Jum speċjali ta’ ċelebrazzjoni tal-ħajja


It-Tlieta, 8 ta’ Settembru 2020: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Quddiesa fil-Festa tat-Twelid ta’ Marija, Parroċċa tal-Lunzjata, Balzan.

Jum speċjali ta’ ċelebrazzjoni tal-ħajja

Il-festa tat-twelid ta’ Marija hija festa li tiċċelebra l-ħajja. Kull twelid hu ċelebrazzjoni tal-ħajja, imma meta naħsbu f’Marija dejjem naraw din l-enfasi speċjali fuq il-ħajja. Nixtieqkom tinnutaw kif aħna niċċelebraw bil-kbir żewġ festi ta’ Marija li huma hekk konnessi: it-8 ta’ Diċembru, it-tnissil tagħha; u disa’ xhur wara, illum, it-8 ta’ Settembru, it-twelid tagħha. Dan ifisser li aħna niċċelebraw il-bidu tal-ħajja ta’ Marija fit-tnissil tagħha – għax hemm hu l-bidu – u llum niċċelebraw il-fatt li ommha u missierha laqgħu din it-tifla, u setgħet titwieled wara dawk ix-xhur kollha tiżviluppa bħala bniedma.

Ilum għalhekk hi ċelebrazzjoni tal-ħajja meta niċċelebraw it-twelid ta’ Marija. Fil-każ tagħna f’Malta din il-festa għandha sinifikat partikulari għaliex il-festa hi marbuta mal-Istorja tagħna – Jum il-Vitorja. Dan il-Jum ifakkarna b’mod speċjali f’żewġ avvenimenti tal-Istorja ta’ pajjiżna – it-tmiem tal-Assedju l-Kbir fl-1565, u t-tmiem tal-Assedju mill-Italja fit-Tieni Gwerra Dinjija meta l-Italja rtirat fl-1943. Jekk naħsbu ftit, fit-tnejn li huma aħna niċċelebraw ir-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt. It-tmiem tal-Assedju l-Kbir kien ifisser rebħa għall-ħajja tal-Maltin. U l-irtirar tal-Italja fit-Tieni Gwerra Dinjija, li ġabet tant imwiet, kien ifisser ukoll rebħa għall-ħajja tal-Maltin.

Għalhekk il-festa li niċċelebraw illum hi marbuta fl-Istorja ta’ Malta mal-valur u l-għożża tal-ħajja. Nixtieq li nagħmlu din bħala talba speċjali lil Marija fil-festa tat-twelid tagħha: li aħna nagħrfu ngħożżu u nħarsu l-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha. Li tagħtina l-grazzja li bħalha aħna nkunu dawk li nħarsu l-ħajja, u nħarsuha minn kull riskju, minn kull periklu, minn kull theddida. Li naħdmu b’mod attiv favur il-ħajja u kontra l-kultura tal-mewt. Nafu li din hi xi ħaġa tant importanti għalina lkoll, mhux għal min jemmen biss, imma għalina li nemmnu hi xi ħaġa marbuta mill-qrib mal-fidi tagħna.

Nitolbu lil Marija, l-Omm tal-Iben ta’ Alla, li tatna l-awtur tal-ħajja, biex aħna dejjem ngħożżu l-ħajja bħalma wrietna hi u għallmitna hi u li nħarsuha minn kull periklu u minn dak kollu li jheddidha.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.