L-Isqof Galea Curmi dwar Fratelli tutti u s-Samaritan it-tajjeb

It-Tnejn, 5 ta’ Ottubru 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Kurja tal-Arċisqof …

Omelija tal-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Inkun proxxmu

Ilbieraħ Papa Franġisku ħareġ Enċiklika bl-isem Fratelli tutti – Ilkoll aħwa, li titkellem fuq il-fraternità u l-imħabba soċjali. U fit-tieni kapitlu ta’ din l-Enċiklika, il-Papa jagħmel riflessjoni proprju fuq din il-parabbola li għadna kemm smajna llum: il-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb.

Hemm ħafna punti sbieħ li jsemmi l-Papa; se nsemmi punt wieħed biss. Hawnhekk, eżatt qabel il-parabbola, hemm dik il-mistoqsija li għamel l-għaref tal-liġi: “U l-proxxmu tiegħi min hu?” Dik kienet mistoqsija interessanti, għax fi żmien Ġesù, għal ħafna min-nies, il-mentalità kienet li l-proxxmu hu min hu tal-istess pajjiż, tal-istess art. Il-proxxmu jasal sal-fruntiera. U tifhem din għax proxxmu tfisser min hu viċin, allura dawk li huma viċin, dawk li huma tal-istess pajjiż. Sa hemm jasal il-proxxmu.

Meta saret din il-mistoqsija lil Ġesù – “il-proxxmu tiegħi min hu?” – innutaw li Ġesù ma jweġibhiex. Imma jgħid parabbola provokattiva għalihom, fejn isemmi lil dak li qabżu fuqu l-ħallelin, ħallewh hemmhekk imbiċċer bis-swat, nofsu mejjet. Jgħaddu tnejn min-nies tal-istess grupp, tal-istess pajjiż, wieħed levita u l-ieħor qassis; u jgħid l-Evanġelju, mhux ma ndunawx bih għax kienu aljenati, imma rawh, għaddew minn mal-ġenb u baqgħu sejrin. Imbagħad jgħaddi Samaritan, li ma kienx jikkwalifika ta’ proxxmu – u l-Evanġelju kemm-il darba juri kif is-Samaritani u l-Lhud ma kienu jitħammlu bejniethom, kien avversarju – u dan rah, tħassru, waqaf, mar idewwilu l-ġrieħi, jagħtih l-għajnuna li hemm bżonn, ħadu wkoll il-lukanda, biex jara dak kollu li kellu bżonn u jieqaf miegħu. “Min ġab ruħu ta’ proxxmu?”, jgħid Ġesù. Min ħenn għal dal-bniedem? Is-samaritan.

Innutaw kif Ġesù jaqleb il-mistoqsija, mhux iwieġeb il-mistoqsija ta’ dak l-għaref tal-liġi. Dak staqsieh: “Il-proxxmu tiegħi min hu?” U Ġesù jgħidlu: “Min ġab ruħu ta’ proxxmu?” Din hi d-differenza kbira. Meta tgħid “il-proxxmu tiegħi min hu?”, int qisek qiegħed fiċ-ċentru u tħares lejn in-nies madwarek u tgħid: dak proxxmu, dak mhuwiex; dak ngħinu, dak le. Mentri qed jgħid Ġesù: int ġib ruħek ta’ proxxmu ma’ kull min għandu bżonn l-għajnuna. U allura ma tagħmilx distinzjoni meta tgħin. Ma tgħidx: dak tal-partit tiegħi, ngħinu, dak mhux tal-partit tiegħi ma ngħinux; dik tar-reliġjon tiegħi, ngħinha, dik mhux tar-reliġjon tiegħi, ma ngħinhiex; dik tar-razza tiegħi, ngħinha, dik tar-razza jew lewn ieħor, ma ngħinhiex. Ma tgħidx hekk, għax int iġġib ruħek ta’ proxxmu ma’ kull min għandu bżonn l-għajnuna. Hawn Ġesù qed jgħid xi ħaġa li, jekk naħsbu ftit, nistgħu nagħmluha dejjem fil-ħajja tagħna. Mhux qed jitkellem fuq xi ħaġa ta’ barra minn hawn li tiġina opportunità ta’ darba, imma fuq xi ħaġa konkreta fil-ħajja tagħna li nistgħu ngħixuha dejjem.

Dejjem nistgħu nkunu proxxmu għall-oħrajn. Ħu, pereżempju, għajnuna materjali tista’ tagħti. Jew inkella xi ħadd imdejjaq li jrid min jisimgħu, u toqgħod tisma’ biss bla ma titkellem – ukoll qed tkun proxxmu. Jew inkella tgħid kelma ta’ ġid jew anke tbissima li tagħmel il-ħajja ta’ ħaddieħor isbaħ. Jew tieħu ftit mill-ħin tiegħek u tużah għall-oħrajn. Papa Franġisku jgħid fuq dan is-Samaritan it-Tajjeb: dan waqaf minn dak li kien qed jagħmel, u l-ħin tiegħu użah biex jgħin lil dan. Allura hemm diversi mumenti fil-ħajja tagħna fejn nistgħu nkunu proxxmu għall-oħrajn.

Nitolbu lill-Mulej illum il-grazzja u l-għajnuna tiegħu biex, kif uriena permezz ta’ din il-parabbola, aħna nkunu proxxmu għall-oħrajn, u biex niftakru f’dak li qalilna hu: Dak kollu li tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti tkunu qed tagħmluh miegħi.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading