It-Tentazzjoni u d-Dixxerniment


Publikazzjoni ġdida mill-MUSEUM. It-Tentazzjoni u d-Dixxerniment.

Is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM) permezz ta’ Pubblikazzjoni Preca, għadha kemm ippubblikat il-ktieb It-Tentazzjoni u d-Dixxerniment tat-Teologu Ċilen Segundo Galilea. Dan il-ktieb spiritwali li oriġinarjament kien ippubblikat bl-Ispanjol bit-titlu Tentación y Discernimiento, issa huwa maqlub għall-Malti.

Il-ktieb għandu jinteressa lil dawk kollha li huma impenjati f’kull tip ta’ ministeru fil-Knisja biex il-ħidma tkun dejjem iktar awtentika għax imqanqla minn dik li l-Ispirtu s-Santu jixtieq iwettaq fil-poplu ta’ Alla.  Jekk tassew irridu nżommu l-bilanċ f’dinja li spiss tħawwadna, irridu nagħrfu aktar minn qatt qabel niddistingwu bejn it-tqanqil awtentiku tal-Ispirtu s-Santu u dak li hu biss falsità.

It-Tentazzjoni u d-Dixxerniment

F’din l-opra Segundo Galilea jiddeskrivi n-natura tad-dixxerniment spiritwali Nisrani billi jieħu mit-tagħlim tal-qaddisin mistiċi Spanjoli Injazju ta’ Loyola, Ġwann tas-Salib u Tereża ta’ Avila. Imbagħad f’serje ta’ kapitli qosra japplika l-għarfien profond tagħhom għat-tentazzjonijiet maġġuri li niltaqgħu magħhom fiż-żewġ oqsma prinċipali tal-ħajja Nisranija: l-appostolat u t-talb. Bi kliem tassew għaqli u b’mod prattiku huwa jiddiskuti l-attiviżmu, il-konsegwenzi ta’ meta ningħalqu fina nfusna, l-għira pastorali, il-qtigħ il-qalb li ġieli nħossu waqt it-talb, l-użu ħażin tal-metodi tat-talb, u ħafna problemi simili, filwaqt li jurina kif niddistingwu bejn l-ispirti tajbin u dawk ħżiena. L-awtur jagħlaq billi jagħtina riflessjoni qasira fuq ir-rabta li teżisti bejn iċ-ċaħda Nisranija u x-xenqa naturali li hemm fina għall-kuntentizza.

Dan il-ktieb qiegħed jinbiegħ minn Librerija Preca, il-Blata l-Bajda għall-prezz ta’ €7.