Illum il-Knisja tfakkar lil San Finbar

Print Friendly, PDF & Email

Fil-25 ta’ Settembru l-Knisja tfakkar lil San Finbar, Isqof ta’ Cork li għex bejn is-snin 570 sa 623.

Twieled madwar is-sena 570 u kien jismu Lochan, u twieled f’Connaught, l-Irlanda, fis-seklu VI. Ommu kienet nobbli fil-qorti Irlandiża u missieru bniedem tas-sengħa.

Tgħallem għand il-patrijiet ta’ Kilmacahil f’Kilkenny, li semmewh Fionn-Bahr, jiġifieri “Ras Bajda”, u beda jissejjaħ Finbar.

Mar pellegrinaġġ Ruma u għadda minn Wales, fejn żar lil San David ta’ Menevia. Waqqaf skola monastika fuq il-gżira ta’ Lough Eiroe, fejn għex għal xi żmien bħala eremit.

Waqqaf imbagħad monasteru li madwaru żviluppat il-belt ta’ Cork, li tagħha kien l-ewwel isqof. Dan il-monasteru kien popolari ħafna fl-Irlanda t’Isfel u ssieħbu fih ħafna dixxipli.

Ipprietka l-Vanġelu fl-Iskozja u fl-Irlanda, u miet madwar is-sena 623 fil-belt ta’ Cloyne, imma ġie midfun f’Cork. Wara mewtu saru ħafna mirakli li kienu attribwiti għal dan il-qaddis.

Hu l-patrun prinċipali tal-belt u d-djoċesi ta’ Cork. Kemm il-Kattidral Protestant tant sabiħ (li qabel kien Kattoliku) kif ukoll il-Kattidral Kattoliku, anki dan kbir u sabiħ, fil-belt ta’ Cork, huma ddedikati lil San Finbar. Huwa patrun tal-imigranti.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply