal-iskart. Intom tridu tkunu l-eżempju għalina l-kbar. Importanti ħafna li dak l-iskart li jista’ jiġi riċiklat, ma nħalltuhx mal-iskart l-ieħor, u noħorġuh fil-boroż il-griżi kull nhar ta’ Tlieta. Tajjeb ukoll li meta tibda s-separazzjoni tal-iskart organiku, intom tkunu minn tal-ewwel li tgħinu biex din il-ħaġa tirnexxi. Naħseb li m’għandix għalfejn ngħidilkom li ma tkunux qed tirrispettaw lilkom infuskom u lil ħaddieħor meta tarmu ż-żibel fl-art! Iddispjaċieni ħafna meta ftit jiem ilu rajt tifel li kien għaddej f’karozza mal-ġenituri jixħet karta taċ-ċikkulata mit-tieqa tal-karozza ’l barra u hekk ħammeġ it-triq!

Tinsewx l-eżempju ta’ Francesca. Dak li għadu tajjeb u nadif m’għandekx tarmih għax il-moda tiegħu spiċċat, imma tibqa’ tużah sakemm ma tkunx tista’ tagħmel mod ieħor. Dan jgħodd ukoll għal affarijiet bħalma huwa l-mowbajl. Jekk l-apparat tal-mowbajl għadu tajjeb, ma narax għaliex għandek twarrbu biex dejjem ikollok l-aħħar mudell li ħareġ. La qed insemmi l-mowbajl, ma nistax ma nħeġġiġkomx biex dan l-apparat ma nagħmlux użu ħażin minnu billi nibagħtu messaġġi kattivi lil ħaddieħor.

U dan iwassalni għall-iktar ħaġa importanti. Huwa sabiħ li jkollna ambjent nadif u b’saħħtu. Imma dan ma jkun jiswa xejn jekk ma nkunux inħobbu lil xulxin u ngħinu lil dawk fil-bżonn. Fid-dinja hawn ġid biżżejjed għal kulħadd. Il-problema hi li dan il-ġid mhux imqassam tajjeb. Ma nistax nistenna minnkom li mil-lum tmorru fl-artijiet tal-Missjoni u tgħinu lil dawn in-nies; imma tkun idea tajba kieku tidraw miċ-ċokon tiċċaħħdu minn xi ħaġa żgħira u ġġemmgħu l-flus biex tkunu tistgħu tgħinu lil min hu fil-bżonn.

Il-karità trid tibda mid-dar. Għalhekk tkun ħaġa sabiħa li tgħinu kif tistgħu fil-familja tagħkom. Id-dar ilkoll kemm aħna nużawha. Mela aħna wkoll irridu nagħtu daqqa t’id lill-mamà u l-papà biex jinżammu l-indafa u l-ordni fid-dar tagħna. L-istess l-iskola. Sħabna huma ħutna wkoll. Ma jagħmilx sens li inti tkun tħobb l-ambjent imma fl-istess ħin tinki lil sħabek, jekk mhux ukoll tagħmilha ta’ bully. Fid-dinja hemm bżonn li nitgħallmu ngħixu ma’ xulxin bħala familja. Min veru jħobb l-ambjent iħobb il-ħajja, speċjalment il-ħajja umana. Imma l-iktar jieħu ħsieb il-ħajja ta’ min hu marid, anzjan jew inkella għadu lanqas biss twieled.

Fl-aħħar nett, inħeġġiġkom biex tkomplu titgħallmu fuq Ġesù u ssiru tħobbuh iżjed. Li tkun Nisrani tajjeb u fl-istess ħin tkun ċittadin responsabbli huma bħal żewġt uċuħ tal-istess munita. Jekk veru tħobb lil Ġesù, tħobb ukoll l-ambjent. Inħeġġiġkom ukoll biex issibu ħin titolbu matul il-ġurnata. M’hemmx għalfejn tgħidu ħafna kliem. Biżżejjed tiftakru f’Ġesù. Hu kapaċi jaqra x’hemm fil-qalb tagħkom. Għalkemm għadkom żgħar, nistedinkom tingħaqdu magħna f’din it-talba ħerqana lil Alla li ħierġa mill-qalb tal-Papa Franġisku:

Mulej l-aktar għoli,
li tinsab fl-univers kollu
u fl-iċken waħda mill-ħlejjaq tiegħek,
int li tgeżwer bi ħlewwietek
kulma jeżisti,
sawwab fuqna l-qawwa ta’ mħabbtek
biex nistgħu nieħdu ħsieb
tal-ħajja u tal-ġmiel.
Kattar fina l-paċi,
biex ngħixu bħal aħwa
bla ma nweġġgħu lil ħadd.
Missier il-foqra,
għinna nifdu lill-imwarrbin
u l-minsijin ta’ din l-art
li jiswew tant f’għajnejk.
Fejqilna ħajjitna,
biex inħarsu d-dinja
u mhux inħarbtuha,
biex niżirgħu l-ġmiel
u mhux it-tinġis u l-qerda.
Miss il-qlub
ta’ dawk li jfittxu biss kif sa jgawdu huma
minn fuq dahar il-foqra u l-art.
Għallimna niskopru l-valur ta’ kull ħaġa,
nikkontemplaw b’għaġeb,
nagħrfu li aħna tabilħaqq magħqudin
mal-ħlejjaq kollha
fil-mixja tagħna lejn id-dawl tiegħek bla tarf.
Irroddulek ħajr li ta’ kuljum tinsab magħna.
Weżinna, nitolbuk, aħna u nitqabdu
għall-ġustizzja, l-imħabba u l-paċi.
Ammen.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat, Għawdex, illum, l-Erbgħa, 26 ta’ Awwissu 2015.

 Mario Grech