Dan hu t-titlu tal-ktieb li l-Mulej tani grazzja nippubblika f’dawn l-aħħar ġimgħat. Liema ktieb hu mitbugħ mill-Muviment Tpattija għad-Dagħa.It-titlu ta’ dan il-ktieb jiftaħni f’beraħ ta’ ħsieb. L-istess bħalma hi l-qoxra tiegħu. Kull kapitolett fih għalija hu bħal skaluna ta’ dak is-sellum li, minnu nnifsu, għandu direzzjoni waħda: Is-Sema Pajjiżna! Għal uħud li s-Sema hi pajjiżhom aqta’ kemm hi grazzja kbira! Bilfors! Jekk dawn in-nies dejjem jaqilgħu minn ta’ madwarhom l-għaliex ma jaħmluhomx pinġuti u jħallu lill-Mulej jagħmel bihom biżibilju ġid! Għal dawn, li tilfu kollox u lil kulħadd, x’jirbħu għandhom! U mhux jitilfu! X’jitlef għandu min moħħu fil-poter. Ħa jilħaq. Biex jiddomina lil ħaddieħor. U biex żgur tgħaddi tiegħu u tal-klikka tiegħu! Ara dak, kif tgħidlu li mhux għal hawn, dritt tarah joħroġlok il-qrun! Anki jekk, suppost, skont is-sejħa tiegħu, dawn l-affarijiet ta’ min jistmellhom lanqas biss għandu joħlomhom! Aħseb u ara mela kemm jagħmilhom!
X’assurdità hux! Darba hekk tkellimt ma’ professjonista tas-saħħa: Sewwa! Mela għal life span ta’ 90 sena ma nafx kemm noħolqu speċjalizzazzjonijiet! U ma nafx kemm nagħmlu studji! U nġibu d-dinja fit-tarf bl-istudji-atlas tagħna! U, dan l-istorjbu kollu għal 90 sena ta’ ħajja! Imbagħad, Alla jbierek, għall-eternità, li ma tispiċċa qatt, hemm kollox jgħaddi! Nistgħux naqgħu fil-baxx aktar minhekk ħbieb? Nistgħux noffendu l-kapaċità intellettwali tagħna b’dan il-mod mill-aktar vili? Iva fejn hi l-intellettwalità f’dan kollu? Daqshekk niswa jien? Li wara din il-ħajja proprju m’hemm xejn għalija? Hawnx għalina ħej x’dinjità din! Għidli fejn toqgħod din id-dinjità finta ħa naħrabha, anzi ħa nwaħħel GPS daqshiex ma’ moħħi u qalbi biex żgur ma nersaqx lejha! Kemm hi degradanti u offensiva għad-dinjità tiegħi bħala persuna umana hux!
Mela, grazzi Mulej tal-fidi Nisranija li fetħitli dan l-orizzont tant u tant sabiħ tal-eternità! Għax almenu l-kanen li nibla’ f’din id-dinja u d-daqqiet li naqla’ minħabba l-għira ta’ ħaddieħor, ħtija tal-għira u l-poter li qed isewsilhom qalbhom u ruħhom mhumiex għalxejn! Xi grazzja O Mulejja li hemm Int, l-Etern! Dak li Int! U Int tibqa’ dak li Int u ma titbiddel qatt! U minn ħadd! Għax ma tafx tiġi mgħowwi u lanqas taf tindiehes biex tidħol fil-klikka ta’ min irid jagħmel il-ħażen! Għax lanqas taf x’jiġifieri tinħabb ma’ min qed imexxi biex tieħu dak li trid!
Għalhekk, dan il-ktieb ħelu, li l-Mulej f’imħabbtu tani, joħodni iva Għas-Sema Pajjiżna. Bil-kapitoletti tiegħu jfakkarni li la s-Sema hu Pajjiżi allura m’għandix għalfejn nintrabat mal-flus! Għax x’jiswieli jekk il-but nagħmlu alla tiegħi? Forsi se jseħħlu joħodni fil-mergħat ta’ dejjem? U kif ma nixxennaqx għas-Sema Pajjiżi x’kull waħda tnejn? Meta din l-għaġla u l-ġenn ta’ ħajja proprju qed tniżżilna fil-qiegħ?
Is-Sema Pajjiżi jgħinni napprezza bil-kbir is-sagrifiċċju li għamel il-Beatu Jerzy Popiełuszcko li ta ħajtu għall-libertà reliġjuża. Anki f’dik il-ħarsa tiegħu, il-ħarsa ta’ persuna li fittex lil Ġesù biss f’ħajtu, nara diġà dak id-dawl dejjiemi li hemm lest fis-sema għal min lest li jiftaħ qalbu u qalbha għas-Sultan tal-paċi. Għas-Sid tas-sidien. Għall-Ħajja tal-ħajjiet. Għax, tbissima sinċiera, u mhux mqanżħa minn suppervja li tnitten għax imnittna! Kemm tagħmel tabilħaqq differenza tbissima li ħierġa mill-qalb! It-tbissima ta’ min iħobb, avolja jippersegwitawh għax ma jifilħux jarawh jagħmel ir-rieda tal-Mulej! Kemm tbissima bħal din kapaċi tagħti l-ħajja! Għax tagħtina l-veru ċittadinanza li ilkoll għandna, għalkemm mhux kollha kemm aħna irriduha: iċ-ċittadinanza tas-sema!
Għalhekk, is-Sema Pajjiżna, għandu jgħinna bis-sħiħ u qatiegħ, biex norbtu x-xwieni tagħna maż-żewġ kolonni tant importanti għal ħajjitna. L-ewwel waħda, Ġesù Ewkaristija. Xi ġmiel li, ilkoll kemm aħna, għandna dan l-ikel li jmantnina u dan ix-xorb li jisqina. L-Ewkaristija hi l-ikel li għandu jkollna u li għandna nagħżlu, għal matul il-vjaġġ tagħna lejn is-Sema Pajjiżna. L-għaliex l-ebda ikel ieħor ma jista’ tabilħaqq jissudana daqskemm jista’ dan l-ikel. Fir-riżq it-tajjeb u l-ħażin, fis-saħħa u fil-mard, fid-dubju u fiċ-ċarezza, hemm dan l-ikel li hu ta’ l-aqwa garanzija għalina ilkoll.
Barra minhekk, it-tieni kolonna qiegħdha lesta għalina biex tibqa’ turina triqtna lejn is-Sema. U din m’hija ħadd għajr Ommna Marija! Fil-fatt, Marija hi Ommna tas-Sema. Li, mis-Sema, tinżel hawn fostna. Biex tiltaqa’ magħna. Takkumpanjana. Itterraq magħna dawn il-passi li qiegħdin nagħmlu f’dan il-Wied tad-Dmugħ. Sakemm tasal ukoll għalina, bħalma waslet għaliha, il-waqt li ninqagħtu darba għal dejjem minn dan in-niket u l-għelt kiefer ta’ din il-ħajja.
Għalhekk, l-imħabba ta’ Ommi Marija lejja kemm insibha tfejjaqni mis-suspett! Jiġifieri, minn dak is-suspett li hawn jiġri bejnietna, li moħħu hu li jivvelena r-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Imħabbet Marija naraha għalija bħala l-qawwa li timlini bil-bosta biex ma nissuspetta f’ħadd. Għax min jgħix bis-suspett mhux biss ikun qed jonqos mir-rispett imma wkoll ikun qed ixettel ix-xitla tal-mibegħda fina li tifga lil min ikun fil-viċinanzi tagħha. Kemm fejqan tal-Mulej iġib miegħu l-bniedem li s-suspett ma jafx x’inhu! U, ħa ngħiduha kif inhi issa, f’dinja fejn taħseb li donnok qed tgħix mal-klieb tal-għassa u mhux mal-bnedmin, l-għaliex kulħadd lest biex iqatta’ biċċiet wieħed lil ieħor, kemm il-bniedem li jafda iġib fostna d-duwa tal-ferħ u l-hena etern tas-sema! Dawn huma ċ-ċittadini vera li qiegħdin, bl-aqwa mod, jirrappreżentaw lis-Sema Pajjiżna!
Waqt li qed nitħaddet fuq dan il-ktieb, l-Ispirtu tal-Mulej qed itajjarni minn kapitolett għall-ieħor tiegħu bi ħfufija liema bħalha. M’hemm xejn tqil. Kollox hu ħafif u nadif tazza! Għax kollox ġej mis-Sema. U din hi t-talba tiegħi għall-qarrej u l-qarrejja ta’ dan il-ktieb: Li meta jaqrah il-ħlewwa tal-Mulej tant tidħol fih u fiha li, bil-mod il-mod, jasal hu wkoll għal din id-deċiżjoni importanti f’ħajtu u f’ħajjitha: JIEN MAĦLUQ U MAĦLUQA GĦAS-SEMA PAJJIŻI! U LA DAN HU L-KAŻ GĦALHEKK JIEN IRRID NAĦDEM! U GĦAL XEJN U XEJN AKTAR!
Patri Mario Attard OFM Cap