Illum il-Knisja tagħmel il-Festa San Mattew


Fil-21 ta’ Settembru l-Knisja tagħmel il-Festa San Mattew, Appostlu u Evanġelista li għex fl-1 Seklu.

Mattew kien Lhudi. X’aktarx li kien mill-Galilija. Bla dubju kien raġel għani. Ismu jfisser ”Rigal ta’ Alla.” Huwa l-istess persuna li San Mark u San Luqa jsejħulu Levi.

Bi professjoni kien Pubblikan, jiġifieri wieħed li jiġbor it-taxxi mingħand il-Lhud u jgħaddihom lill-ħakkiema tagħhom ir-Rumani. Dan kien fi żmien Erodi Antipa. Il-Lhud ma kinux jaħmluhom lir-Repubblikani, għax barra milli kienu aġenti tal-Gvern Ruman, kellhom il-fama li kienu rgħiba u qarrieqa. Għalhekk il-Lhud ma kinux iħalluhom jidħlu fit-tempju u fis-sinagoga. L-ebda Lhudi tal-affari tiegħu ma kien ikollu kuntatti magħhom.

B’danakollu, darba waħda Ġesù rah bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi, u qallu: “Ejja warajja.” Dak qam u mar warajh. (Mattew 9:9) Hekk kienet is-sejħa ta’ San Mattew biex isir wieħed mit-tnax l-Appostli ta’ Ġesù.

Ftit wara, Mattew stieden lil Ġesù għall-ikla fid-dar tiegħu f’Kafarnaum u stieden ukoll ħafna kolletturi ħbieb tiegħu. X’ħin il-Fariżej raw dan ħaduha kontra Ġesù u qalu: “Għaliex jiekol mal-pubblikani u l-midinbin?” Ġesù sempliċiment weġibhom:

“It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda.” (Mattew 9:12)

Isem San Mattew insibuh fil-lista tal-Appostli. Flimkien mal-Appostli kien xhud tal-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù; kien magħhom ukoll meta Ġesù tela’ s-sema; u wara mar magħhom ukoll Ġerusalemm jitlob u jistenna l-miġja tal-Ispirtu s-Santu. (Atti 1:13)

San Mattew kiteb l-ewwel Vanġelu. Kitbu bl-Aramajk, l-ilsien antik tal-Palestina, u li bih kien jitkellem Ġesù. Is-simbolu tiegħu hu figura ta’ bniedem għax il-Vanġelu tiegħu jibda bil-ġenealoġija ta’ Ġesù.

It-tradizzjoni tgħid li San Mattew mar jipprietka lil Ġesù fl-Etjopja (mhux dik tal-Afrika iżda ta’ ħdejn il-baħar Kaspju) fejn miet martri.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.