Omelija tal-Isqof Mario Grech lis-Seminaristi


Omelija lis-Seminaristi
Kappella tas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria
Il-Ħamis 13 ta’ Ottubru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

MUFTIEĦ LI JIFTAĦ

Kif għamel ma’ Pietru, hekk il-Mulej jagħmel magħna s-saċerdoti: jafdalna l-imfietaħ f’idejna. Huma mfietaħ li jiftħu l-bibien għall-ħajja. Għalkemm imqiegħda f’idejna, dawn l-imfietaħ ma humiex tagħna imma ta’ Alla. Aħna rridu ngħassu fuqna nfusna biex ma jkunux japplikaw għalina l-kliem li Ġesù qal lill-kittieba u l-Fariżej: “Ħażin għalikom intom l-għorrief tal-Liġi. Intom ħtaftu l-muftieħ tal-għerf biex imbagħad intom stess ma dħaltux u żammejtu lura lil min ried jidħol” (Lq 11:53).

F’idejna għandna l-“muftieħ” biex niftħu l-bieb ta’ qalbna għal Kristu li huwa “l-għerf ta’ Alla” (1 Kor 1:24); lil dawk li jiftħulu qalbhom, Kristu jagħtihom “għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih” (Lq 21:15). Kull Nisrani, aktar u aktar kull saċerdot għandu jkollu f’qalbu din il-passjoni għall-Għerf. L-istudju tat-teoloġija hu xjenza meħtieġa biex inkomplu nixirfu fil-misteru ta’ Alla. Nafu kemm nafu teoloġija, qatt ma nistgħu ngħidu li nafu biżżejjed. Saċerdot (u seminarista) li ma jiħux bis-serjetà l-formazzjoni teoloġika, huwa saċerdot u seminarista medjokri. Fi kliem il-Papa Franġisku, it-teologu li jaħseb li l-ħsieb teoloġiku tiegħu huwa komplut u għalhekk ma għandux bżonn jistudja aktar, huwa “teologu medjokri”. “Teologu u filosfu ta’ stoffa huwa dak li l-ħsieb tiegħu jibqa’ dejjem miftuħ għax qatt ma huwa komplet – jibqa’ miftuħ għall-maius ta’ Alla u l-verità u għalhekk jibqa’ miftuħ għal kull żvilupp skont ir-regola ta’ San Vinċenz ta’ Lernis li jgħid: ‘Annis consolidetur, dilatetur tempore, sublimetur ætate’ (Commonitorium primum 23, PL 50, 668). Għalhekk il-vera teoloġija tikkonsolida mas-snin, tikber maż-żmien u ssir profonda mal-età. Dan huwa t-teologu li għandu moħħ miftuħ” (Diskors lill-komunità tal-Gregorjana, 10 ta’ April 2014).

It-talb huwa muftieħ ieħor li ma nistgħux ngħaddu mingħajru biex nidħlu fil-qalba tal-misteru ta’ Alla. Kif jgħid Patri Piju, “it-talb huwa muftieħ li jiftaħ il-qalb ta’ Alla”. Permezz tal-meditazzjoni, il-kontemplazzjoni u t-talba liturġika tal-Knisja, jitla’ s-separju biex tinkixef għalina l-qdusija u t-tjubija ta’ Alla. Fit-talb, aktar milli nitkellmu dwar Alla, Alla jitkellem magħna. It-teologu jew il-presbiteru li “jarmi” l-muftieħ tat-talb u ma jinżilx għarkupptejh quddiem il-preżenza ta’ Alla, jirriskja bil-kbir li jimrad bin-narċisiżmu, għax flok ma jikkomunika lil Alla, jitkellem dwaru nnifsu! It-teoloġija vera ma nitgħallmuhiex biss fl-awla jew fil-librerija, imma għarkupptejna quddiem Alla. Nawguralkom dak li darba San Franġisk ta’ Assisi xtaq lil Sant’Anton ta’ Padova: “Nieħu gost li inti tgħallem it-teoloġija, sakemm waqt l-istudju inti ma titlifx l-ispirtu tat-talb u d-devozzjoni”.

Alla jikkomunika magħna permezz tal-Iskrittura u l-Maġisteru; imma Alla jkellemna wkoll permezz tal-istorja tal-poplu, u l-istess ġrajja tal-bniedem taf tkun messaġġ ta’ Alla għalina bħala Knisja llum. Alla kapaċi jirrivela lilu nnifsu fil-ħajja ta’ dawk li jgħixu fit-trufijiet tal-istituzzjoni tal-Knisja u tas-soċjetà. Mhux eskluż li fil-qalb ta’ dawk “maqtugħin” miċ-ċentru, nisimgħu eku tal-vuċi ta’ Alla. Għalhekk is-saċerdot ma jistax jaħtaf il-“muftieħ” biex jingħalaq ġewwa l-kastell u hekk jissepara ruħu mis-soċjetà; niżbaljaw jekk biex “niddefendu” l-vokazzjoni tagħna, nagħżlu li nibnu u ngħixu f’dar tat-tajjar; jekk biex inkunu nodfa, nirrifjutaw li nċappsu jdejna bit-tajn. Tkun tassew ħasra jekk is-saċerdot jirtira mit-triq u jkun barrani għar-realtà tal-ħajja! Kif iħobb jinsisti l-Papa Franġisku, “ir-realtà hi aqwa mill-idea”: “Ir-realtà sempliċement hi, waqt li l-idea tiġi elaborata. Bejn it-tnejn għandu jkun hemm djalogu kontinwu, u nevitaw li l-idea tispiċċa tinfired mir-realtà. Hu perikuluż li ngħixu f’saltna tal-kelma waħidha, tax-xbieha, tas-sofiżmu. Minn hawn wieħed jikkonkludi li hemm bżonn infittxu t-tielet prinċipju: ir-realtà hi ogħla mill-idea. Dan jitlob minna li nevitaw bosta xejriet ta’ ħabi tar-realtà: il-puriżmi anġeliċi, it-totalitarjaniżmi ta’ dak li hu relattiv, ir-retorika vojta, il-proġetti iktar formali milli reali, il-fundamentaliżmi anti-storiċisti, is-sistemi etiċi li ma jfittxux il-veru ġid, l-intellettwaliżmi xotti minn kull għerf” (Il-ferħ tal-Vanġelu, 231).

Bħala saċerdoti l-Mulej jafdalna ċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti li huma għejun tal-grazzja li ddewwaq lill-bniedem il-ħlewwa tas-salvazzjoni li ġejja minn Alla. Din hija responsabbiltà kbira li tiżboq il-ħila u l-istess idonjetà tagħna, imma l-Mulej għoġbu jsejħilna biex inkunu medjaturi bejnu u ħutna l-bnedmin. Il-grazzja mhix propjetà tagħna imma tiegħu – għalhekk importanti li l-muftieħ fdat f’idejna ma nużawh qatt biex nagħlqu lil xi ħadd barra u nċaħħduh mis-salvazzjoni. Ma nagħlqux il-grazzja f’kobba ta’ regoli u preskrizzjonijiet li hekk flok ma niffaċiltaw il-laqgħa ma’ Ġesù, naqtgħu qalb il-bniedem. Kif fakkar il-Papa Franġisku lit-Tribunal tar-Rota f’Jannar li għadda, “ma nifgawx is-salvazzjoni bl-ilġiem tal-ġuridiżmu… u nevitaw is-sofiżmi li huma ’l bogħod mil-laħam ħaj tal-persuni li jinsabu taħt il-vieġ”. Il-Liġi ta’ Alla hija meħtieġa u n-normi tal-Knisja wkoll; imma ma ninsewx li Alla huwa ogħla mil-liġi u ma nistgħux nirriduċu l-Ispirtu s-Santu u lill-Iben għal prinċipji.

Il-muftieħ qiegħed f’idejna biex niftħu l-bieb tal-Knisja għal kulħadd. Ħasra li għandna min joqgħod għassa mal-bieb tal-komunità Nisranija biex jara min għandu dritt jidħol jew le, min għandu aċċess għas-sagramenti jew le. Għall-kuntrarju, għandna nippruvaw nagħmlu mill-Knisja dar li tilqa’ lil dawk kollha li qegħdin ifittxu lil Ġesù. Knisja, parroċċa jew għaqda ekkleżjali li jżommu l-bibien imbarrati ma humiex knejjes imma mużewijiet. Niżnu kliem Kristu: “Ħażin għalikom intom l-għorrief tal-Liġi. Intom ħtaftu l-muftieħ tal-għerf biex imbagħad intom stess ma dħaltux u żammejtu lura lil min ried jidħol” (Lq 11:53).