Sintesi tal-Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Ftuħ tal-Viżta Pastorali fil-Parroċċa ta’ Għajnsielem


Sintesi tal-Omelija fil-Ftuħ tal-Viżta Pastorali fil-Parroċċa ta’ Għajnsielem
Knisja Arċipretali tal-Verġni Mqaddsa ta’ Loreto, Għajnsielem
Il-Ġimgħa 14 ta’ Ottubru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-VIŻTA PASTORALI:
BIEX IL-KOMUNITÀ PARROKKJALI TITWETTAQ FIR-RIEDA TA’ ALLA

Lit-tfal sikwit ngħidulhom li jekk jisimgħu mill-ġenituri ma jgħarrilhomx fil-ħajja! Dan jgħodd għalina l-adulti: jekk ma rridux li jiddispjaċina minn ċerti deċiżjonijiet jew għażliet li nagħmlu f’ħajjitna, nagħtu widen għal dak li jgħidilna Alla Missierna u nfittxu nagħmlu r-rieda tiegħu. Alla jħobbna u r-rieda tiegħu qatt ma tissarraf f’deni għalina. Ma jista’ jkun hemm xejn fir-rieda ta’ Alla li jkun imur kontra r-rieda tagħna li nkunu ferħanin.

B’daqshekk mhux qed ngħid li ser ikun dejjem faċli għalina li nfasslu ħajjitna skont ir-rieda ta’ Alla. Nixhdilkom jien mill-esperjenza personali tiegħi kemm ħafna drabi tiswieli sagrifiċċju biex nipprova li r-rieda tiegħi tkun taqbel ma’ dak li jrid Alla minni. Mhux għax dak li jurini Alla jmur kontra tiegħi, imma għaliex jien dgħajjef, u li kieku ma tkunx il-grazzja ta’ Alla ma jirnexxilix nagħmel dak li għandi nagħmel. Jien konvint li dak li ngħaddi minnu jien hija l-esperjenza ta’ ħafna persuni tajbin u ta’ għadd ta’ familji. Imma nagħmlu l-qalb, għax Alla mhux ser jgħabbina aktar milli nifilħu.

Illum qegħdin nagħtu bidu għall-Viżta Pastorali f’din il-parroċċa. Jien ġej fostkom l-ewwel nett biex, waqt li nkun qrib tagħkom, napprezza l-ħafna tajjeb li għandkom. Nemmen li ħafna fil-ħajja privata tagħhom qed jagħmlu ħilithom biex bħall-Madonna lil Alla jgħidulu: “Ikun li trid inti”. Nemmen li fostkom hawn għadd ġmielu ta’ familji li jħobbu lil Ġesù u fis-satra ta’ djarhom huma impenjati biex isegwu r-rieda ta’ Alla.

Matul il-Viżta Pastorali nixtieq niltaqa’ magħkom biex nismagħkom ħalli l-Knisja li tgħammar f’nofskom tkompli tgħinkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla għalikom. Għax il-Knisja mhix bħall-każini b’finalità soċjali, kulturali jew sportiva (anki jekk hemm min iħares lejha hekk). L-Arċipriet flimkien mas-saċerdoti u dawk li għandhom xi ministeru, bħalma huma l-katekisti, għandhom missjoni waħda: li jgħinu lill-komunità tkompli tiskopri r-rieda ta’ Alla. Dan jagħmluh b’diversi modi imma l-aktar bix-xandir tal-Vanġelu u bit-talb flimkien. Alla sejħilna biex nakkumpanjawkom f’din l-avventura spiritwali. Dan irid ħafna enerġija u ħin u hu għalhekk li fiċ-ċirkustanzi tal-lum, fejn il-vokazzjonijiet saru skarsi, aħna jkollna nħallu barra ċerti ħidmiet tajbin li kienu jsiru fl-imgħoddi biex inkunu nistgħu noffru dak li l-aktar meħtieġ u essenzjali: li ngħinukom twaqqfu widnejkom biex tagħtu widen lil Alla l-Missier.

Meta llum qegħdin infakkru l-mija u ħamsin sena minn meta waslet fostna din l-istatwa tal-Madonna ta’ Loretu, jien nitlob li x-xbieha Lawretana tkun stampata mhux biss fuq it-tila, imma fuq il-qalb tal-poplu kollu ta’ Għajnsielem, biex Marija ta’ Nazareth li fittxet li tagħmel ir-rieda tal-Missier, tieqaf magħkom biex intom ukoll “tisimgħu” minn Missierkom u hekk ma jgħarrilkomx.