Is-sbuħija ta’ ġewwa


It-Tlieta, 13 ta’ Ottubru 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kurja tal-Arċisqof …

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-Fariżew kellu raġun jinnota u jilmenta li Ġesu ma segwix ir-ritwal tal-ħasil (ara Lq 11:38). Fil-fatt, dil-ħaġa, l-Imgħallem m’għamilhiex. Ma kinitx biss kwistjoni ta’ ritwal imma nimmaġina anke ta’ iġene. Ġesu juża dan il-mument biex ifehemna li għalkemm ir-ritwal għandu wkoll is-sinifikat tiegħu, hemm bżonn li jibda minn ġewwa, mill-atteġġjamenti tagħna. Ta’ min nirriflettu ħafna fuqhagħax aħna għandna ħafna devozzjonijiet. Il-fidi tagħna hija mqawwija u anke mgħejjuna minn tant ritwali, imma jekk ma jkunx hemm l-imħabba li tiġi mill-qalb, jekk ma jkunx hemm l-atteġġjament tal-fidi, ta min nistaqsi jekk dak li nagħmlu huwiex biss kwistjoni ta’ barra.

Ġesu jiddistingwi bejn dak li huwa ta’ barra, u dak li ġej minn ġewwa, mill-qalb. “Agħtu karità minn dak li hemm ġewwa” (Lq 11:41), mill-qalb, għaliex jekk aħna dak li nagħmlu jkun immexxi mill-imħabba allura se jkun verament nadif.

Nieħdu pereżempju dak li qed jitolbu minna l-awtoritajiet tas-saħħa, il-prekawzjonijiet li għandna bżonn nieħdu. Għandna neħduhom b’ċertu għaqal anke bħala espressjoni ta’ għożża u ta’ karità u mħabba. Jistgħu jkunu affarijiet ta’ barra imma hemm bżonn l-atteġġjament u l-mentalita li tajjebnieħdu ħsieb u ngħożżu ’l xulxin.

Aħna u nfakkru fil-Madonna u fl-esperjenza mistika li kellhom it-tliet ragħajja ġewwa Fatima, nitolbu wkoll għall-paċi fid-dinja. Il-Madonna talbet lil dawn it-tliet ragħajja jwasslu messaġġ: il-messaġġ li għandna nafdaw ħafna fil-qalb bla tebgħa tagħha. Il-qalb bla tebgħa tal-Madonna hija dak ir-reċipjent sabiħ minn ġewwa, imbagħad kien ifur bl-imħabba għall-proxxmu.

Ħalli niftakru f’episodju ċkejken. L-Anġlu Gabrijel iħabbar lil Marija li hija għandha ssir omm Alla u jagħtiha sinjal: “Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur” (Lq 1:36). Il-Madonna fehmet li Eliżabetta mhux biss kien se jkollha tarbija fi xjuħitha imma li kellha bżonn l-għajnuna. Hi, li mhux biss kienet sabiħa minn ġewwa għaliex imnissla mingħajr tebgħa, imma kienet qed iġorr l-imħabba ta’ Alla magħmul bniedem, Ġesu, fil-ġuf tagħha, tfawwar dik l-imħabba minn ġewwa f’għemil ta’ mħabba minn barra. Tmur iżżur lil Eliżabetta, toqgħod magħha tliet xhur sakemm jitwieled it-tifel li kellu jissemma Ġwanni.

Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna nimitaw ’il Madonna fis-sbuħija tal-qalb tagħha. Il-Madonna tgħallimna meta u kif il-karità minn ġewwa tagħmilna tassew sbieħ u ndaf.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Gal 5, 1-6
Salm: 18 (119), 41.43.44.45.47.48
Evanġelju: Luqa 11, 37-41

Sors: www.knisja.mt

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.