Inkunu nirfsu fuq il-bniedem meta nillivellaw id-differenza


L-Isqof Anton Teuma fit-Tifkira ta’ Jum il-Vittorja

This image has an empty alt attribute; its file name is dsc_2769.jpg

Biex titfakkar il-Festa Nazzjonali tal-Vitorja, kif inhi konswetudni kull sena lejlet is-Solennità tat-Twelid tal-Verġni Mbierka, l-ogħla Awtoritajiet Ċivili ta’ pajjiżna attendew għal Pontifikal Solenni fil-Bażilika ta’ Marija Bambina fix-Xagħra, nhar it-Tnejn 7 ta’ Settembru filgħaxija, li tmexxa għall-ewwel darba mill-Isqof il-ġdid ta’ Għawdex Mons. Anton Teuma, hu wkoll iben ir-raħal tax-Xagħra.

Quddiem il-ġemgħa, magħmula fost l-oħrajn mill-E.T. Dr George Vella, President ta’ Malta, l-Onor. Dr Robert Abela, Prim Ministru, u l-Onor. Dr Adrian Delia, Kap tal-Oppożizzjoni, kif ukoll l-Onor. Anġlu Farrugia, Speaker tal-Kamra tal-Parlament, kif ukoll bosta membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra, l-Isqof Teuma tkellem dwar ir-rebħiet tal-1565, l-1800 u l-1943 li kull sena nikkommemoraw nhar il-Vitorja.

“Imma naħseb tkun fqira wisq din iċ-ċelebrazzjoni jekk aħna noqogħdu nerġgħu nqajmu fina s-sentimenti ta’ superjorità u ta’ rabja, moħbija taħt sens falz ta’ patrijottiżmu, u nifirħu għal dawn il-kisbiet li għamilna”, qal l-Isqof Teuma. “Jekk illum għandna għax niċċelebraw, mhix għajr il-fidi tagħna fil-persuna ta’ Ġesù… ferħ għax baqgħet fostna l-Kelma tal-Vanġelu. U dawn baqgħu fostna mhux tant għax ta’ qabilna rebħu l-gwerer, imma għax ħadmu u stinkaw biex dan il-patrimonju soċjali u kulturali jibqa’ parti mit-tessut tal-poplu Malti u Għawdxi”.

Ara l-Omelija tal-Isqof Anton Teuma fil-Laikos …

Ritratti: MGOZ