Stedina li ta’ min jilqagħha


Il-Ħadd, 11 ta’ Ottubru 2020: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Quddiesa tat-28 Ħadd tas-Sena fil-Parroċċa tal-Lunzjata, Balzan.

Stedina li ta’ min jilqagħha

Meta Ġesù jagħmel din it-tixbiha tal-festa tat-tieġ – sultan li ried jagħmel festa għat-tieġ ta’ ibnu – ried juri lin-nies li Alla dejjem jistedinhom, u jistieden lilna lkoll, għall-ħbiberija miegħu. Jekk hemm sinjal tal-imħabba, hu proprju t-tieġ, u għalhekk il-festa tat-tieġ hi l-festa tal-ħbiberija ma’ Alla.

Hawnhekk Ġesù kien ċar li Alla dejjem jistieden, imma mbagħad mhux kulħadd jaċċetta l-istedina. Fil-fatt, qal li wara li diversi li ma aċċettawx, is-sultan bagħat il-qaddejja biex jistieden lil oħrajn, għax hu jistieden lil kulħadd – qatt ma jaqta’ barra lil xi ħadd – għal din il-ħbiberija miegħu.

Nixtieq insemmi xi punti li naraw f’din il-parabbola li jgħoddu ħafna għal ħajjitna llum.

L-ewwelnett, Alla jagħmel din l-istedina, li tfisser li aħna lkoll imsejħin għal xi ħaġa sabiħa. Jekk innutajtu, fl-ewwel qari mill-ktieb tal-Profeta Isaija, hemm dik it-tixbiha ta’ ikla; u hawnhekk ta’ festa tat-tieġ. Li jrid jgħid Alla huwa: il-fidi għandha timlielna qalbna bil-ferħ, u Alla jistedinna għal xi ħaġa sabiħa. Meta ngħidu jistedinna għal-laqgħa miegħu, għall-ħbiberija miegħu, qed jistedinna għal xi ħaġa tassew sabiħa. Din hi importanti. Kultant ikun hemm min ikollu l-impressjoni li meta temmen se timtela bid-dwejjaq jew ikollok piż żejjed. Il-fidi fih tagħmlilna l-ħajja sabiħa għax tagħtina skop għall-ħajja u tgħaqqadna miegħu u timliena bl-imħabba.

It-tieni, Alla jistieden lil kulħadd. Rajna hawnhekk meta kien hemm min ma laqax l-istedina u s-sultan bagħat il-qaddejja, jgħidilhom: stiednu lil kulħadd, tajbin u ħżiena. Alla qatt ma jelimina lil ħadd. Qatt ma jgħid: lil dawn nistedinhom, u l-oħrajn jibqgħu barra; lil dawn insejħilhom għal miegħi, imma l-oħrajn ma rridx naf bihom. Nies ta’ kull età, ta’ kull stat soċjali, ta’ kull razza, ta’ kull tip – Alla jistedinhom ilkoll għal din il-ħbiberija miegħu. Dan jurina li Alla hu Alla ta’ kulħadd, u lilna jridna nwasslu din l-istedina lil kulħadd.

Imbagħad, l-iktar ħaġa li tolqtok f’din il-parabbola hi kif in-nies laqgħu jew ma laqgħux l-istedina tiegħu. Hemm erba’ kategoriji differenti li narawhom proprju fil-ħajja tagħna. Ġesù jsemmi li din l-istedina tista’ tilqagħha jew tirrifjutaha. Alla qatt ma jimponi lilu nnifsu, jew iġagħlek bilfors.

Kien hemm dawk li lill-qaddejja li bagħat is-sultan, żebilħuhom u qatluhom. Reazzjoni vjolenti. Insibuha fi żmienna u l-vittmi huma dawk in-nies li huma martri minħabba l-fidi tagħhom. Tolqotni ħafna l-kelma “żebilħuhom”, għaliex din narawha tiġri. Anke bil-kummenti online, fuq l-internet, kliem ta’ żeblieħ li juru qalb imnawra. Min iżeblaħ għandu qalbu mħassra. Narawha tiġri din fost tant nies li għax jagħmlu l-ġid ikunu mżebilħa.

Oħrajn, meta rċevew l-istedina, kellhom ħafna x’jagħmlu u ma laqgħux l-istedina. Min mar fl-għalqa, min fin-negozju – turik li dawn ma kienux qed jagħmlu xi ħaġa ħażina. Li tmur taħdem fl-għalqa jew għan-negozju ħaġa tajba. Imma dawn kien tant medhijin fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum li lanqas taw każ l-istedina ta’ Alla. Din hi xi ħaġa li tista’ tiġri, li tħallina indifferenti għall-istedina ta’ Alla tant inkunu medhijin bl-affarijiet tajbin li qed nagħmlu. Irridu noqogħdu attenti li ma nitteħdux tant minn dak li nkunu qed nagħmlu fil-ħajja li nitilfu l-kuntatt ma’ Alla u ma nilqgħux l-istedina tiegħu.

Imbagħad hemm ħaġa kurjuża, li forsi llum ma tantx nifhmuha, meta jgħid li meta daħal, is-sultan ra wieħed li ma kienx liebes il-libsa tat-tieġ. U qallu: dan kif dħalt hawn liebes hekk? Fl-antik kienu jibagħtu l-libsa li għandek tilbes għat-tieġ. Imma hawnhekk qiegħda bħala tixbiha li juża Ġesù; meta jsemmi min liebes il-libsa tat-tieġ, jiġifieri wieħed jiġi ppreparat, qalbu miftuħa. Imma dan tal-parabbola ried jibqa’ sieq barra u sieq ġewwa. Iqabbel fejn jaqbel: xi ħadd li mhux liebes għall-festa tat-tieġ jiġfieri li f’qalbu għandu l-mibegħda, l-egoiżmu, imbagħad imur għall-festa tal-imħabba. Għalhekk Ġesù jgħid li dan ma kienx postu hemmhekk, mhux postu jekk mhux ippreparat li jinbidel għall-aħjar imma jrid jibqa’ fi stil ħażin ta’ ħajja u mbagħad irid ukoll jieħu sehem flimkien ma’ Alla fil-festa tiegħu.

Hemm imbagħad dawk li jilqgħu l-istedina u jkunu lesti jinbidlu fil-ħajja tagħhom biex jilqgħu l-istedina ta’ Alla. It-talba tagħna llum hi biex dejjem inkunu fost dawk li jilqgħu l-istedina. Hekk nagħmlu kull meta niġu l-knisja. Nitolbuh biex dak li nagħmlu hawn fil-knisja waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, meta nilqgħu l-istedina tiegħu, inkomplu ngħixuh ukoll fil-ħajja ta’ kuljum biex dejjem qalbna tkun miftuħa għalih ħalli hu jimlihielna bl-imħabba kbira tiegħu.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.